Iż-Żebbuġ

Dħul

Iż-Żebbuġ

Iż-Żebbuġ jinsab daqs 3.2 km bogħod mir-Rabat Citta' Vittoria, il-kapitali ta’ Għawdex u jinsab fin-naħa tat-tramuntana tal-gżira. Mibni fuq iz-żewġ għoljiet ta’ Abram u ż-Żebbuġ huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar irħula fl-għoli f’Għawdex.

Iż-Żebbuġ hija kelma Maltija għal siġar taż-żebbuġ jew l-istess prodott tagħhom li jintuza tant fl-ikel u li wkoll jingħasar biex isir iż-żejt minnu. Dan ir-raħal ħa l-isem ta’Iż-Żebbuġ għax jingħad li f’dawn l-inħawi kien hemm ħafna siġar taż-żebbuġ minkejja li llum ftit għadek tara minn dawn is-siġar. Iżda skond l-antenati tagħna dawn is-siġar taż-żebbuġ kienu jikbru ġmielhom fuq din l-għolja u madwarha, minħabba l-bosta għejun ta’ ilma li kienu jinsabu madwar ir-raħal.

Il-motto tar-raħal huwa ‘Terra Sublimis’ li tfisser ‘Art fil-Għoli’ li tagħti tifsira mill-aħjar għal dan ir-raħal li jinsab hekk fl-għoli u li jista’ jidher mill-parti l-kbira tal-gżira Għawdxija. Bħala stemma taż-Żebbuġ insibu tarka fuq sfond tal-fidda u b’siġra taż-żebbuġ fuq għolja u fuqha hemm faxxa ħamra bi tliet stilel ta’ sitt ponot u ta’ lewn dehbi.

Mir-raħal taż-Żebbuġ wieħed jista’ jgawdi l-isbaħ veduta tal-gżira Għawdxija u ġie li tista’ tara wkoll lil Sqallija. L-għolja taż-Żebbuġ li hija twila kważi 3.5 km fejn f’nofs ta’ triq prattikament dejqa u li tiftaħ f’misraħ arjuż insibu lill-knisja parrokjali li tgħaqqad iż-żewġ xaqlibiet magħrufa bħala l-Ponta u x-Xagħra l-Kbira. Il-Ponta hija l-iktar post fl-għoli, 126 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar. Ħarsa madwar l-għoljiet ta’ Abram u ż-Żebbuġ insibu l-postijiet magħrufa bħala s-Sellum, tat-Taflija, Ta’ Laveċċa, tal-Birgu, tal-Kanun, Ta’ Dun Wistin, Ta’ Ċikku, Ta’ Dilokka, taċ-Ċaqra, tal-Buġar, Ta’ Għajn Quċċat, is-Sagħtrija, Ta’ Bembla, Għajn Mhelhel, Ta’ Tutiet, Tal-Ħluq, Ta’ Gullu, Ta’ Milied, Ta’ Ġienju, Ta’ Abram u Ta’ Ċenċ.

L-istorja taż-Żebbuġ tmur lura s-snin u sa mill-1282 fejn il-kumunità ġa kienet bdiet tifforma ruħha u aktarx setgħu anke bnew xi kappella. Matul iż-żminijiet inbnew diversi kappelli oħra fejn fl-aħħar kien fit-28 ta’ April 1688 iż-Żebbuġ flimkien ma’ tliet lokalitajiet oħra Għawdxin, sar ukoll Parroċċa b’digriet ta’ l-Isqof David Cocco Palmieri. Bħala l-ewwel kappillan inħatar Dun Franġisk Vella li dam imexxi l-Parroċċa għal 54 sena sħaħ. Din id-data tat-twaqqif tal-Parroċċa issa saret bħala data uffiċjali tal-lokalità taż-Żebbuġ u fil-fatt, il-Kunsill Lokali beda jiċċelebra din l-okkażjoni speċjali b’diversi attivitajiet fl-1999.

Sa snin ilu l-biedja kienet sors prinċipali għal familji Iż-Żebbuġin. Il-wiċċ ewlieni ta’ kull sena kien ix-xgħir u l-qamħ. Anke l-qoton kien wiċċ ieħor importanti u fiż-Żebbuġ u kont issib in-newl kważi f’kull dar. Il-kutri u l-fradi tas-suf u tan-newl maħdumin fiż-Żebbuġ kienu tant popolari u mfittxija. Anke x-xogħol fin tal-bizzilla kien tant popolari u mfittex. Wara l-qoton bdew jiġu kkultivati d-dwieli li kważi kulħadd kien ikabbar biex ukoll jagħsar l-għeneb u jkollu l-inbid tiegħu. Prodotti popolari oħra agrikoli huma l-bħajra, it-tadam, basal u patata. Popolari u mill-itjeb huma l-ġbejniet ta’ Għawdex magħmula mill-ħalib tan-ngħaġ li jsiru fiż-Żebbuġ.

              
View Larger Map

Marsalforn

Post u Isem
Mingħajr l-ebda dubju, Marsalforn hija waħda mill-iktar bajjiet popolari fil-gżejjer Maltin. Huwa wkoll l-iktar post magħruf għas-sajjieda f’Għawdex. Marsalforn jinsab taħt il-ħarsien tal-għolja taż-Żebbuġ u fil-fatt jista’ jintlaħaq minn l-istess Żebbuġ, kif ukoll minn toroq fir-Rabat  u x-Xagħra. L-isem ġej minn iktar minn kelma waħda. ‘Il-Marsa’ bl-Għarbi tfisser port, filwaqt li ‘forn’ hija l-kelma għal post li fih kien isir il-ħobż. Iżda huma inprobabbli li tant snin ilu kien jeżisti xi forn f’din il-lokalità, għax minn kien ser jinvesti f’xi forn fi żminijiet li f’dan il-post kienu jgħixu biss ftit sajjieda. Hija possibiltà li forn ittieħed mill-kelma Għarbija ‘lifurna’ li tfisser tip ta’ bastiment u forsi iktar tapplika din l-aħħar verżjoni. Jista’ jiġi konkluż li Marsalforn ħa l-isem bħala l-post tal-bastimenti.


Motto u Stemma
Bħala motto, insibu ‘Tranquillitatis Planissimus’ li tfisser post imdawwar b’serenità. L-istemma ta’ Marsalforn hija tarka ta’ kulur blu li tirrappreżenta l-port, imdawra b’burdura ta’ kulur dehbi. Fuq it-tarka wieħed jara s-simboli ta’ San Pawl li huma s-sejf u l-lifgħa u dan kif hemm miktub fl-Atti ta’ l-Appostli. U wkoll, skond it-tradizzjoni, wara l-għarqa f’Malta, San Pawl telaq lejn Ruma minn Marsalforn.


Panorama

Marsalforn huwa post imdawwar b’diversi għoljiet fosthom iż-Żebbuġ, id-Dabrani, ta’ Kuljat, il-Merżuq, il-Qolla l-Bajda, il-Qolla s-Safra, il-Qolla l-Ħamra u x-Xagħra. Hekk kif wieħed jinżel lejn Marsalforn minn Għajn Mhelhel jasal fil-bajja kwieta tax-Xwejni. L-iktar li jiddominaw huma l-blat ta’ din il-bajja u ‘l ġewwa minnha hemm is-salini tal-melħ fejn hawn jiġi prodott b’mod mill-iktar naturali parti sostanzjali ta’ dan il-prodott li jiġi kkunsmat fil-gżejjer Maltin.

Wieħed jista’ jasal Marsalforn billi jinżel mis-Sagħtrija u jibqa’ ġej għal matul il-kosta kollha sax-Xwejni jitgħaxxaq bis-sbuħija tal-baħar, bis-salini u bil-bosta dilettanti tas-sajd bin-nassi u l-qasab jittantaw il-fortuna tagħhom għal xi qabda ħut tajba. Huwa post li għadu fi stat naturali fejn l-iktar fis-sajf diversi familji jiffrekwentaw għal mumenti ta’ mistrieħ u rilassament.
Storja


Marsalforn kien l-iktar port popolari ta’ Għawdex għal bosta sekli. Sa minn żmien ir-Rumani dan il-port serva ta’ pont bejn Għawdex u l-kumplament tad-dinja. Affarijiet importanti minn Sqallija kienu jinhattu f’dan il-port ta’ Marsalforn u kien minn hawn ukoll li passiġġieri kienu jitilqu lejn Licata b’destinazzjoni lejn pajjiżi oħra.


Ekonomija
L-ikbar sors ekonomiku f’Marsalforn jista’ jinqasam fi tnejn. Fl-antik, is-sajd kien l-għajxien tar-residenti tal-lokal, iżda matul dawn l-aħħar snin il-post żviluppa wkoll f’bosta faċilitajiet turistiċi u dan jiġġenera ħafna ekonomija mhux biss ta’ l-istess Marsalforn, iżda wkoll tal-gżira Għawdxija.
Tradizzjoni
Tradizzjoni u użanża fiż- Żebbuġ hija l-Għażżiela. Din hija biċċa għaġina f’forma ta’ ‘M’ għall-isem ta’ Marija li wara li tiġi moħmija, tiġi mbierka u tintuża biex tiddendel l-iktar wara l-bibien biex ir-residenti jitħarsu mit-tempesti u diżastri naturali.

Onice
Dan l-irħam oniċe nstab biss fiż-Żebbuġ fis-sena 1738 fi żmien il-Gran Mastru Despuig fl-għalqa fil-limiti ta’ bejn taċ-Ċaqra u s-Sagħtrija. Iżda fis-sena 1980 l-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Alwiġ Vella kien ikkuntattja lil Salvu Cefai, sid l-għalqa fl-inħawi taċ-Ċaqra li jingħad li fiha kien hemm blata kbira minn dan l-alabastru u li kien lest jirregalaha lill-Knisja biex isiru diversi opri minna. U fil-fatt hekk sar għax illum it-Tempju Marjan huwa mimli b’dan l-irħam fin u sabiħ frott ta’ l-istess parroċċa.