San Ġwann

Dħul

 Is-subborġ ta’ San Ġwann huwa magħmul l-aktar minn bini relattivament modern. Madankollu, il-ftit fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fl-inħawi jissuġġerixxu li l-istorja antika ta’ San Ġwann hija minsuġa fl-istorja nazzjonali ta’ Malta.

L-eqdem fdalijiet tal-bniedem fl-inħawi huma r-raded tal-karettuni qrib iż-żona ta’ Sant'Andrija, forsi ta’ qabel il-perjodu Puniku, madwar 2300-1000 QK.  Dawn ir-raded tal-karettuni preistoriċi jindikaw li l-inħawi seta’ kien is-sit ta’ komunita' agrikola li kienet tikkultiva l-widien li kienu fertili f’Wied Għomor, Wied il-Ballut u Wied Għollieqa. Dawn l-abitanti tal-preistorja setgħu kienu jgħammru fl-għerien fil-qrib.

F’Wied Għomor, hemm ukoll għadd ta’ blokki tal-ġebel tat-tip megalitiku li setgħu kienu ta’ struttura Neolitika.

Din il-komunita' agrikola kompliet bl-attivita' tagħha matul is-sekli ta’ wara.  Oqbra Rumani u ġiebja mgħottija nstabu fl-inħawi.  Madankollu, l-aktar fdal magħruf li nstab huwa t-Torri Ruman f’Ta’ Ċieda. Dan it-torri kien wieħed minn tmien torrijiet ta’ difiża mibnija madwar Malta madwar it-3 Seklu WK.  Matul żmien l-Gharab partijiet mir-reġjun kienu jintużaw bhala ċimiterju.

Ir-rabtiet ta' l-Għarab mar-reġjun huma ċari wkoll mid-diversi ismijiet Semitiċi li ngħataw lid-diversi lokalitajiet kif muri f’dokumenti nutarili medjevali.  L-ismijiet antiki li ngħataw lir-reġjun – Tal-Għargħar, u l-Imsieraħ - huma eżempji.  Matul iż-żmien medjevali, ir-reġjun jidher li kien abitat minn ta' lanqas ġew komunitajiet li kienu jgħixu f’Raħal Tigan u Raħal Ġer bejn Tal-Għargħar u n-Naxxar.

L-inħawi tal-Għargħar fil-perjodu medjevali milli jidher kienu l-post tal-knisja parrokkjali ta’ Santa Elena, abbandunata fl-14-il seklu, u li forsi kienet qrib it-Torri Ta’ Ċieda.  Il-kappella-għar ta’ San Leonardu hija magħrufa llum bħala l-Kappella tal-Lunzjata.

Il-miġja f’Malta tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530 u s-snin wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 ġabu ċertu livell ta’ sigurta mill-attakki Torok bħala riżultat wasslu għal żieda fil-popolazzjoni. Minbarra kappelli, strutturi mibnija fi żmien il-Kavallieri inkludew it-Torri ta’ Lanzun (razzett fortifikat madwar l-1713).

L-għolja tal-Għargħar serviet ta’ post important għat-truppi Maltin li bblukkaw il-forzi Franċiż i fil-kapitali bejn l-1798 u 1800.  Ir-razzett Ta’ Xindi serviet bħala l-kwartier ġenerali tal-Kaptan Vincenzo Borg (Brared).

L-inħawi ftit li xejn intlaqtu fit-Tieni Gwerra Dinjija, għalkemm it-Torri Lanzun ġarrab xi ħsara waqt ġbit mill-ajru.  L-inħawi ssemmew fi pjanijiet tal-Uffiċċju Kolonjali Britanniku fi skema ġenerali ta’ difiża fl-eventwalita' ta’ attakk nukleari.  L-Uffiċċju Kolonjali ta bidu ghall-bini ta’ tmien imtieħen tat-dqiq taħt l-art f’Malta u Għawdex.  Waħda minn dawn l-imtieħen bil-maħzen tal-qamħ tinsab wara l-Iskola Primarja tal-Gvern f’San Ġwann.

Il-ħamsinijiet wasslu wkoll għall-bini ta’ kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini u knisja ġdida li tlestiet f’Diċembru tal-1959 u saret il-Knisja Parrokkjali fl-1965.  Adottat l-isem tal-Kappella l-antika ta’ San Ġwann tal-Għargħar

Il-komunita' ta’ San Ġwann żdiedet b’mod sinifikanti fis-sebgħinijiet.  Fl-2005 il-popolazzjoni rreġistrat mal-12630 individwu.  L-Att dwar Kunsilli Lokali tal-1993 stabbilixxa San Gwann bhala distrett separat bl-awtorita' statutorja ta’ gvern lokali tiegħu.  L-ewwel Kunsill Lokali ta’ San Ġwann kien elett fis-16 ta’ April 1994.

              
View Larger Map