L-Imdina (Città Notabile)

Dħul

L-Imdina (Citta' Notabile)

L-istorja tal-lokalita L-Imdina – post abitat għal 4000 sena

Sa minn Żmien il-Bronż, l-għolja li fuqha hija mibnija l-Imdina kienet post fortifikat. Madwar 1000 Q.K, il-Feniċi bnew sur madwar l-Imdina u partijiet mir-Rabat. Tawha l-isem ta’ “Malet”, li tfisser “kenn”, l-istess isem li ngħata lill-gżira kollha.

Wara l-Feniċi, ir-Rumani li ħakmu dil-gżira sejħulha “Melita”. Taħt il-ħakma tagħhom, il-gżira u l-belt tagħha stagħnew. Poeti u politiċi famużi bħal Ċiċerun, Livju u Diodorus Siculus, iddeskrivew lil Melita bħala belt b’bini sabiħ u ħajja ta’ prosperità.

Skont it-tradizzjoni, fejn hemm il-Katidral illum, kien hemm il-palazz tal-Gvernatur Ruman Publius, dak li San Pawl ħatru bħala l-ewwel Isqof ta’ Malta.

Kien wara l-870 meta s-Saraċini ħadu l-gżira, li l-Imdina ħadet isimha kif nafuha llum, isem li jfisser “belt imdawra b’ħitan” Għal raġunijiet ta’ difiża, firdu l-Imdina mir-Rabat b’foss fond, u dawruha bis-swar. Minn dan iż-żmien ’il quddiem, l-Imdina qajla nbidlet. L-istruttura u l-pjanta tat-toroq huma l-istess bħal dak ta’ 1000 sena ilu.

Fl-1090, il-Konti Ruġġieru n-Normann ħa f’idejh il-belt. L-ewwel li għamel kien li jibni knisja ġdida ddedikata lil San Pawl flok dik li kien hemm qabel fil-post fejn kien hemm il-palazz ta’ Publius. Il-Konti Ruġġieru u dawk li ġew wara stabbilew ukoll in-nobbiltà f’Malta, li dejjem tat sehemha fl-istorja tal-Imdina.

Wara n-Normanni, Malta u l-Imdina għaddew minn żminijiet ta’ għaks. In-nobbiltà ta’ Malta, li nġabret fl-Imdina minħabba raġunijiet ta’ difiża mill-furbani, kellhom dejjem aktar jaħsbu għall-bżonnijiet tal-Maltin. Il-Viċirè ta’ Sqallija kien ta lil Malta d-dritt ta’ awtonomija interna, li kienet tiffunzjona permezz ta’ dik imsejħa “Università” u li kienet tiltaqa’ fl-Imdina. Bħala riżultat tal-kuraġġ li wera l-poplu tal-Imdina meta qamu kontra l-inġustizzji ta’ Monroy, ħakem tal-Gżira, ir-Re ta’ Spanja ta t-titlu ta’ Notabile lill-belt tal-Imdina.

Fl-1530, l-Imperatur Karlu V għadda lil Malta lill-Ordni ta’ San Ġwann. Il-kavalieri li ntbagħtu biex iħejju rapport iddikjaraw li l-belt kienet antika u abbandunata. Meta fil-fatt ġew, wiegħdu l-awtonomija interna tal-Imdina u d-drittijiet tal-Maltin.

Matul l-Assedju l-Kbir mit-Torok, l-Imdina, taħt il-kmand tal-gvernatur Portugiż Don Mesquita, tat kontribut kbir għar-rebħa finali permezz tal-kuntatti li kellha ma’ Sqallija, u b’attakki kontra stakkamenti Torok.

Wara l-Assedju l-Kbir, il-bini tal-Belt Valletta fl-1566 naqqas l-importanza tal-Imdina. L-Imdina saret “Città Vecchia”, il-Belt l-Antika”. Il-Gran Mastru Lascaris ippjana li jwaqqa’ l-ħitan ta’ din il-belt, iżda meta ġew is-suldati biex iwettqu l-ordnijiet tagħhom, attakkawhom b’mod feroċi n-nisa tal-Imdina, fl-ixkupi u l-ħbula, u l-Gran Mastru ħalla l-Imdina kif kienet.

Terremot qawwi li laqgħat lil Malta fl-1693, ħafna mill-bini ġġarraf, inkluż il-katidral. Il-Gran Mastru Vilhena ħa l-okkażjoni u beda proġett ta’ bini ġdid fl-Imdina. Saru l-pjanti għall-bini mill-ġdid tal-Katidral mill-perit Malti Lorenza Gafà, kif ukoll tal-palazz maġisterjali, dak iż-żmien is-sede tal-Università. L-Università marret fil-Palazzo Giuratale. In-nobbli lokali wkoll bdew jibnu mill-ġdid il-palazzi tagħhom fl-Imdina, hekk li l-Imdina ħadet is-sura kif nafuha llum.

Fil-ħakma tal-Franċiżi, in-nies tal-Imdina kienu minn tal-ewwel qamu kontra l-Franċiżi,qatlu lill-ġeneral Franċiż Masson, u r-rewwixta xterrdet ma’ Malta u Għawdex kollha.

L-Ingliżi li ġew wara l-Franċiżi, xoljew l-Università għal dejjem. L-Imdina, aktar minn qatt qabel, saret il-kenn tan-nobbli Maltin, u kkonservaw l-ambjent medjevali aristokratiku tagħha. L-Imdina issa hija magħrufa bħala l-Belt Siekta.

              
View Larger Map