Ħal Lija

Dħul

Ħal-Lija

Ħal-Lija għandha l-oriġini tagħha fil-preistorja kif jidher ċar mill-oqbra megalitiċi skoperti minn Dinn L-Art Ħelwa fl-1967, iżda l-villaġġ attwali huwa mnissel mill-ilħuq ta’ status parrokkjali fi tmiem is-sittax-il seklu. Il-lokalità għandha popolazzjoni ta’ aktar minn tlitt elef.

Ħal-Lija huwa raħal li fih insibu għadd ta’ djar tas-seklu XVIII u vilel. Fost il-vilel insibu dik ta Preziosi u Parisio. Minħabba dawn u għadd ta’ oħrajn, dan ir-raħal sar magħruf bħala “Vil a Lija”, biex bħal itek x’tifhem li Ħal-Lija huwa villa waħda minn tarf sa l-ieħor tar-raħal.

“Suavi Fructo Rubeo” – (Bi Frott ħelu Nħammar), jgħid il-motto tiegħu, għaliex fis-sewwa dan ir-raħal jagħmel wisq larinġ u hu meqjus fi fih tinsab l-akbar industrija ta’ din il-frotta. Sa l-1594 Ħal-Lija kien jagħmel mal-matrici ta’ Birkirkara, għalhekk kien jaf bħala protettriċi tiegħu lill-Santa Liena. Fl-1575 Ħ’Attard sar parroċċa u beda t- triq hu li maż-żmien waslet liż-żewgt irħula l-oħra li jitolbu l-indipendenza u hekk infatmu minn ommhom li kienet ilha tieħu ħsiebhom sekli sħaħ. Malli Ħal-Lija telgħet fil-grad ta’ parroċċa, liż-żewgt irħula żgħar ta’ Mann u Bordi li minn xi żmien saru jagħmlu ma’ Ħ’Attard, talbu li jinħallu minnha u jidħlu taħt il-ħarsien ta’ Ħal-Lija issa li saret parroċċa. U minħabba l-qrib li kellhom lejn dan ir-raħal, l-isqof ma ħasibiex darbtejn biex jaqta’ xewqat dawn in-nies u fl-1610 għaqqadhom flimkien. Ferris igħid li dan ġara fid- 9 ta’ Jannar, 1609.

Dan ir-raħal jinsab bogħod mill-Belt 4 mili. Bħat-tnejn l-oħra sħabu, Ħal-Lija huwa raħal arjuż u jfewwaħ. Fih jinsabu ġonna kbar u fertili, siġar ta’ kull xorta u fuq kollox nadif. Tgħaddi mit-toroq tiegħu dlonk tintebaħ li fih joqogħdu l-għonja – id-djar kbar miżmumin tajjeb u t-toroq ħiemda.

Il-Popolazzjoni ta’ Ħal-Lija fl-1530 kienet tagħmel ma’ dik ta’ Birkirkara, Ħal-Balzan, Ħ’Attard u Ħal-Għargħur u kienet tlaħħaq mat-300 dar u 400 ruħ. Fl-1575 instab li kellu mal-400 persuna. Fis-sena li Ħal-Lija saret paroċċa ingħadd il-poplu u sabu li kien hemm 500 ruħ u joqogħdu f’100 dar. Fis-sena ta’ wara l-għadd laħaq is-600. Il-poplu baqa’ dejjem jikber bħalma wera fl-1610 meta tela’ s-760. Hawn wieħed jinnota li l-poplu kiber f’daqqa u dan ġara minhabba li f’din is-sena l-irħula ta’ Mann u Bordi żiedu l-poplu tagħhom ma’ dik ta’ Ħal-Lija.

Imbagħad il-poplu kotor u kiber bħalma wieħed jista’ jara minn din il-lista.

Fl-1667 kellu 1,184 ruħ u 218 dar; 1760 kellu 974 ruħ; 1830 kellu 1,225 ruħ u 245 dar; 1851 kellu 1,084 ruħ; 1860 kellu 1,371 ruħ; 1890 kellu 1,540 ruħ u 340 dar; 1901 kellu 1,692 ruħ; 1911 kellu 1,825 ruħ; 1921 kellu 1,612 ruħ.
U fl-aħħar statistika ta’ l-1961 insibu l-għadd ġmielu ta’ 2,346 ruħ. L-arma tiegħu hi din:- Skud maqsum fi tnejn: ta’ fuq nofs aħmar u nofsu ċelesti (vertikali) t’isfel, fidda bi tliet larinġiet ħomor

           
View Larger Map