Dipartiment għall-Gvern Lokali

Dħul

Print this page

Il-Gvern Lokali ġie mwaqqaf fl-1993 bl-approvazzjoni tal-Parlament Malti fit-30 ta’ Ġunju 1993, ta’ l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kapitolu 363 tal-Liġijiet ta’ Malta). Din il-liġi waqqfet 67 lokalitajiet (aktar tard saru 68). Aktar minn hekk serviet bħala mekkaniżmu biex tirregola l-operat tal-Kunsilli Lokali.

L-Att dwar Kunsilli lokali ġie mfassal fuq il-European Charter of Local Self-Government, li l-Gvern Malti kien iffirma u rratifika. Skond dan l-Att, “Il-Kunsill huwa korp statutorju ta’ gvern lokali b’personalita’ legali bis-setgħa li jagħmel kuntratti, li jħarrek u li jkun imħarrek, u li jagħmel kull ħaġ’oħra u li jidħol f’dawk it-transazzjonijiet li huma inċidentali jew li jwasslu għall-eżerċizzju u għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħu skond dan l-Att”.

Illum, Malta għandha 68 Kunsilli Lokali – 54 f’Malta u 14 fil-gżira ta’ Għawdex. Fil-21 ta’ Diċembru 1999, l-Att dwar Kunsilli Lokali ġie rivedut permezz ta’ l-Att Nru. XXI (1999), l-Att tal-Kunsilli Lokali (Emendi) 1999.

Pass ieħor importanti biex jikkonsolidaw il-Gvern Lokali f’Malta kien meta is-sistema tal-gvern lokali ġiet imnaqqxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Infatti, fl-24 ta’April 2001, Att Nru. XIII ta’ l-2001 stabilixxa li: “L-Istat, għandu jaddotta sistema ta’ gvern lokali li bih t-territorju ta’ Malta jinqasam f’dak l-għadd ta’ lokalitajiet hekk kif jista’ minn żmien għal żmien jiġi stabbilit b’liġi, b’dan li kull lokalita’ tkun amministrata minn Kunsill Lokali elett mir-residenti tal-lokalita’ u li jitwaqqaf u jitħaddem skond dik il-liġi li tista’minn żmien għal żmien tkun fis-seħħ.”