Ir-Rabat

Dħul

Print this page

L-Istorja tal-belt tar-Rabat tmur lura xi 2000 sena meta kienet għadha tagħmel parti mill-antika Belt Rumana ‘Melita’. Wara xi ftit taż-żmien il-Biżantini ċekknu l-Belt. Biċ-ċivilizzazzjoni Arbija, il-Belt sar jisimha Mdina u l-parti ‘l barra mill-kanċelli tawha l-isem Rabat li tfisser is-subborg.

Fil-XV-il seklu, dawn l-inħawi servew bħala post ta’ kenn mill-attakki bla waqfien mill-pirati. Kien ukoll f’dan is-seklu li waslu l-ordnijiet reliġjużi li għadhom magħna sal-ġurnata tal-lum.

Bil-miġja ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann ir-Rabat sar importanti minħabba l-fatt li kien jinsab viċin l-Imdina (sede Governattiva) għall-konnessjoni tiegħu mal-Grotta ta’ San Pawl, għall-Iskejjel tal-Kunvent u ukoll għall-agrikoltura abbondanti li kienet isservi ta’ ġid għall-inħawi.

Matul il-Kolonja Brittannika fit-tieni nofs tas-seklu XIX, Rabat għadda minn introduzzjoni ta’ strutturi soċjali ġodda, il-kostruzzjoni ta’ l-ewwel skola primarja, l-introduzzjoni ta’ l-ewwel servizzi mediċinali u postali, it-titjib tal-fawwar, tad-dawl tat-toroq u l-introduzzjoni tat-trasport bil-ferrovija bejn Valletta u r-Rabat. Kien ukoll f’dak iż-żmien li ġew stabbiliti iż-żewġ klabbijiet tal-banda tal-mużika, L’Isle Adam u Count Roger.

Iżda l-akbar żvilupp twettaq fis-seklu għoxrin, b’mod partikolari wara t-tieni Gwerra Dinjija meta l-popolazzjoni żdiedet għal appross. 12,000. Din iż-żieda baqgħet għaddejja matul is-sittinijiet u s-snin sebgħin. Għalhekk dan ħoloq il-ħtieġa għal kostruzzjonijiet ta’ djar ġodda f’diversi postijiet fir-Rabat, bħal Tal Virtu’ u Għajn Qajjet. Il-ġurnata tal-lum, dan l-iżvilupp eċċezzjonali jiddistingwi l-parti antika tal-belt mill-ġdida.

Rabat illum huwa post residenzjali b’popolazzjoni ta’ 11,952. Il-lokalità tipprovdi kontribut siewi għall-ekonomija tal-pajjiż permezz tat-turiżmu u l-agrikoltura.

             
View Larger Map