Iż-Żebbuġ

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

L-istorja taż-Żebbuġ tmur lura sa mill-1282 fejn il-komunità ġa kienet bdiet tifforma ruħha u aktarx setgħu anke bnew xi kappella. Matul iż-żminijiet inbnew diversi kappelli oħra u fit-28 ta’ April 1688 iż-Żebbuġ sar parroċċa b’digriet tal-Isqof David Cocco Palmieri. Din id-data tat-twaqqif tal-Parroċċa issa saret bħala data uffiċjali tal-lokalità taż-Żebbuġ.

Kien fis-sena 1692 li bdiet tinbena l-knisja li ġiet ikkonsagrata fit-30 ta’ Settembru 1736. Il-kwadru titulari tpitter minn Dun Franġisk De Dominicis u l-istatwa titolari tal-Assunta saret fl-1863 f’Marsilja. Fl-1936 bdew ikabbru l-knisja, u minkejja li faqqgħet il-gwerra x-xogħol tkompla u tlesta fl-1942. Benefattur kbir fit-tkabbir tal-knisja kien Mons. Dun Franġisk Saliba. L-irħam oniċe li jispikka fl-artal mejda, hu tip ta’ rħam li jinstab biss fiż-Żebbuġ u huwa tip ta’ alabastru.

Xi ħaġa tipika wkoll fiż-Żebbuġ ta’ Għawdex hija l-Għażżiela. Din hija biċċa għaġina f’forma ta’ ‘M’ għall-isem ta’ Marija li wara li tinħema, titbierek u tintuża biex tiddendel, l-iktar wara l-bibien biex ir-residenti jitħarsu mit-tempesti u diżastri naturali.

Bħala postijiet ta’ interess fiż-Żebbuġ insibu kunvent tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li bnew fl-1974 fejn baqgħu għaddejjin bil-ħidma kontinwa pastorali. Fl-istess raħal insibu wkoll Ċentru Parrokkjali li qiegħed fil-pjazza prinċipali. Dan iċ-ċentru jservi għal diversi skopijiet fosthom fejn jiltaqgħu gruppi reliġjużi għal-laqgħat tagħhom. F’dan ir-raħal insibu wkoll is-soċjetà tal-dottrina Kristjana – il-Mużew. It-tim tal-futbol ta’ Żebbuġ Rovers jikkompeti fl-ewwel diviżjoni Għawdxija.

Bħal irħula oħra Għawdxin il-biedja kienet sors prinċipali għall-familji Żebbuġin. Il-wiċċ ewlieni ta’ kull sena kien ix-xgħir u l-qamħ. Anke l-qoton kien wiċċ ieħor importanti u fiż-Żebbuġ kont issib in-newl kważi f’kull dar. Il-kutri u l-fradi tas-suf u tan-newl maħdumin fiż-Żebbuġ kienu mfittxija ħafna flimkien max-xogħol fin tal-bizzilla. Wara l-qoton bdew jiġu kkultivati d-dwieli li kważi kulħadd kien ikabbar għall-inbid flimkien ma’ prodotti popolari oħra agrikoli.

B’popolazzjoni ta’ madwar 2,000 ruħ inkluż miegħu anke Marsalforn, iż-Żebbuġ għandu wkoll il-Kunsill Lokali li twaqqaf f’Mejju tal-1994 u bħala l-ewwel Sindku ġie elett Michael Cefai.

Marsalforn

Marsalforn hija waħda mill-iktar bajjiet popolari fil-gżejjer Maltin. Huwa wkoll l-iktar post magħruf għas-sajjieda f’Għawdex. Marsalforn jinsab taħt il-ħarsien tal-għolja taż-Żebbuġ u fil-fatt jista’ jintlaħaq mill-istess Żebbuġ, kif ukoll minn toroq fir-Rabat u x-Xagħra. L-isem jista’ jkun ġej minn żewġ kelmiet: ‘Marsa’ bl-Għarbi tfisser port, u mill-kelma ‘lifurna’ li tfisser tip ta’ bastiment. Nistgħu ngħidu li Marsalforn ħa l-isem bħala l-post tal-bastimenti ta’ dat-tip.

Marsalforn huwa post imdawwar b’diversi għoljiet fosthom iż-Żebbuġ, id-Dabrani, ta’ Kuljat, il-Merżuq, il-Qolla l-Bajda, il-Qolla s-Safra, il-Qolla l-Ħamra u x-Xagħra. Hekk kif wieħed jinżel lejn Marsalforn minn Għajn Mhelhel jasal fil-bajja kwieta tax-Xwejni. L-iktar li jiddominaw huma l-blat ta’ din il-bajja u ‘l ġewwa minnha hemm is-salini tal-melħ fejn jiġi prodott b’mod mill-iktar natural.

Storja

Marsalforn kien l-iktar port popolari ta’ Għawdex għal bosta sekli. Sa minn żmien ir-Rumani dan il-port serva ta’ pont bejn Għawdex u l-kumplament tad-dinja. Affarijiet importanti minn Sqallija kienu jinħattu f’dan il-port ta’ Marsalforn.

Knisja
Marsalforn ukoll għandu l-knisja tiegħu li hija ddedikata lil San Pawl Nawfragu. Il-knisja preżenti kienet ikkonsagrata fit-12 ta’ Settembru 1939. Il-festa titolari tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Jannar, il-konversjoni ta’ San Pawl.

Bħala postijiet ta’ interess, wieħed jista’ wkoll iżur l-għolja tal-Merżuq fejn fuqha kien tpoġġa salib fl-1901 u fl-1973 kienet tqiegħed statwa oħra tal-fibreglass mimlija bil-konkos. Wieħed jista’ wkoll iżur id-diversi bajjiet ta’ Għar Qawqla, Santa Marija, il-Qbajjar u x-Xwejni. Wieħed isib ukoll is-salini tal-melħ u l-Fortina tal-Qolla l-Bajda, dik li llum tissejjaħ it-Torri tal-Qbajjar li nbniet fl-1716.

Ekonomija

L-ikbar fattur għall-ekonomija f’Marsalforn jista’ jinqasam fi tnejn. Fl-antik kien is-sajd iżda matul dawn l-aħħar snin il-post żviluppa wkoll f’bosta faċilitajiet turistiċi.