Iż-Żebbuġ

Ġemellaġġi

Print this page

Il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ jiġġemella ma’ Maletto (Sqallija)

Nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ kien iffirma ftehim ta’ Ġemellaġġ mal-Kunsill Lokali ta’ Maletto fiż-Żebbuġ (Għawdex).

Dan il-ftehim kien iffirmat mis-Sindku u l-Viċi Sindku taż-żewġ lokalitajiet: Harry Debono u Joe Bajada tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u Nunzio Parrinello u Giuseppe De Laca mill-Kunsill ta’ Maletto. L-iSpeaker tal-Parlament, l-Hon. Anton Tabone u l-Ministru għal Għawdex Ġiovanna Debono attendew għaċ-ċerimonja uffiċċjali. Attendew ukoll għal dan l-avveniment uniku iktar minn mitt ċittadin minn Maleto flimkien ma’ bosta residenti miż-Żebbuġ. Matul iċ-ċerimonja, l-Banda Santa Marija taż-Żebbuġ esegwit programm mużikali. Diversi attivitajiet kienu organizzati biex jibqa’ mfakkar dan l-avveniment. Iċ-ċittadini ta’ Maletto għamlu wkoll żjara lil President ta’ Mlata l-Eċċ. Profs. Guido De Marco.

Importanti li wieħed isemmi li dan kollu kien possibli bl-għajnuna miksuba mill-Unjoni Ewropeja.

Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2005, grupp ta’ madwar mitt persuna miż-Żebbuġ bdew l-avventura tagħhom lejn Sqallija biex jitkompla l-iffirmar tal-ftehim tal-Ġemellaġġ bejn iż-Żebbuġ, Għawdex u Maletto fi Sqallija. Bit-tluq miż-Żebbuġ kmieni fil-għodu biex nirkbu fis-7.00am l-katamaran għal Pozzallo fejn l-wasla kienet 90 minuta wara. Hekk kif in-nies rifsu l-moll, bdiet niżla xita qawwija u kulħadd erħiela bil-ġirja għal fuq il-coaches. Finalment kulħadd kien issetiljat hekk kif ngħatat merħba minn uhud mill-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Maletto. Il-vjaġġ ħa madwar erba’ siegħat. Mal-wasla fi Bronte, l-grupp kien ippostjat fi tliet lukandi differenti. L-ikla ta’ nofs in-nhar kienet servuta fir-Resturant Fontana Murata.

Wara nofs in-nhar kulħadd iltaqa’ fit-tarf tar-raħal ta’ Maletto fejn ġemgħa kbira ġiet mid-direzzjoni opposta li kienet akkumpanjata mill-Banda Vinċenzo Bellini ta’ Maletto. Iż-żewġ gruppi ltaqgħu ma’ xulxin fejn ingħata merħba lil xulxin. Imbagħad ilkoll flimkien imxew lejn il-pjazza prinċipali ta’ Maletto fejn is-Sindku ta’ Maletto Giuzeppe De Luca għamel diskors ta’ merħba li għalih wieġeb il-Kap tad-Delegazzjoni iż-Żebbuġija Joe Bajada. Il-pjazza kienet għaddejja minn attivita’ qawwija bi preparazzjoni għal Festa tal-Frawli.

Wara l-grupp mexa lejn il-Knisja Parrokjali fejn kienet ikkonċelebrata l-Ewkaristija Mqaddsa mill-Arċipriet taż-Żebbuġ il-Kan. Dun. Noel Saliba akkumpanjat mill-Kan. Dun Karm Cini, Dun Mariano Zammit, Rettur tal-Knisja ta’ Marsalforn u Fr. Alfred Farrugia MSSP, Superjur tad-Dar Stella Maris taż-Żebbuġ. Il-Liturġija tal-Kelma u l-mużika saru kemm bil-Malti, kif ukoll bit-Taljan. Fil-għaxija fuq palk fil-Pjazza Prinċipali, saret serata ta’ talent mit-tfal tal-iskola elimentari tal-lokal. Kienet serata mużikali b’tema fuq l-umanita’ irrespettivament mill-kulur, reliġjon u kultura li lkoll għandhom jgħixu idi f’id flimkien. Matul l-ispettaklu, ħadu sehem għall-ewwel darba kantanti żgħażagħ iż-Żebbuġin fejn ghalihom kienet l-ewwel okkazjoni li jkantaw barra minn xtutna.

Is-Sibt wara l-kolazjon ta’ fil-għodu, l-grupp erħiela lejn il-Knisja ddedikata lil Sant Antnin ta’ Padova li kienet rikostruwita fl-1785. Sant Antnin li huwa l-Patrun ta’ Maletto u li ta’ kull sena tkun iċċelebrata bil-kbir il-festa tiegħu fix-xahar ta’ Settembru bis-sehem ta’ kważi l-komunita’ kollha ta’ Maletto. Saret quddiesa għal grupp kollu. Il-mużika ndaqqet mill-Familja Cini li kantaw innijiet bil-Malti u t-Taljan matul il-quddiesa. Wara l-quddiesa kulħadd telaq lejn il Campo Sportivo fejn saret logħba futbol ta’ ħbiberija bejn Iż-Żebbuġ Rovers FC u A.S. Maletto. Iż-żewġ timijiet ġew mogħtija merħba sabiħa hekk kif daħlu fil-pitch. Ovvjament it-tim taż-Żebbuġ kellu sapport qawwi. L-innijiet nazzjonali indaqqu hekk kif wara saret il-prezentazjoni taż-żewġ timijiet mis-Sindku taż-Żebbuġ Carmelo Saliba u mis-Sindku ta’ Maletto Giuzeppe De Luca. Joe Bajada l-Viċi Sindku taż-Żebbuġ li huwa referee kwalifikat, ikkontrolla din il-partita. Żebbuġ ħarġu rebbieħa b’gowl uniku skurjat minn Sylvan Galea matul it-tieni taqsima. Wara l-partita saret l-ikla ta’ nofs in-nhar fir-Resturant Fontana Murata fejn matul din l-ikla l-grupp kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ mal-Eċċ. Mons Salvatore Gristina, Arċisqof ta’ Catania. L-Eċċellenza tiegħu aċċetta l-istedina li jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju mill-Inkorunazzjoni ta’ Marija Assunta meqjuma fil-Parroċċa taż-Żebbuġ.

Wara l-ikla l-grupp ittieħed iżur il-Kastell ta’ Nelson f’Maniace, raħal viċin Maletto. Dan il-Kastell manifiku kien mogħti mir-Re taż-Żewġ Sqallijiet lil Lord Nelson għall-isforzi erotiċi tiegħu fejn għin lill-iSqallin jkeċċu ‘l barra lil Franċiżi.

Fil-għaxija l-Festa tal-Frawli kienet qabdet ritmu tajjeb ħafna. Il-grupp iż-Żebbuġi kien iffortunat ħafna li jkun preżenti għal din il-festa. Fil-Pjazza prinċipali kien hemm diversi posti ibiegħu l-ikel, għodda, ġobon lokali u fuq kollox frawli lokali. Maletto jiddependi ħafna fuq l-agrikultura. Wesgħat kbar jintużaw biex jitkabbar il-frawli. Ta’ kull sena fix-xahar ta’ Ġunju, tkun organizzata f’Maletto l-Festa tal-Frawli (Sagra della Fragole). Din tattira diversi turisti u anke diversi nies oħra minn kważi l-partijiet kollha ta’ Sqallija. Il-qofol ta’ din il-Festa tal-Frawli huwa dak li kokijiet mill-lokal jippreparaw torta ġiganteska tal-frawli li tiżen iktar minn elf kilo. Din il-Festa normalment tkun mifruxa fuq tliet t’jiem mill-Ġimgħa sal-Ħadd. Tliet tipi ta’ frawli huma kkultivati f’Maletto.

Il-frawli aħmar ċar, dak tradizzjonali fih togħma ħelwa ħafna, l-frawli ż-żgħir jintuża għal kejkijiet u torot u hemm frawli ieħor dak li jerga joħrog bejn Diċembru u Jannar. Matul l-ispettaklu mużikali, it-talent żgħażagħ lokali reġa ipparteċipa fejn dawn ħadu l-applawsi kollha għal wirja li taw.

L-iffirmar tat-tieni ftehim tal-Ġemellaġġ bejn iż-Żebbuġ u Maletto sar nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju 2005. Dan kien il-qofol taż-żjara tad-Delegazzjoni ż-Żebbuġija f’Maletto. Il-ġurnata bdiet b’quddiesa fil-beraħ quddiem il-knisja ta’ Sant Antnin. Folla kbira nġabret quddiem il-knisja. Il-quddiesa kienet ikkonċelebrata mill-Kan. Dun Noel Saliba flimkien mal-Kan. Dun Karm Cini, Dun Mariano Zammit u Fr. Alfred Farrugia MSSP. Il-quddiesa saret biż-żewġ lingwi, kif l-istess kien il-kant. Fi tmiem il-quddiesa tqasam lil dawk kollha preżenti fuljett stampat li kien ippreparat minn Joe Bajada. Dan kien fih informazzjoni u imaġini ta’ nies ta’ ruh qaddisa, Dun. Ġorg Preca, fundatur tas-Soċjeta tad-Dutrina MUSEUM, Mons. Ġużeppi De Piro, fundatur tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl u Dun Karm Cachia, saċerdot Żebbuġi li miet b’fama qaddisa. Dawn iż-żewġ Soċjetajiet jaħdmu bla heda fiż-Żebbuġ. Kien hemm ukoll Fra Baskal, lajk Kapuċċin li twieled iż-Żebbuġ u li għix ħajja qaddisa. Kien hemm stampat ukoll talb lil Sant Antnin u lil Marija Assunta, ż-żewġ Patruni ta’ Maletto u ż-Żebbuġ rispettivament. Dawn iż-żewġ talbiet kienu reċitati minn Dun Alfio Longhitano, Arċipriet ta’ Maletto.

Wara l-quddiesa, fil-Pjazza prinċipali tar-raħal, Pjazza 4 ta’ Novembru, sar l-iffirmar uffiċċjali tal- Ġemellaġġ bejn Maletto u ż-Żebbuġ. Il-Banda Mużikali Vinċenzo Bellini ħadet sehem f’dan l-avveniment importanti. L-iffirmar sar fuq palk prinċipali li tħejja fil-pjazza. Iċ-ċerimonja uffiċċjali bdiet b’diskors ta’ merħba mis-Sindku Giuseppe De Luca fejn semma is-sinifikat u l-importanza tal- Ġemellaġġ bejn iż-żewġ lokalitajiet.

Dan kien irreċiprokat minn Carmelo Saliba, Sindku taż-Żebbuġ. Iż-żewġ Sindki flimkien maż-żewġ Viċi Sindki, Vincenzo Sgro’ u Joe Bajada iffirmaw id-dokumenti u bidluhom flimkien fost l-approvazzjoni tal-folla. Qabel intemmet din iċ-ċerimonja, De Luca ppreżenta Ċittadinanza Onorarja lil Carmelo Saliba, Sindku taż-Żebbuġ, Harry Debono, ex-Sindku, Joe Bajada, Viċi Sindku u lil Kan Dun Noel Saliba, Arcipriet taż-Żebbuġ. Fi tmiem indaqqu ż-żewġ innijiet Nazzjonali.

Wara s-Sindku De Luca stieden lil kulħadd għal kxif tal-monument li jfakkar din l-okkazjoni quddiem il-bini tal-Kunsill Lokali. Qabel ma nkixef il-monument, is-Sindku De Luca radd ħajr lil Joe Bajada għal kontribuzzjoni tiegħu li għamel din il-ħolma tal- Ġemellaġġ issir realta’. Joe Bajada ħassu ferm kommoss għal dan id-diskors tas-Sindku De Luca. Fl-aħħar sar il-kxif tal-monument li jfakkar din l-okkazjoni storika għal Maletto u ż-Żebbuġ.

Fil-għaxija kulħadd kien mill-ġdid mistieden fil-pjazza prinċipali għal qofol tal-Festa tal-Frawli. Kejkijiet kbar tal-frawli saru għal din l-okkazjoni. Dawn kienu stmati li flimkien jiżnu 1500 kilo. Dawn kollha kienu esebiti fil-pjazza. Hawn De Luca irringrazzja lil kulħadd għas-suċċess tal-Festa tal-Frawli fejn fuq il-palk ġew esposti dawk il-kejkijiet tal-frawli fost il-ferħ tal-folla kbira preżenti. Wara li sar il-qsim fejn madwar 20,000 kellhom l-okkażjoni li jduqu dawn il-kejkijiet tal-frawli.

Il-Kummissjoni Ewropeja tal-Edukazzjoni u Kultura flimkien mal-Minuċipalita’ Amministrattiva ta’ Maletto ħejjew programm ta’ azzjoni amministrattiva ta’ konservazzjoni tal-ambjent u r-riżorsi umani reġjonali fil-wisa’ tal-kuntest Ewropew. Biex jippromwovu din iċ-ċittadinanza Ewropeja permezz tal-Ġemellaġġ bejn l-ibliet, kienet organizzata konferenza ta’ tliet t’jiem bil-parteċipazzjoni tal-komunitajiet ġemellati ta’ Maletto, ż-Żebbuġ u l-Universita ta’ Durham. Din kienet parzjalment iffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropeja. Dawn il-konferenzi saru f’Maletto bejn l-20 u t-22 ta’ Ġunju 2005 fis-sala tar-Resturant Fontana Murata. Il-kordinatur kien Dr. Salvatore Russo.

It-Tnejn iċ-ċittadini taż-Żebbuġ ipparteċipaw fl-ewwel ġurnata tal-konferenza. Ħadu sehem diversi kelliema b’temi differenti ta’ storja sa kummerċ lokali. Interessanti kienet it-taħdida mir-rapprezentant tal-Universita ta’ Durham li tkellem dwar il-preżenza ta’ arkitettura Normanna kemm f’Durham kif ukoll fi Sqallija. Dawn is-similaritijiet jinsabu taħt studju. Huwa semma li l-Katidral Norman ta’ Durham imur lura sal-1093. Is-Sindku ta’ Maletto G. De Luca semma l-istorja ta’ Maletto u kif din influwenzat matul żminijiet dominanzi differenti fi Sqallija. Kelliema oħra kienu Salvatore Grassi, President tal-AISI ta’ Sqallija u Dr. P. Agen.

Il-kontribuzzjoni Maltija saret mis-Sindku Carmelo Saliba li tkellem dwar l-industrija Għawdxija li kellha l-qawmien tagħha minn wara l-Indipendenza. Il-Viċi Sindku taż-Żebbuġ, Joe Bajada tkellem dwar l-importanza tal- Ġemellaġġ u kif tali inizjattivi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ komunitajiet. Iktar tard matul il-ġurnata, bħala espert fil-kċina Maltija, Joe Bajada tkellem fuq dan is-suggett fejn minkejja li Malta għanda l-kċina tagħha, din kienet influwenzata minn diminazzjonijiet differenti li kienu jaħkmu lil Malta u Għawdex. Finalment l-Arċipriet taż-Żebbuġ, Kan Dun Noel Saliba tkellem dwar tradizzjonijiet Maltin b’mod partikolari l-qoton u l-industrija tal-kostruzzjoni. Huwa semma ‘l-Ghazziela’, tradizzjoni ta’ 400 sena li teżisti biss fiż-Żebbuġ. Fl-aħħar G. De Luca ppreżenta tifkiriet li kelliema kollha ta’ matul il-konferenza. Ta’ min isemmi wkoll il-ktieb fuq iż-Żebbuġ u Marsalforn li għamel għal din l-okkazjoni Joe Bajada flimkien ma’ set ta’ kartolini li kienu sponsorjati mill-Kunsill Lokali u li tqassmu fi tmiem din il-konferenza. Iktar tard il-grupp ittieħed iżur lir-raħal ta’ Randazzo. Fil-għaxija l-grupp iż-Żebbuġi kien mistieden fil-Muniċipal Amministrattiv ta’ Maletto fejn hawn is-Sindku Giuseppe De Luca radd ħajr lil Kunsill Lokali taż-Żebbuġ talli għamel possibli din ir-realizzazjoni ta’ Ġemellaġġ bejn iż-żewġ lokalitajiet. Hu qal li jittama li dan kien biss il-bidu li għandu jħalli l-frott mixtieq b’diversi skambji bejn iż-żewġ komunitajiet. Iż-żewġ naħat imbagħad bidlu rigali ta’ tifkira. Stephen Cini, Segretarju tal-Banda Santa Marija taż-Żebbuġ ippreżenta CDs tal-Banda lil De Luca.

Fl-aħħar bħala sinjal ta’ apprezzament lil Joe Bajada għal kontribuzzjoni mill-aqwa tiegħu biex seta iseħħ dan il-Ġemellaġġ bejn Maletto u ż-Żebbuġ, is-Sindku De Luca ħabbar lil Joe Bajada kien qed uffiċċjalment jinħatar bħala Ambaxxatur ta’ Maletto. De Luca mbagħad stieden lil kontinġent Żebbuġi għat-tslima uffiċċjali mill-poplu ta’ Maletto. Hawn saret attivita’ mużikali minn studenti lokali fil-pjazza prinċipali tar-raħal. Finalment G. De Luca ppreżenta trofew lil Carmel Saliba, Segretarju taż-Żebbuġ Rovers li rebħu l-logħba ta’ ħbiberija kontra Maletto.

Kmieni fil-għodu tat-Tlieta 21 ta’ Ġunju 2005, il-grupp taż-Żebbuġ ħalla Maletto fi trieqtu lura lejn Għawdex. Matul it-triq il-grupp waqaf Adrano fejn minn suq miftuħ kulħadd ingħata l-opportunita’ li jixtri ħwejjeġ, żraben u diversi affarijiet oħra bi prezzijiet ferm ragjonevoli. Iktar tard il-grupp ittieħed Taormina fejn hawn kienet iċċelebrata quddiesa qabel it-tluq għad-destinazzjoni finali ta’ Katanja. Fit-8.00pm kulħadd kien fuq il-katamaran fejn wara tliet siegħat il-grupp finalment kien lura Malta. Il-grupp wasal qawwi u sħiħ għal ħabta tas-2.00am tal-Erbgħa.

Ovvjament din kienet opportunita’ mill-isbaħ għal kulħadd. Mingħajr dubju din il-ħolma saret realta’. Żgur li din ser tkun ta’ benefiċċju għal komunita’ taż-Żebbuġ li jkollha iktar opportunitajiet li jersqu iktar viċin u jifmhu x’ifisser dan il-Ġemellaġġ.

Photo Gallery