Iż-Żebbuġ

Assoċjazzjonijiet

Print this page

Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija


Kien nhar il-5 ta’ Mejju 1995 meta saret laqgħa għal dawk kollha li kienu verament interessati li jitgħalmu l-mużika u f’dak ix-xahar stess inbeda proġett kulturali bl-iskop li titkabbar din l-attivita fil-lokalita’. Twaqqaf kumitat apposta kompost minn 9 membri u fl-ewwel laqgħa inħatru l-uffiċċjali tiegħu li bdew jitgħalmu l-mużika darba fil-ġimgħa. L-ideat ta’ dan il-kumitat komplew ħeġġew lil ħafna żgħażagħ w adulti biex jibdew jitgħalmu l-mużika u għalhekk inħatar is-Sur Joseph Grech bħala Surmast ta’ din il-Banda. Il-Kumitat minnufih beda jiġbir il-fondi u għamel ukoll statut taħt is-supervizjoni ta’ l-Avukat Alfred Grech. Saret ukoll sejħa biex jintgħażel l-isem għal din il-Banda u fit-30 ta’ Mejju 1995 ingħata l-isem ta’ Banda Santa Marija li wassal għat-twaqqif tas-seba’ banda f’Għawdex.

Fis-16 ta’ Awissu 1995 ġie mbierek l-ewwel strument ta’ din il-Banda, l-Plattini, waqt quddiesa speċjali fil-knisja Arċipretali, filwaqt li fil-21 ta’ Awissu 1996 daqqet għall-ewwel darba waqt programm mużikali bl-isem ta’ ‘Lejla Kulturali’ fil-pjazza tar-raħal taż-Żebbuġ. Kien imbagħad fl-20 ta’ Awissu 1997 saret ċerimonja ta’ l-inawgurazzjoni uffiċċjali ta’ din il-Banda l-Ġdida. Il-Banda Santa Marija illum qabdet ritmu mgħaġġel tant li ma llimitatx ruħha biss għal servizzi fiż-Żebbuġ imma ġiet ukoll mistiedna f’kull raħal f’Għawdex u anke f’xi postijiet f’Malta. Fir-raħal taż-Żebbuġ tagħmel ħafna servizzi mingħajr ħlas bħal Karnival, fil-korteo tad-Duluri, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-korteo ta’ Kristu Rxoxt, f’Jum iż-Żebbuġ u fil-Kunċert Annwali tant mistenni li jsir fil-pjazza tar-raħal f’Awissu ta’ kull sena. Fil-Festa Titolari ta’ Santa Marija Assunta, l-Banda torganizza marċ popolari li jsir qabel il-ħruġ ta’ l-istatwa ta’ Santa Marija minn-niċċa tagħha, u tieħu sehem fid-dimostrazzjoni tal-Ġimgħa, fid-daqq tal-Innu l-Kbir u fil-purċissjoni ta’ Jum il-Festa. Il-Banda ddoqq ukoll fil-purċissjonijiet tal-Madonna ta’ Għażżiel, fil-Festa ta’ San Fortunatu Martri, kif ukoll fil-Kunċert tal-Milied li jsir fil-knisja. Servizzi ewlenin oħra li għamlet il-Banda Santa Marija kienu waqt il-korteo mid-dar tal-erba’ saċerdoti novelli ż-Żebbuġin fl-ewwel Quddiesa Sollenni tagħhom.
Il-Banda daqqet ukoll waqt iċ-ċerimonja ta’ l-għoti ta’ l-isem lill-iskola tagħna Mons Ġian Andrea Vella nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju 2001. Saru wkoll marċijiet brijużi meta it-tim tal-futbol tar-raħal Żebbuġ Rovers F.C. rebaħ l-unuri l-kbar meta saru champions Għawdxin fl-2003-04. Stediniet oħra isiru mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ f’diversi okkażjonijiet oħra matul is-sena bħal ma hi dik ta’ Jum il-Lokalita’. Il-Banda Santa Marija sellmet ukoll lis-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl nhar is-6 ta’ Settembru 2004 f’għeluq it-30 sena ta’ Dar Stella Maris fir-raħal tagħna. Il-Banda daqqet ukoll innijiet Marjani meta tpoġġiet l-ewwel ġebla tad-Dar tal-Museum u meta tlestiet l-istess Dar fir-raħal tagħna.

Il-Qasam Kulturali


Dan il-qasam kien mill-bidu nett għal qalb din is-Soċjeta’ Mużikali u dan jixhduh id-diversi studji li organizzat dwar aspetti differenti fejn ġew trattati l-iStorja u l- Ħajja fiż-Żebbuġ. Dawn jinkludu seminar storiku f’Marsalforn fis-sena 2000, studji dwar l-iStorja ta’ l-Edukazzjoni fir-raħal tagħna, il-Patrimonju Reliġjuż, il-Presepju ta’ Bastjan u fuq kollox żewġ studji oħra dwar l-iStorja tal-Madonna ta’ l-Għażżiel u dwar in-Niċċa għażiża tal-Madonna taċ-Ċiċri. Din is-Soċjeta’ torganizza tliet kompetizzjonijiet ewlenin: dik tal-isbaħ kostum karnivalesk, l-isbaħ tieqa fil-Milied u oħra dwar ir-raħal tagħna u t-tradizzjonijiet tiegħu fl-iskola Primarja għal Klassijiet ta’ Years 4, 5 u 6. Diversi innijiet Żebbuġin li ġew minsija jew mitlufa, reġgħu ħadu l-ħajja fosthom l-Innu taż-Żebbuġ (li kien l-ewwel innu ta’ l-iskola) u l-innu ta’ Sant Anna, xogħol tas-Surmast Antonio Mallia. Għamlet ukoll innu lil Madonna ta’ l-Għażżiel, Innu lill-Banda Santa Marija, Innu lil Madonna fin-Niċċa taċ-Ċiċri, filwaqt li l-innu preżenti ta’ l-iskola tagħna sarulu l-arranġamenti meħtieġa biex ikun jista jindaqq mill-Banda. Tfakkru wkoll permezz ta’ marċijiet u kxif ta’ lapidi kommemorattivi mad-djar ta’ fejn għexu u mietu diversi personalitajiet fosthom il-mibki Surmast u Kompożitur ż-Żebbuġi Antonio Mallia (fi Triq il-Madonna taċ-Ċiċri), u tliet saċerdoti Żebbuġin li taw kontribut lir-raħal, li huma Monsinjur Ġiov Andrea Vella (Edukatur u Storiku) – fi Pjazza l-Assunta, Dun Ġużepp Camilleri Pace (Għalliem fl-iSkola Primarja u Prokoratur tal-beni tal-knisja) – fi Triq il-Mitħna u Dun Karm Cachia (Saċerdot li miet b’fama ta’ qdusija) – fi Triq il-Ponta.


Il-Banda ppubblikat il-ktejjeb ‘Via Sagra’ li barra milli joffri t-talb tal-via sagra, fih hemm ukoll is-sett ta’ kwadri b’dan is-suġġett li jinsabu fil-knisja taż-Żebbuġ, flimkien ma’ tliet bookmarks speċjali b’tifkira tal-Madonna ta’ l-Għażżiel, ta’ l-Ewwel Ġebla tal-Każin u tan- Niċċa taċ-Ċiċri.

Qasam Soċjali


Il-Kumitat Eżekuttiv jieħu ħsieb ukoll li ta’ kull sena fil-festa tal-Għid il-Kbir isiru żjarat lill-anzjani u l-morda tal-parroċċa li jitqarrbnu fi djarhom, u fil-festa tal-Milied żjarat lil dawk il-persuni li jgħixu waħedhom u lill-persuni b’diżabilita’. Jiġu organizzati wkoll ħarġiet kulturali, coffee mornings u tomla-tea nights u diversi lotteriji.

Qasam Reliġjuż


Fiċ-ċimiterju tar-raħal isiru diversi quddies fosthom waħda speċjali f’Novembru għal dawk kollha li matul is-snin jaħdmu favur it-tagħlim tal-mużika fiż-Żebbuġ u għall-erba’ Żebbuġin vittmi ta’ l-Aħħar Gwerra Dinjija. Tiġi organizzata wkoll quddiesa fl-istess post f’Jum l-Omm u f’Jum il-Missier u b’turija ta’ rispett jitwaħħlu kuruni tal-ward mal-kanċell ta’ dan il-post għażiż, filwaqt li f’waħda mill-Erbgħat ta’ Santa Marija, l-iktar qrib il-birthday tal-Banda fit-30 ta’ Mejju issir quddiesa fil-knisja tal-parroċċa.

Qasam Mużikali


Hawn intraw diversi settijiet ta’ marċi ta’ Surmastrijiet magħrufa, marċi brijużi, proċessjonali, funebri, tal-Milied u karnivaleski. Inxtraw ukoll sitt settijiet ta’ strumenti ġodda li qed jitgawdew mill-bandisti u tlestiet uniformi kompluta għall-bandisti kollha flimkien ma’ standard sabiħ tal-Banda li bħala logo għandu l-Għażżiela li ġiet minsuġa f’kuntest modern man-noti mużikali. Il-Banda Santa Marija ħarġet ukoll tliet cds b’marci brijużi bl-isem ta’ ‘Ġawhra 2000’, ‘Nisġet il-Bejta’ u ‘In Coelum Assumpta’ u cd ieħor b’marċi funebri bl-isem ‘Golgota’. Ħames snin ta’ Ħidma’ u ‘Nisġet il-Bejta’ huma żewġ videos professjonali li ħarġet il-Banda Santa Marija u l-ieħor meta tpoġġiet l-Ewwel Ġebla tal-Każin tal-Banda.
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija fil-preżent għandha 150 membru tesserati u 30 bandist lokali. Għandha wkoll diversi Presidenti Honorarji u ta’ kull sena jingħata l-Unur ta’ ‘Ġieh il-Banda Santa Marija’. Bħalissa l-proġett ewlieni tal-Kumitat preżenti huwa l-bini tal-każin fuq disinn tas-Sur Leli Cini u dan ser ikun il-post li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ din is-Soċjeta’ Mużikali. It-tberik tal-ewwel ġebla tal-każin sar fl-20 ta’ Awissu 2003 mill-E.T. Mons Nikol Cauchi Isqof ta’ Għawdex u ġiet inawgurata mill-E.T. Dr. Gwido de Marco, President ta’ Malta.
Għal din il-ħidma kollha, l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ wera r-rikonnoxximent tiegħu billi onora lis-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija bl-Unur tal-Premju ż-Żebbuġi 2008.

Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl

Is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl hija kongregazzjoni mwaqqfa minn Mons. Ġuzeppi De Piro (1877-1933). Huwa twieled f’familja nobbli fl-Mdina u fl-eta’ ta’ 21 sena kien imsejjaħ għas-saċerdozzju fejn eventwalment stabilixxa is-Soċjeta’ tiegħu fl-1910. Minn dak iż-żmien, il-kariżma li tkun Soċjeta’ Missjunarja tkompliet, madankollu l-membri tagħha kienu nvoluti anke f’xogħol pastorali lokalment u internazjonalment, xogħol fi skejjel, irtiri, edukazzjoni u għajnuna lil dawk inqas iffortunati.
Il-lum is-Soċjeta’ espandiet sa Ruma, Pakistan, l-Amerika, l-Kanada, Filippini u l-Awstarlja. F’Malta, s-Soċjeta hija ibbazata fid-Dar ta’ Sant’Agatha fir-Rabat viċin il-grotta ta’ San Pawl u fuq bosta katakombi, fl-Oratorju ta’ B’kara u l-iStitut ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Fiż-Żebbuġ, Għawdex insibu d-Dar Stella Maris li hu ttamat li tkun ċentru ta’ spiritwalita’, irtiri u formazzjoni għall-membri ġodda tas-Soċjeta’.


Dar Stella Maris

Dar Stella Maris hija mibnija fuq l-irdum għoli fir-raħal taż-Żebbuġ fin-naħa tat-tramuntana. Hija nbniet mis-Soċjeta fil-bidu tas-snin 1970 wara li bidwi lokali kien offra parti kbira mill-għalqa tiegħu fejn illum insibu din id-dar. Fil-bidu kienet infetħet bħala Dar għan-Novizzjat iżda wkoll bdiet isservi bħala dar għall-irtiri. Minkejja li mibnija ġdida saret attenzjoni kbira għad-disinn tagħha li tkun tixbaħ anke dar antika, li tkun sempliċi iżda li tiġbdek kemm fl-istill kif ukoll fid-dekorazzjoni tagħha.
Hekk kif tidħol, l-attenzjoni tmur lejn iċ-ċentru ta’ bitħa żgħira b’funtana u qsari. Din il-bitħa interna isservi biex iddawwal l-arja tal-madwar. Quddiem insibu refitorju spazjuż mibni fuq kolonni u ħnejjiet bi twieqi twal għal barra. Dawn joffru veduti mill-għolja sal-baħar. Fuq in-naħa l-oħra nsibu l-kappella li tintuża mill-komunita’ għal servizzi reliġjużi u anke hija miftuħa għall-irtiri. Fis-sular t’isfel, hemm ukoll kamra żgħira għat-talb u meditazzjoni.


Fis-sular t’isfel insibu ħdax il-kamra maqsuma b’kuritur li jospitaw fihom lill-membri tas-Soċjeta’. Fil-kuritur ta’ fuq hemm sittax il-kamra li dawn jieħdu għas-sala li fija tilqa’ sa 40 persuna. Fuq barra insibu ġnien żgħir, madankollu minn fuq il-bjut wieħed jista jara veduti mill-isbaħ tal-gżira Għawdxija. Dawn jinkludu r-Rabat Citta' Vittoria u ċ-Ċittadella, x-Xagħra, n-Nadur u irħula oħra. Wieħed jista jara ukoll l-baħar u anke f’ċerti waqtiet il-kosta ta’ Sqallija u anke f’mumenti oħra l-muntajna Etna.


Kollox ma’ kollox, Dar Stella Maris hija adattata kemm għal individwi, kif ukoll għal gruppi, partikolarment dawk li jixtiequ t-trankwilita’ f’post spiritwali.

Iż-Żebbuġ Rovers F.C.

L-istaġun 1976-77 kien l-ewwel wieħed li fih iż-Żebbuġ Rovers ħadu sehem fit-Tieni Diviżjoni tal-GFA. Minn 10 logħbiet, iż-Żebbuġ rebħu waħda, ġew draw fi tnejn u tilfu l-kumplament. F’dawn il-logħbiet huma skurjaw 9 u qalgħu 21 gowl. L-ewwel gowl ta’ iż-Żebbuġ Rovers f’dan l-ewwel staġun tagħhom kien skurjat minn Michael Vella. Kien bidu diffiċli fejn spiċċaw fl-aħħar post b’4 punti. It-tim kien immexxi mill-plajer-kowċ Bro. Jimmy Catania.


iż-Żebbuġ Rovers F.C. kellhom anke t-tieni staġun tagħhom diffiċli bħal l-ewwel wieħed. Madankollu, iż-Żebbuġ kellhom punt iktar iżda skurjaw inqas numru ta’ gowls, 4. Minkejja li iż-Żebbuġ spiċċaw fl-aħħar post huwa soffrew 13 il-gowl biss. F’dan l-istaġun il-plajer-kowċ Bro. Jimmy Catania kien magħżul bħala l-Uffiċċjal tas-Sena tal-GFA.


Fl-istaġun ta’ wara 1978-79, Bro. Jimmy Catania kellu jitlaq lejn Malta u iż-Żebbuġ għażlu lil Alfred Buttigieg bħala l-kowċ tagħhom. Fit-tim bdew jilgħabu l-aħwa Paul u Philip Ciantar u t-tim għamel ħafna titjib. Fil-fatt fi tmiem l-ewwel rawnd kienu jinsabu fl-ewwel post. Huma mbagħad spiċċaw bħala runners-up u kienu l-iktar tim li skorja gowls. F’dan l-istaġun huma tilfu b’gowl uniku fir-replay tal-finali tan-Knoct Out. Sfortunatament fi tmiem l-istaġun, it-tim għadda minn kriżi interna u kellu jirtira mill-GFA. It-tim ta’ iż-Żebbuġ Rovers għadda 7 staġuni inattiv minkejja li saru diversi attentati biex jerġa jitwaqqaf it-tim.


Meta reġgħu organizzaw it-tim fl-istaġun 1986-87, it-tim kien fortunat li lagħab mall-ewwel fl-Ewwel Diviżjoni mat-timijiet l-oħra kollha Għawdxin. Żebbuġ lagħbu tajjeb fl-għola diviżjoni meta irnexxielhom jgħelbu lil St. Laurence Spurs b’żewġ gowls ta’ Frans Saliba. Għaldaqstant Frans Saliba jibqa mniżżel bħala l-ewwel plajer Żebbuġ i li skorja fl-Ewwel Diviżjoni. Imma iż-Żebbuġ kellhom jilgħabu f’Pool B fejn spiċċaw fir-raba’ post u kellhom ikomplu jilgħabu fir-Relegation Pool. F’din it-tieni pool huma kellhom riżultati tajba, żda mhux daqstant suffiċjenti li jżommu posthom mal-kbar minkejja li spiċċaw fit-tielet post.


Fl-istaġun ta’ wara 1987-88, iż-Żebbuġ Rovers lura għat-tieni diviżjoni kisbu 5 rebħiet u 5 telfiet. F’dan l-istaġun iż-Żebbuġ bdew ma’ Munxar b’punt imnaqqas, mentri Victoria U. u St Lawrence S. bi tnejn inqas u dan skond kif ikklassifikaw fl-istaġun preċedenti. Kienet sorpriża li iż-Żebbuġ rebħu lil favoriti fejn rebħu kollox u anke għamlu double. It-tim kien immexxi mill-ex-plajer Baskal Saliba. F’dan l-istaġun, iż-Żebbuġ rebħu 3 unuri individwali. Il-President Benjamin Cefai rebaħ l-Uffiċċjal tas-Sena tal-GFA, l-gowlkeeper Louis Cardona rebaħ l-Aħjar Plajer tat-Tieni Diviżjoni u Victor Zammit l-Aqwa Skorer tat-Tieni Diviżjoni b’5 gowls. Novita’ f’dan l-istaġun kien li anke t-tim klassifikat fit-tieni post kiseb il-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni.


Lura lejn l-Ewwel Diviżjoni, l-istaġun 1989-90, r-Rovers tilfu 7 partiti u ħadu tliet draws fejn bit-tliet punti li akkwistaw spiċċaw fl-aħħar post u sfaw lura lejn it-Tieni Diviżjoni wara staġun wieħed. Fl-ewwel fażi huma taw sfida denja, iżda fit-tieni rawnd huma soffrew tliet telfiet kbar biex huma kienu l-iktar li soffrew gowls, 27.


Fl-istaġun 1990-91, iż-Żebbuġ Rovers dehru li ser jiċċalenġjaw għall-ewwel postijiet. Huma ibbażaw fuq l-captian Victor Zammit. Wara tmiem l-ewwel rawnd huma kienu fl-ewwel post flimkiem ma’ Qala, iżda mbagħad bdew it-tieni rawnd fuq nota negattiva b’telfa kontra l-istess il-Qala. Iżda wara huma wettqu reazzjoni biex spiċċaw fit-tieni post flimkien mal-istess il-Qala biex kellhom jilgħabu decider kontra xulxin biex ir-rebbieħ ikun promoss għall-ewwel diviżjoni flimkien mac-champions il-Munxar. Hawn iż-Żebbuġ iddiżappuntaw fejn sfaw telliefa bl-iskor ta’ 3-0. F’dan l-istaġun Victor Zammit spiċċa l-Aqwa Skorer b’5 gowls u ntagħażel wkoll bħala l-Aħjar Plajer tat-Tieni Diviżjoni.


Iż-Żebbuġ iddiżappuntaw bis-sħiħ fl-istaġun 1991-92. Huma lagħbu tajjeb fl-ewwel rawnd, iżda m’għamlu xejn fit-tieni wieħed. Fil-fatt fit-tieni rawnd, iż-Żebbuġ kellhom l-ikbar telfa kontra Oratory Youths bl-iskor ta’ 1-8 u fil-logħba kontra SK Victoria W huma spiċċaw jilgħabu b’4 plajers inqas.


Fl-istaġun 1992-93 iż-Żebbuġ Rovers spiċċaw champions wara xogħol iebes kontra Għajnsielem. Kien hemm mumenti fejn anke il-Qala stinkaw għal promozzjoni. Iż-Żebbuġ rebħu logħba wara l-oħra fejn imbagħad tilfu kontra Għajnsielem, madankollu huma qabżu lill-sitess Għajnsielem fl-aħħar logħba biex spiċċaw champions tat-Tieni Diviżjoni. Għalhekk mill-ġdid iż-Żebbuġ issa lagħbu fl-Ewwel Diviżjoni wara nuqqas ta’ tliet snin. Huma kienu taħt it-tmexxija tal-kowċ Teddy Curmi u magħhom ħadu żewġ attakkanti mingħand Sannat Lions, lil M.Grima u M.Cardona. Fin-nofs J.Briscoe kompla għaqqad quddiem id-difiża biex it-tim soffra 6 gowls biss. Il-captian Carmel Farrugia kien magħżul bħala l-Aħjar Plajer tat-Tieni Diviżjoni.
Fl-istaġun ta’ wara 1993-94, iż-Żebbuġ sabuha diffiċli fl-Ewwel Diviżjoni minkejja li kellhom bħala plajers ġodda lil goalkeeper Tony Pace, lill-attakkant R.Chetcuti u l-barrani R.Bouamara u anke bidlu l-kowċ fejn Carmel Sultana ħa post Teddy Curmi. F’dan l-istaġun iż-Żebbuġ rebħu 2 partiti, ġew draw 3 u tilfu d-9 l-oħra. Pożittiv kien il-progress fit-Tazza Indipendenza fejn iż-Żebbuġ kienu eliminati fis-semi-finali.


Lura għat-Tieni Diviżjoni fl-1994-95 taħt il-kowċ Walter Manpalao, iż-Żebbuġ kellhom staġun dizappuntanti fejn tilfu 6 logħbiet, ġew draw 2 u rebħu 2. Ir-Rovers spiċċaw fil-post ta’ qabel tal-aħħar. Fil-kompetizzjonijiet l-oħra, iż-Żebbuġ marru tajjeb għax ikkwalifikaw minn Grupp A iżda kienu eliminati fil-kwarti-finali.


L-istaġun 1995-96 kien iehor diżappuntanti għar-Rovers fit-Tieni Diviżjoni taħt il-kowċ Eddie Camilleri. Huma spiċċaw fl-aħħar post b’punt wieħed biss. Huma ma kisbu l–ebda rebħa, ħadu draw waħda u tilfu d-9 logħbiet l-oħra. Dan id-dizappunt tpatta xi ftit bir-rebħ tal-Good Conduct Cup. Sammy Camilleri, r-rappreżentant fil-Kunsill tal-GFA ngħata l-Council Shield.


Issa kien imiss lil Paul Cilia li jmexxi lit-tim fl-istaġun 1996-97 fejn hawn kienu aħjar mill-istaġuni preċedenti. Huma spiċċaw fit-tieni post tat-Tieni Diviżjoni iżda tilfu l-promotion decider kontra il-Munxar Falcons 1-2 biex baqgħu fit-Tieni Diviżjoni. iż-Żebbuġ ġew mogħtija l-unur tal-Fair Play u Reuben Galea spiċċa bħala l-Aqwa Skorer tat-Tieni Diviżjoni b’10 gowls. Anke fin-Knoct Out tat-Tieni Diviżjoni spiċċaw fit-tieni post wara li tilfu 1-3 kontra Kercem Ajax.


Iż-Żebbuġ imbagħad akkwistaw d-double fl-istaġun 1997-98 meta rebħu kemm ic-Championship kif ukoll in-Knock Out. Bil-kowċ Victor Zammit, iż-Żebbuġ spiċċaw champions bi 28 punt wara li akkwistaw 9 rebħiet, ġew draw darba u tilfu 2. Fin-Knock Out, Żebbuġ rebħu 2-0 lil Oratory Youths biex akkwistaw din it-Tazza għat-tieni darba fl-istorja tagħhom. It-tim kien imsaħħaħ b’diversi żgħażagħ mill-lokal. iż-Żebbuġ ġew mogħtija l-Good Conduct Cup, filwaqt li Mario Grech intagħżel bħala l-Aħjar Plajer tat-Tieni Diviżjoni u l-plajers Joe Cini u Alex Tramboo kienu vvutati bħala l-iSprite Pljer tax-Xahar ta’ Ottubru u April/Mejju rispettivament.


Fl-istaġun ta’ wara 1998-99 it-tim reġa għal darb’oħra kien taħt il-kowċ Victor Zammit fejn kellhom staġun tajjeb fl-Ewwel Diviżjoni. Huma spiċċaw runners-up bi 18 il-punt u lagħbu promotion decider kontra Xewkija T. Wara xogħol iebes, iż-Żebbuġ rebħu 4-3 wara l-ħin barrani u kienu promossi għal Kampjonat Premier. Dan is-suċċess reġa kien onorat għal darb’oħra bir-rebħ tal-Good Conduct Cup, filwaqt li Mario Azzopardi kien magħżul bħala l-Iktar Plajer Promettenti fl-Ewwel Diviżjoni.


Fl-istaġun 1999-00, iż-Żebbuġ Rovers spiċċaw fir-raba’ post fl-Ewwel Diviżjoni. Dan kien l-aħjar staġun tagħhom s’issa fl-għola diviżjoni. Iż-Żebbuġ stinkaw ħafna biex jispiċċaw fl-ewwel post. Fi tmiem l-ewwel rawnd iż-Żebbuġ kienu jinsabu fuq quddiem bi 12 il-punt daqs Victoria Hotspurs. Huma akkwistaw 3 rebħiet, 3 oħra draw u tilfu waħda. Iżda fit-tieni rawnd huma kisbu rebħa waħda, ħadu 3 draws u tilfu 3 oħra. Huma skurjaw 23 u qalgħu 28 gowl. Huma kellhom iżommu l-plajers bażiċi iżda kellhom nuqqas ta’ riservi. Madankollu Sylvan Galea kien ivvutat bħala r-Rothmans Plajer tax-Xahar għal Settembru u Frar biex rebaħ dan l-unur darbtejn fi staġun. B’hekk sar l-ewwel plajer li għamel dan fl-10 snin. Huwa kien mogħti l-unur tal-Aqwa Skorer b’25 gowl. Mario Azzopardi kien ukoll magħżul bħala r-Rothmans Plajer għax-Xahar ta’ Ottubru. Fir-Rothmans GFA Cup, iż-Żebbuġ kienu eliminati fis-semi-finali. F’dik il-kompetizjoni kienu pparteċipaw it-timijiet kollha Għawdxin. Rir-rawnd Preliminari iż-Żebbuġ kisbu l-ikbar rebħa tagħhom 10-0 kontra il-Munxar. Imbagħad iż-Żebbuġ eliminaw lil ix-Xagħra United 5-1, iżda wara tilfu 1-2 kontra ix-Xewkija Tigers. F’din il-kompetizzjoni wkoll Sylvan Galea spiċċa bħala l-Aqwa Skorers b’6 gowls. Fl-istess staġun iż-Żebbuġ Rovers kisbu l-ewwel unur staġjonali meta rebħu t-Tazza Indipendenza b’rebħa ta’ 1-0 fil-finali kontra ix-Xagħra United b’gowl ta’ Philip Cardona fl-aħħar żewġ minuti tal-partita. Dan l-unur wasal fi żmiem li fih iż-Żebbuġ kienu qed jiċċelebraw il-25 anniversarju mill-oriġini tagħhom. Sylvan Galea kien l-Aqwa Skorer f’din il-kompetizzjoni b’5 gowls. Biex waslu sal-finali huma għelbu 3-0 lil St Lawrence Spurs, 1-0 lil in-Nadur Youngsters u 2-1 lil Victoria Hotspurs. Fl-istess staġun, iż-Żebbuġ rebħu 3-2 bil-penalties it-8 Edizzjoni tat-Tazza Jum il-Ħelsien kontra Għajnsielem. -Iiż-Żebbuġ ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor. Minkejja li iż-Żebbuġ kienu favoriti li jirbħu wkoll l-unika darba organizzata t-Tazza tal-Millenju, huma spiċċaw tilfuha bil-golden goal. Din il-kompetizzjoni kienet organizzata biex ikun stabilit liema tim Għawdxi kellu jikkompeti fit-Tazza tal-Millenju organizzata mill-MFA. F’din il-kompetizzjoni ħadu sehem 11 il-tim bl-eliminazzjoni diretta fl-għaxar logħbiet. Erba’ minnhom kienu deċiżi fil-ħin barrani u oħra bil-penalties. Fir-Rawnd Preliminari, iż-Żebbuġ kisbu rebħa ta’ 1-0 fuq Oratory Youths fil-hin barrani. Fil-kwarti finali huma għelbu 4-3 lil in-Nadur Youngsters u fis-semi-finali ssuperaw 2-0 lil ix-Xewkija Tigers. L-avversarji tagħhom fil-finali kienu Victoria Hotspurs. Iż-Żebbuġ hawn iddiżappuntaw ħafna fejn ma wrewx il-logħob kollettiv li kienu qed juru. Victoria rebħu 2-1 fil-ħin barrani. L-Aqwa Skorers ta’ din il-kompetizzjoni kienu Sylvan Galea u Jason Portelli (Għarb) bi 3 gowls kull wieħed. Minn dan l-istaġun ‘l quddiem iż-Żebbuġ wrew li ser ikunu tim qawwi w ikunu wkoll fost il-favoriti.


Minkejja li fl-istaġun ta’ wara ż-Żebbuġ ma rebħu l-ebda tazza, huma taw sfida qawwija lit-timijiet kollha. Fil-fatt f’dan l-istaġun huma spiċċaw fir-raba’ post u waslu sal-finali tal-BOV Super Cup fejn tilfu fil-ħin barrani bil-golden goal kontra Għajnsielem.
Fl-istaġun 2001-02, ir-Rovers żammew r-raba’ post tal-klassifika u spiċċaw finalisti telliefa fit-Tazza Indipendenza u l-BOV Super Cup. Fl-istaġun ta’ wara 2002-03, iż-Żebbuġ Rovers spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika u tilfu fil-finali tan-Noel Vassallo Cup bil-penalties kontra n-Nadur Youngsters.


Iżda fl-istaġun 2003-04, iż-Żebbuġ rebħu lill-istess Nadur 3-0 fil-finali tal-istess kompetizjoni. Minbarra t-Tazza Noel Vassallo, huma rebħu wkoll t-Tazza Jum il-Ħelsien bil-penalties kontra Nadur wara li l-iskor kien baqa’ dak ta’ 2-2 wara li anke kien mogħti l-ħin barrani. Fil-bidu ta’ dan l-istaġun, iż-Żebbuġ kienu sorpredentament tilfu 0-1 kontra l-Qala St Joseph fir-Rawnd Preliminari. Wara dan id-diżappunt, iż-Żebbuġ ma ħarsux lura għax apparti r-rebħ tat-Tazzi Noel Vassallo u Jum il-Ħelsien, huma komplew sejrin biex rebħu l-għola kampjonat biex il-ħolma tagħhom saret realta’, dik li jirbħu l-għola diviżjoni. B’hekk iż-Żebbuġ Rovers kienu nkurunati bħala c-Champions il-ġodda Għawdxin għall-ewwel darba. F’dan l-istaġun huma tilfu 2-4 fil-finali tal-GFA Cup kontra n-Nadur Youngsters.


Fl-istaġun ta’ wara 2004-05, iż-Żebbuġ spiċċaw fil-ħames post tal-Ewwel Diviżjoni bi 23 punt mirbuħa minn 7 rebħiet u żewġ draws. Huma tilfu 9 logħbiet. B’kollox skurjaw 29 u qalgħu 47 gowl. Matul dan l-istaġun huma tilfu 1-2 fil-finali tat-Tazza Jum il-Ħelsien kontra n-Nadur Youngsters. Fuq nota tajba, Manwel Cordina kien magħżul bħala l-Iktar Plajer Promettenti tal-Ewwel Diviżjoni.


Matul l-istaġun 2005-06, iż-Żebbuġ Rovers resqu talba lil GFA biex jipparteċipaw fit-Tieni Diviżjoni fejn it-talba tagħhom kienet aċċettata u l-aħjar plajers tagħhom kienu mislufa lil timijiet oħra. Hawn iż-Żebbuġ kellhom wieħed mill-iktar staġuni negattivi f’dan l-aħħar snin. Huma ġabbru biss 10 punti minn 3 rebħiet u draw fejn tilfu mbagħad il-11 il-partita l-oħra. Huma skurjaw 15 u soffrew 33 gowl. Huma kklassifikaw fil-post ta’ qabel tal-aħħar.


Fl-istaġun ta’ wara 2006-07, Żebbuġ spiċċaw fil-ħames post tat-Tieni Diviżjoni b’16 il-punt. Huma kisbu 5 rebħiet, draw waħda u tilfu l-logħbiet l-oħra. Huma skurjaw 19 u qalgħu 39 gowl.


Matul l-istaġun ta’ wara 2007-08, iż-Żebbuġ lagħbu għal darb’oħra fit-Tieni Diviżjoni fejn spiċċaw fir-raba’ post b’21 punt miksuba minn 5 rebħiet u 6 draws. Huma tilfu s-sitt logħbiet l-oħra. Huma tilfu żewġ finali kontra SK Victoria Wanderers 5-1 u 2-1. L-istaġun l-ieħor 2008-09, iż-Żebbuġ iddiżappuntaw għal darb’oħra fejn spiċċaw fis-sitt post tat-Tieni Diviżjoni bi 15 il-punt. Huma kisbu 4 rebħiet, 3 draws u 11 il-telfa. Skurjaw 22 u soffrew 41 gowl.

L-Otters ASC

L-istorja ta’ l-Otters A.S.C. fija s-sabiħ u l-ikraħ tagħha, b’suċċessi u fallimenti. Kulħadd jieħu pjaċir bil-mumenti maġiċi ta’ suċċess; meta l-fortuna kienet tidħak lil klabb. Iżda wieħed ma jridx jinsa l-mumenti ta’ frustrazzjoni u fallimenti; żminijiet meta kollox kien jidher li sejjer ħażin. Huma dawn il-memorji li jiġu f’iktar minn 30 sena ta’ l-Otters A.S.C.

Huwa diffiċli li wieħed jistabilixxi eżatt id-data tat-twaqqif tal-klabb. Madankollu l-ewwel plajers li ssieħbu lil klabb kienu rregistrati mal-Gozo Aquatic Association fit-28 ta’ Lulju 1971 u għalhekk dik id-data normalment hija kkunsidrata mill-membri tal-klabb bħala d-data ta’ meta twaqqaf l-klabb. Il-membri fundaturi tat-tim innifsu jinkludu lil Anton Refalo, Victor Grech, George Calleja, Carmel Debattista u Frank Masini.

L-istorja tal-klabb bdiet bit-tim ikollu jipparteċipa fit-Tieni Diviżjoni tal-Kampjonat tal-Waterpolo Għawdxi flimkien ma’ timijiet oħra bħal Għajnsielem, għas-Sea Urchins u il-Blue Sharks. L-ewwel sena kienet waħda promettenti ghall-Otters A.S.C. fejn kienu promossi għall-Ewwel Diviżjoni. Fis-snin ta’ wara, Otters A.S.C. kellhom ukoll iċ-ċans li jilgħabu kontra timijiet oħra Għawdxin bħad-Dolphins, Whales u Penguins, timijet li kollha spiċċaw iktar ma għadda ż-żmien. Fl-1973, l-Otters ASC bdew jikkompetu fil-Kampjonat tal-Minors li kien ġie organizzat mill-GAA għall-ewwel darba.

Matul is-snin, l-Otters ASC ikkonsolidaw lilhom infushom bħala tim veru, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu, staġuni tajba ma’ oħrajn ħżiena. L-Otters A.S.C. irnexxielhom jirbħu diversi unuri organizzati matul is-snin mill-GAA bl-introduzzjoni ta’ plajers ta’ talent li matul is-snin irnexxielhom jibnu r-reputazzjoni tat-tim.
Parteċipazzjoni f’Malta

L-Otters A.S.C. bdew jipparteċipaw fil-Kampjonat organizzat mill-A.S.A. fl-1977 bit-tim ta’ taħt it-18 il-sena. It-tim kiseb riżultati diċenti meta wieħed jieħu inkonsiderazjoni d-diffikultajiet kbar li t-tim kellu jħabbat wiċċu magħhom. L-ewwel tim li ħa sehem f’Malta kien iffurmat minn Mario Calleja, Raymond Grech, Franz Refalo, Joseph Grech Hili, Ino Mario Busuttil, Joseph Busuttil, Raymond Calleja, Ivan Refalo, Joseph Sammut Alessi u Victor Camilleri. Iżda ma kienx qabel l-1980 li l-Otters A.S.C. ħadu sehem fil-Kampjonat tar-Reserves tat-Tieni Diviżjoni. Fil-istess ħin, Otters A.S.C. kienu qed jagħmlu minn kollox biex joħolqu kompetizzjoni għat-timijiet Għawdxin. Fil-fatt fl-1979 l-klabb rebaħ l-unuri kollha li kienu disponibbli f’Għawdex. Sforzi mill-GAA biex titnaqqas id-dominanza tat-tim irriżultat fix-xejn u l-Otters baqgħu jissuperaw dawn id-diffikultajiet u trattamenti inadegwati mmirati lejhom.

Kien fl-1982 li l-Otters A.S.C. ħadu deċiżjoni li jikkompetu fil-kompetizjonijiet tal-A.S.A. f’Malta fejn ipparteċipaw fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni. Minkejja li r-riżultati ma bdewx ikunu nkoraġġanti, demm u talent ġdid bħal Dennis Attard, Paul Dimech, Anton Tabone, Patrick Sciberras, Robert Xerri u David Pace kienu ntrodotti fejn ikkonfermaw li kienu ta’ għajnuna għat-tim fis-snin ta’ wara. Fil-fatt tliet snin wara, fl-1985, l-Otters A.S.C. irnexxielhom jirbħu l-Kampjonat tat-Tielet Diviżjoni. Dan kien l-ewwel unur li kisbu l-Otters A.S.C. fil-kompetizzjonijiet tal-A.S.A. Bir-rebħ tal-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni wkoll fl-1987, l-A.S.A. organizzat l-istruttura tal-Kampjonati tagħha fejn neħħiet dak tat-Tielet Diviżjoni. F’dak iż-żmien plajers bħal Marc Tabone u Kristian Dimech kienu qed jagħtu s-servizz tagħhom fit-tim tal-kbar. Wieħed hawn ukoll irid isemmi li l-Waterpolo f’Għawdex kien qed jispiċċa, bl-unika parteċipazzjoni tkun dik ta’ l-Otters A.S.C. li rnexxielhom iżommu ħaj l-isem tal-Waterpolo Għawdxi. It-timijiet l-oħra kollha, minn għal raġuni u minn għal oħra kollha bil-mod il-mod spiċċaw sakemm l-Otters A.S.C. ma kienx fadlilhom triq oħra għajr li jilgħabu f’Malta jekk riedu li jilgħabu logħob kompetittiv. F’dan il-perjodu l-membri fundaturi kienu qed jokkupaw ukoll karigi fi ħdan il-kumitat. Ix-xogħol tagħhom ma kienx faċli bħal ma kien fil-bidu. Bi strutturi iktar professjonali fl-iSport Malti, l-uffiċċjali tal-klabb bdew jippressaw biex huma wkoll ikollhom l-istess trattament bħal klabbs oħra fejn huma wkoll kienu qed ifittxu li jkollhom il-kwartieri tagħhom. M’hemx għalfejn wieħed isemmi kemm din kienet diffiċli biex tinkiseb, madankollu bl-ikbar perseveranza l-klabb akkwista l-kwartieri tiegħu fl-1995. Dan ippermetta biex il-klabb joffri struttura diċenti lill-plajers u ż-żgħażagħ li b’ħafna sagrifiċċji u rieda tajba komplew juru interess fil-logħba.

Is-snin 90 raw ukoll l-introduzzjoni tal-plajer barrani fil-Waterpolo. L-Otters A.S.C. kellhom tliet barranin li taw is-servizz tagħhom lil klabb: Sacho Popovski lagħab mal-klabb għal sentejn (!993-94), Radu Georgescu lagħab għal sena (1995) u Fabio Valenti lagħab għal sentejn (1996-97), sakemm l-A.S.A. iddeċiedet li terġa tneħħi l-użu tal-plajer barrani fil-Kampjonat Malti. Kien ukoll għall-ewwel darba li l-Otters A.S.C. bdew jagħmlu użu minn plajers Maltin. Matul dawn is-snin, l-Otters A.S.C. kellhom ukoll l-okkażjoni li jużaw is-servizzi ta’ kowċis li kienu ta’ għajnuna kbira lil klabb. Miro Caruana għamel tliet snin jieħu ħsieb it-tim fejn introduċa bosta żgħażagħ bħal Jo-Etiene Abela, Kevin Galea, Joseph Grech u iktar tard ukoll lil Reuben Grech u Stephan Grech fejn dawn kisbu riżultati tajba fit-Tieni Diviżjoni f’Malta. Iżda l-ikbar suċċess miksub kien bit-timijiet tal-Minors fejn bla dubju kisbu riżultati tajba ħafna hemm fl-logħbiet f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

L-Otters A.S.C. ħassew il-ħtieġa li jinvestu bil-qawwi fiż-żgħar biex jiżguraw mill-futur tal-klabb. Alfred Cachia kien magħżul bħala l-persuna idejali biex iwaqqaf skola tal-Għawm fuq bażi professjonali għal fatt li huwa għandu esperjenza vasta f’dan il-qasam. Bl-għajnuna ta’ diversi membri tal-kumitat, l-iskola tal-Għawm kienet suċċess u llum tifforma parti integrali mill-klabb. Kien għall-ewwel darba li plajers bħal George Louis Zammit u Kevin Mizzi u iktar tard plajers żgħar oħra li ġew introdotti fit-tim tal-kbar u b’hekk l-ħtieġa ta’ plajers Maltin naqset.

F’dawn l-aħħar ħames snin it-tim kellu wkoll ic-cans li jmur jittrenja barra. Dawn il-visti, jkabbru l-ispirtu fit-tim kif ukoll joffru opportunita’ tajba għal taħriġ intensiv, kif ukoll gost għal plajers.

Il-futur jiddependi fuq dawk li qed jieħdu ħsieb l-infrastruttura tal-lum, membri tal-kumitat flimkien ma’ dawk li jħobbu l-Waterpolo li minkejja ċerti restrizzjonijiet ikollhom ikomplu jipproġettaw għal futur tal-Waterpolo f’Għawdex. Mhu l-ebda sigriet li l-kontributiru tal-logħba matul is-snin li llum kollha jixtiequ li jaraw Pixxina Olimpika f’Għawdex u tim veru Għawdxi iffurmat minn plajers Għawdxin bl-inkluzzjoni ta’ plajer jew tnejn Maltin biex jiċċelengjaw ghall-unuri fil-kampjonat nazzjonali.