Iż-Żebbuġ

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Fiż- Żebbuġ insibu wkoll lis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li bdew fid-Dar tagħhom fl-1974 fejn baqgħu għaddejjin bil-ħidma kontinwa pastorali tagħhom u l-istess Dar arjuża ‘Stella Maris’ li għandhom għall-kwiet fi Triq Mons Ġuseppi De Piro tintuża minn diversi gruppi u għaqdiet minn barra r-raħal għall-irtiri tagħhom. Fil-viċinanzi nsibu wkoll l-iskola primarja tar-raħal ‘Mons Giov. Andrea Vella’ mibnija fl-1955. Fl-inħawi bejn il-Qlajja u s-Sellum hemm iċ-Ċimiterju tal-Parroċċa li nbena fl-1934.

Fl-istess raħal insibu wkoll iċ-Ċentru Parrokjali li qiegħed fil-pjazza prinċipali. Dan iċ-ċentru jservi għal diversi skopijiet fosthom biex jiltaqgħu gruppi għal-laqgħat tagħhom bħal Azzjoni Kattolika u l-Legion of Mary. Iservi wkoll bħala sede temporanja għal Banda Santa Marija. Dan it-talent mużikali fiż-Żebbuġ imur lura tant snin fejn fl-1946 kienet anke twaqqfet l-orkestra tar-raħal mis-Surmast Antonio Mallia u din għadha tiffunzjona sal-ġurnata tal-lum u tagħti s-servizzi tagħha waqt il-funzjonijiet liturġiċi tal-Parroċċa. Fiż-Żebbuġ insibu wkoll lis-Soċjeta tad-Duttrina l-M.U.S.E.U.M. li mhux biss ma jieqfu qatt bit-tagħlim ta’ formazzjoni lill-membri tagħhom, iżda bil-kooperazzjoni ta’ diversi benefatturi bnew post mill-isbaħ fejn jiltaqgħu. Hawn ukoll lit-tim tal-futbol ta’ Żebbuġ Rovers li jikkompeti fl-ogħla diviżjoni Għawdxija. Fl-istaġun l-ieħor 2003-04 huma saru Champions Għawdxin għall-ewwel darba fl-istorja sportiva ta’ gżiritna. Minbarra l-ground tal-futbol fiż-Żebbuġ, wieħed isib iktar faċilitajiet sportivi fosthom ir-Range ta’ l-Isparar fuq il-Plattini, pitches tal-boċċi u l-playing ground. Ta’ attrazzjoni oħra fiż-Żebbuġ huwa l-presepju ta’ Bastjan, fi Triq Għajn Mħelħel, opra sabiħa ta’ Bastjan Axiaq, bin-numru kbir ta’ pasturi, bini u rilievi kollha maħduma mill-ġebla tal-franka. F’diversi postijiet fir-raħal wieħed jista’ josserva d-diversi niċeċ b’xi Madonna taħt titli diversi jew b’xi qaddis jew qaddisa. L-iktar antika fost dawn hija dik magħrufa bħala tal-Madonna taċ-Ċiċri li kienet saret fl-1795.

F’Marsalforn apparti l-knisja, wieħed jista’ wkoll iżur l-għolja tal-Merżuq fejn fuqha kien tpoġġa salib fl-1901 u tliet snin wara kien inbidel ma’ statwa tas-Salvatur u wara 65 sena kienet saret oħra flokha. Wara li mbagħad din kienet iġġarrfet fl-1973, kienet issa saret oħra tal-fibreglass mimlija bil-konkos biex tkun tiflaħ iktar għall-elementi naturali. Wieħed jista’ wkoll iżur minbarra d-diversi bajjiet ta’ Għar Qawqla, Santa Marija, il-Qbajjar u x-Xwejni. Wieħed isib ukoll is-salini tal-melħ, kif ukoll il-Fortina tal-Qolla l-Bajda, dik li llum tissejjaħ it-Torri tal-Qbajjar. Din il-fortifikazzjoni kienet mibnija fl-1716.