Iż-Żebbuġ

Knejjes

Print this page

Knisja Parrokjali taż-Żebbuġ


Kien fis-sena 1692 li bdiet tinbena l-knisja minflok il-kappella ddedikata lil Santa Marija tal-Mirakli jew tal-Virtujiet. Minkejja li kienu żminijiet diffiċli u kien jeżisti faqar kbir, għaddew is-snin u l-knisja tlestiet u ġiet ikkonsagrata fit-30 ta’ Settembru 1736 u ddedikata lill-Verġni Marija Assunta. Kienet l-ewwel knisja wara l-Matriċi tal-Katidral li nbniet bin-navi magħha. Il-kwadru titulari li hu ta’ Dun Franġisk De Dominicis juri lit-Tliet Persuni Divini jinkurunaw lill-Verġni Assunta. L-istatwa titolari ferm artistika ta’ l-Assunta saret fl-1863 mid-Ditta Franċiża minn Marsilja ta’ Gallard et Fils u minn dak in-nhar sal-lum ta’ kull sena fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-15 ta’ Awissu tiġi ċċelebrata l-festa titulari ta’ l-Assunta. Mas-snin, il-knisja kienet saret żgħira għal komunità u mas-sena 1936 bdiet titkabbar. Minkejja li faqqgħet il-gwerra x-xogħol tkompla u fortunatament kien lest fl-1942 meta fl-istess żminijiet knejjes oħra sfaw imġarrfa. Benefattur kbir fit-tkabbir tal-knisja kien Mons Dun Franġisk Saliba, iben Iż-Żebbuġi li kien missjunarju f’Golette fit-Tuneżija. Fit-12 ta’ Marzu 1963 il-Parroċċa ġiet mgħollija għad-dinjità Arċipretali. Il-knisja hija mogħnija wkoll b’diversi attrażżjonijiet fosthom il-kwadru antik u daqstant devot tal-Kunċizzjoni li miegħu hemm marbuta diversi stejjer, il-Korp Sant ta’ San Fortunatu Martri, l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira li bdew joħorgu proċessjonalment fl-1919 u l-istatwa ta’ l-Irxoxt u tant opri magħmulin mill-irħam oniċe bl-iktar li jispikka huwa l-artal mejda, xogħol u disinn oriġinali ta’ Ronald Pisani. Opri oħra magħmula mill-istess onice huma l-fonti tal-magħmudija, l-ambone, il-pilastri kollha tal-knisja, il-brazzi ta’ mal-pilastri, is-siġġijiet tal-kor, is-sedja prinċipali taċ-ċelebrant waqt il-quddiesa, il-konfessjonarji u l-ħwat ta’ l-ilma mbierek.


Knisja ta’ Marsalforn


Marsalforn ukoll għandu l-knisja tiegħu li hija ddedikata lil San Pawl Nawfragu. Dik oriġinali kienet twaqqfet fis-seklu erbatax, iżda kienet imkabbra kemm –il darba matul is-snin. Il-knisja preżenti kienet inbniet fi żmiem l-Isqof Pietro Pace u ġiet ikkonsagrata fit-12 ta’ Settembru 1939. Il-festa titolari pero’ tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Jannar, il-konversjoni ta’ l-Appostlu Pawlu.
Kappella Dar Stella Maris


Din il-kappella li tinsab fid-Dar Stella Maris imwaqqfa u mmexxija mis-Socjeta Missjunarja ta’ San Pawl kienet imbierka fit-30 ta’ Ġunju 1974 mill-Isqof ta’ Għawdex Moins Nikol Cauchi. Din il-kappella nbniet mill-bennej Vitor Vella miż-Żebbuġ fuq pjanti tal-Periti Camilleri Galea u Joe Dimech. It-titular tagħha huwa dak ta’ ‘Stella Maris’ jew ‘Kewba fuq il-Baħar’. Din il-kappella tintuza kuljum ghal htiġijiet reliġjuzi tar-residenti tal-vicinanza, kif ukoll tintuza ghal diversi irtiri li ssiru fija matul is-sena kollha kemm għal qassisin, religjuzi u lajci. Fl-2004 saret rinnovazzjoni fl-istess kappella fejn din saret iktar attrezzata fosthom b’artal tal-iram onice li sar mill-iskultur Ronald Pisani.