Ta' Sannat

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Sannat hu raħal ħlejju fin-nofsinhar ta' Għawdex u li jibda fit-truf tal-wita li tinżel ħelu ħelu mir-Rabat u jintemm fit-truf tal-wesgħa blat għoli msejħa ta' Ċenċ. Kif inhu llum għandu b'kollox area ta' 3.77 kilometru kwadru, jiġifieri 5 fil-mija tal-gżira. Min-naħa tal-punent jmiss mal-Munxar u mil-Lvant max-Xewkija.

L-arma ta' Sannat, bħal ħafna mill-armi tal-irħula Għawdxin, saret fl-okkażjoni taż-żjara tal-Prinċep ta' Wales bejn is-6 u l-10 t'April, 1876. Din l-arma ġiet imfassla u mpittra mill-professur Nikolo' Zammit (1815-1899) li kien tabib, filosfu, arkitett u pittur. Din l-arma tikkonsisti f'qatta' qamħ wieqfa u żewg imnieġel fuq. Zammit qisu jrid jagħtina x'nifhmu li fl-imgħoddi hawn kien jinżara ħafna qamħ.

L-motto ta' Sannat aktarx li ġie miktub mill-istudjuż u l-antikwarju Għawdxi Lorenzo Zammit Haber (1876-1959) mix-Xewkija. Dan il-motto jgħid hekk:    "Labor Ante Omnia" li jfisser: "ix-xogħol qabel kollox".