Ta' Sannat

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Arkeoloġija

Fdalijiet arkeoloġiċi li jinsabu fir-raħal ta’ Sannat u / jew fl-inħawi tiegħu.

Il-fdalijiet arkeoloġiċi li wieħed isib f’Ta’ Sannat huma l-iktar, u kważi unikament, fdalijiet tal-perjodu preistoriku u dawn huma kolla kkonċentrati f’Ta’ Ċenċ fl-inħawi ta’ l-istess raħal.

L-eqdem fost dawn il-fdalijiet huma dawk ta’ dak li huwa magħruf bħala It-Tempju ta’ l-Imramma. Dawn il-fdalijiet, li lejn il-bidu tas-seklu 20 kienu ġew investigati u studjati mill-istudjuż Ġiżwita Patri Manwel Magri S.J. kif ukoll mill-istudjuż Ġermaniż Albrecht Mayr, imorru lura għall-fażi preistorika magħrufa bħala l-fażi Mġarr (3800-3600 Q.K.). Dawn il-fdalijiet, li jinkludu wkoll menhir (ġebla wieqfa f’għamla ta’ monument), jappartjienu lil struttura li setgħet kienet tempju kif jindika isimha. Il-pjanta ta’ din l-istruttura hija rregolari ħafna u mhix komuni.

Żewġ monumenti arkeoloġiċi oħra li huma wkoll importanti ħafna f’Ta’ Ċenċ huma ż-żewġ dolmens, wieħed magħruf bħala Id-Dura tax-Xagħra l-Kbira u l-ieħor magħruf bħala Id-Dura tal-Mara. Dawn huma aktarx żewġ strutturi funerarji, i.e. probabilment kienu jintużaw għal skopijiet ta’ dfin. Huma jikkonsistu fi tlitt ġebliet vertikali li fuqhom tistrieħ blata oriżżontali. L-arkeoloġista Dr David Trump sab ukoll fdalijiet ta’ dak li huwa identifika bħala qabar f’għamla ta’ mina li jixbaħ lil dolmen tawwali.

Dawn id-dolmens, li qabel kien hemm iktar minnhom f’Ta’ Ċenċ iżda li, sfortunatament, m’għadhomx jeżistu, m’humiex qodma daqs il-fdalijiet tat-Tempju ta’ l-Imramma. Huma jappartjienu, fil-fatt, għal Żmien il-Bronż (2500-700 Q.K.) u jmorru lura għall-fażi preistorika magħrufa bħala l-fażi Tarxien Ċimiterju (2500-1500 Q.K.).

F’diversi postijiet f’Ta’ Ċenċ, wieħed jiltaqa wkoll ma’ diversi pari ta’ kalati, xi drabi anke jaqsmu minn fuq xulxin. In-natura tagħhom hija diffiċli biex tiġi determinata iżda, normalment, kemm f’Ta’ Ċenċ kif ukoll f’postijiet oħra f’Malta u Għawdex fejn jinsabu, huma dejjem assoċjati mal-qtugħ tal-ġebel / blat.

Id-datazzjoni tagħhom hija wkoll diffiċli ħafna. Possibilment, jistgħu jmorru lura għal Żmien il-Bronż, għalkemm il-possibilita’ li baqgħu fl-użu anke matul il-perjodu Klassiku (i.e. Puniku u / jew Ruman) mhix eskluża.