San Lawrenz

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

San Lawrenz huwa villaġġ żgħir li jinsab in-naħa tal-punent t'Għawdex. San Lawrenz hu mibni fuq pjanura u mdawwar minn tlett għoljiet, ta’ Għammar, ta' Gelmus u Ta' Dbieġi. L-aħħar waħda, dik tad-Dbieġi hija 195 metru 'l fuq mil-livell ta' l-ilma u hija l-għola ponta ta' Għawdex lejn il-limiti ta' San Lawrenz hemm ukoll il-bajja sabiħa tad-Dwejra li hi magħrufa sew għall-aspett ġeoloġiku u uniku tagħha, li mhux biss huwa magħruf ma' l-Għawdxin u mal-Lawrenzjani izda internazzjonalment.

Skond iċ-Ċensiment tal-1995, il-villaġġ għandu popolazzjoni ta’ madwar 552 persuna. Il-maġġoranża ta’ dawn sat-tieni gwerra dinjija kienu bdiewa. Illum il-ġurnata ħafna mill-Lawrenzjani huma ħaddiema tal-gvern jew jaħdmu għal rashom.

L-emblema tal-lokalita ta’ San Lawrenz tikkonsisti f’ tarka lewn id-deheb li fuqha hemm is-simbolu ta’ gradilja li tinsab bejn żewġ palmiet. Bezzina f’din l-emblema jurina is-simbolu tal-palm li jfisser il-martirju u l-gradilja li tirrapreżenta l-mod ta’ kif miet il-patrun tar-raħal, San Lawrenz. Il-motto tar-raħal hu “ Dominus protectio Mea” li bil-Malti jfisser “Il-Mulej hu t-tarka tiegħi”.

Il-parroċċa ta’ San Lawrenz twaqqfet bħala parroċċa fil-15 ta’ Marzu 1893. Qabel din id-data San Lawrenz kien magħruf bħala Ta’ Ċiangura. Probabbilment kienet tissejjaħ hekk minħabba xi isem jew laqam ta’ xi ħadd li kien midħla ma dan il-post. Id-data eżatta ta’ meta dan il-post ġie stabbilit mhux magħruf iżda skond xi dokumenti l-isem Ta’ Ċiangura jissemma qabel l-Assedju l-Kbir ta’ Għawdex, li jiġi qabel Lulju ta’ l-1551.

San Lawrenz hu wieħed miż-żewġt irħula li ħa ismu wara dak tal-patrun tiegħu. Ir-raħal l-ieħor u dak ta’ Santa Luċija. Sar-raba seklu d-devozzjoni lejn San Lawrenz kienet inxterdet madwar id-dinja kollha u ma damitx ma laħqet xtutna. Fl-aħħar tal-medjuevu ġewwa Għawdex kien hawn tliet knejjes dedikati għalih, waħda kienet ġewwa ċ-Ċitadella, l-oħra lejn ta’ Għodlien u oħra lejn Ta’ Ċiangura li spiċċa biex sar ir-raħal ta’ San Lawrenz.

Lorenzo twieled ġewwa familja nobbli u qaddisa fis-sena 226 ġewwa Huesca ta’ Aragona ġewwa Spanja. Sistu II, arċidjaknu ta’ Ruma stieden lil Lorenzo sabiex imur miegħu Ruma u jkompli l-istudju tiegħu għal qassis. Fis-sena 257 Sistu sar Papa u għamel lil Lorenzo arċidjaknu u vigarju tal-Papa.

Lorenzo b’hekk sar responsabli għat-teżori kolha tal-knisja. Kif Valerjaniu sema' li Lorenzo kien qed jieħu ħsieb it-teżori tal-knisja, l-imperattiv bagħtlu l-prefett ta’ Ruma Cornelius u ordnalu li jarrestah. Il-prefett ordna lil Lorenzo sabiex jagħtih it-teżori tal-knisja. Lorenzo għalhekk ġabar il-morda u l-fqar ta’ Ruma u qallu “dawn huma l-veru teżori tal-knisja”. Lorenzo ġie msawwat u turmentat sabiex hu jadura l-allat foloz iżda hu xorta baqa jara sens ta’ fidi kbira.
Lorenzo ġie maħruq fuq gradilja fl-10 ta' Awwissu 258, erbat ijiem biss wara l-mewt ta' Papa Sistus II.