San Lawrenz

Ġemellaġġi

Print this page

Ġemellaġġ bejn San Lawrenz u Colle Umberto

Il-ġemellaġġ bejn San Lawrenz u Colle Umberto ġie inawgurat f'Lulju 2005 f'San Lawrenz u f'Settembru 2005 f'Colle Umberto. Il-fażi preparattiva tal-ġemellaġġ bdiet f'Ġunju 2000 billi ż-żewġ komunitajiet tressqu kemm jista' jkun lejn xulxin. Dak iż-żmien is-Sindku Noel Formosa ltaqa' mas-Sur Romano Volpato, il-President tal-Associazione del Gemellaggio ta' Colle Umberto u t-tnejn qablu li kellhom jibdew ir-relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn iż-żewġ komunitajiet, wara li kienet saret analiżi tal-aspetti komuni u diversi ta' dawn iż-żewġ komunitajiet. .

Storja

Iż-żewġ komunitajiet kienu tal-fehma li minflok ma jipproċedu għal ftehim ta' ġemellaġġ mill-ewwel, kien ikun aħjar li qabel tinħoloq rabta qawwija bejniethom. Iż-żewġ amministrazjonijiet qablu li kellhom jibdew jorganizzaw attivitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini jsiru jafu x'inhuma l-kulturi u l-istili tal-ħajja tagħhom. Għal dan il-għan saru diversi proġetti. F'Awissu 2001 f'San Lawrenz iż-żewġ Sindki kienu iffirmaw il-"Protocollo d'Intesa". Il-ftehim esiġa li ż-żewġ komunitajiet jibdew jaħdmu flimkien fuq livell ta' ġemellaġġi f'dawn l-oqsma: amministrazzjoni, reliġjon, kultura, storja, skejjel, sport, żagħżagħ, agrikoltura u ambjent.

Biex il-ġemellaġġ li kien jinvolvi ż-żgħażagħ ingħata tifsira, sar programm ta' bdil bejn żagħżagħ "Youth exchange", f'Diċembru 2001. Tnax il-tfajla minn San Lawrenz marru Colle Umberto fejn qasmu l-esperjenzi tagħhom ma' tfajliet t'hemmhekk. Il-proġett bl-isem "Insiru nafu 'l xulxin bl-iSport, Ambjent u Stil ta' Ħajja" kellu dan in-numru tal-kuntratt: MT-11-14-2001-R4. Din l-esperjenza wasslet biex wara saret żjara f'San Lawrenz fi Frar 2002 minn tfajliet ta' Colle Umberto. It-tema din id-darba kienet: "Insiru nafu 'l xulxin permezz tal-iSport, l-Ambjent u l-Kultura". Dan il-kuntratt kellu numru: MT-11-18-2001-R5.

B'dawn il-viżti għand xulxin, nibtu ħbiberiji ġodda u dawn kibru fost familji ta' San Lawrenz u Colle Umberto. Minn dak iż-żmien saru ħafna viżti privati kemm f'San Lawrenz kif ukoll f'Colle Umberto.

F'Settembru 2002, delegazzjoni tal-Kunsill ta' San Lawrenz iffurmata mis-Sindku, kunsulliera u s-segretarju eżekuttiv għamlu viżta f'Colle Umberto biex jorjentaw ruhħom permezz ta' laqgħa mal-Kunsill Lokali ta' Colle Umberto. Hemm iddiskutew proġetti oħra komuni bil-ħsieb li jtejbu l-industriji ġodda kemm f'San Lawrenz kif ukoll f'Colle Umberto. Iż-żewġ komunitajiet ħadmu fuq proġett li kellu jwassal biex il-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz jipparteċipa fil-Fiera Internazzjonali tal-Imbid u Ġobon bl-isem "Sapori e Formaggi", organizzata ta' kull sena mil-Muniċipju ta' Colle Umberto. Għal dan il-għan, f'Mejju 2003 delegazzjoni Maltija ħadet prodotti ġenwini Għawdxin għal wiri f'din il-fiera. Malta kellha opportunita' sabiħa li tesebixxi l-prodotti tagħha, filwaqt li l-viżitaturi wrew interess fil-prodotti Maltin. Il-parteċipazzjoni ta' Malta f'din il-fiera Taljana hija indikazzjoni ċara ta' solidarjeta' Ewropea fil-prattika. Iż-żewġ muniċipji qablu dwar l-importanza tal-esplorazzjoni tal-kulturi diversi Ewropej biex tissaħħaħ l-għaqda bejn il-popli ta' dan il-kontinent.

Biex tippromovi xogħol voluntarju fost persuni b'disabilta', il-Parroċċa ta' Colle Umberto ospitat żagħżugħ minn San Lawrenz għal disa' xhur, waqt li dan ħadem ma' tfal b'disabiltajiet edukattivi. Dan il-proġett twettaq bejn Settembru 2002 u Ġunju 2003.

Esperjenza siewja oħra li ħarġet minn din il-ħbiberija qawwija kienet il-parteċipazzjoni ta' delegazzjoni ta' 15 il-persuna minn San Lawrenz, il-maġġoranza tagħhom membri ta' għaqdiet lokali, f'konferenza tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-20 sena mill-ġemellaġġ ta' Colle Umberto ma' La Balma de Sillingy (Alto Savoia) fi Franza sa mill-1984, bit-tema "Il futuro dell'Unione Ewropea attraverso I gemelaggi". Din il-konferenza saret bejn is-7 u d-9 ta' Mejju 2004. Is-Sindku ta' San Lawrenz is-Sur Noel Formosa indirizza l-konferenza u spjega kif ħbiberija soda tista' twassal għal xibka ta' komunikazzjoni bejn tlett lokalitajiet, San Lawrenz, Colle Umberto u La Balme de Sillingy.

Biex titwettaq il-wegħda fil-qasam tal-edukazzjoni u biex tisseddaq l-esperjenza ta' nies jgħixu flimkien, il-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz organizza żewġ korsijiet fil-lingwa Ngliża. Dawn kellhom tul ta' ħmistax il-jum u l-istudenti għexu ma' familja minn San Lawrenz. Dan ukoll għen biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ komunitajiet.

Dawn il-proġetti kollha taw stampa ċara li issa ż-żewġ komunitajiet hadu esperjenza b'xi mod jew ieħor tat-tifsira ta' ġemellaġġ. Għalhekk wara l-analiżi ta' din il-ħbiberija soda u l-esperjenzi utli li minnhom gawdew iż-żewġ pajjiżi permezz taż-żewġ komunitajiet, intlaħaq ftehim biex fis-sajf 2005 kellu jidħol fis-seħħ, b'mod uffiċjali, dan il-ġemellaġġ

Attivitajiet fl-okkażjoni tal-ftehim tal-Ġemellaġġ

L-attivitajiet konnessi mal-ġemellaġġ f'San Lawrenz saru bejn it-Tlieta 26 ta' Lulju u t-Tnejn, l-1 ta' Awissu. Kienet tassew ġimgħa li mhux ser tintesa, meta r-rabta bejn iż-żewġ komunitajiet ġiet issiġillata. Biex niżguraw li kulħadd kien jiflaħ iħallas għall-ispejjez biex jipparteċipa f'dawn l-attivitajiet, organizzajna titjira "charter" minn Venezja għal Malta. Fil-fatt 103 persuna ġew Malta bl-ajru minn Venezja.

Biex kollox isir b'mod professjonali kien twaqqaf kumitat f'Jannar 2005. Minn dak iż-żmien dan il-kumitat kien ltaqa' regularment u ħadem bis-sħiħ biex jilħaq ir-riżultati mistennija. Sar logo tal-okkażjoni u ġiet miktuba għanja għal din il-ġrajja. Diska "compact" tal-għanja "Flimkien - Meaning - Together" tqassmet f'kull dar f'San Lawrenz bħala preparazzjoni għal din il-ġrajja u anke biex tinħoloq ċerta stennija. L-għanja li tat narrattiva tar-rabtiet u l-għaqda taż-żewġ komunitajiet, fl-isfond tas-solidarjeta' Ewropea, kienet miktuba biż-żewġ lingwi.

L-attivitajiet tal-ġemellaġġ kienu jagħmlu parti mill-festa annwali tar-raħal. Iż-żewġ komunitajiet tassew tħalltu ma' xulxin, hekk kif iċ-ċittadini ta' San Lawrenz ħadu sehem sħiħ fil-festa tar-raħal u dan għen bis-sħiħ biex il-gruppi ta' viżitaturi Taljani u Franċiżi ħassewhom qrib ħafna tagħhom. Kienet tassew tinħass l-atmosfera sabiħa ta' ospitalita' minn naħa tal-komunita' ta' San Lawrenz. Il-Franċiżi u t-Taljani ħadu sehem sħiħ fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tar-raħal, li huma għal kollox differenti mill-esperjenzi tagħhom. Kienu tassew impressjonati bil-parteċipazzjoni sħiħa f'dawn il-ġrajjiet. Ir-residenti ta' San Lawrenz tħalltu sewwa u b'mod faċli mal-viżitaturi Taljani għax jafu jitkellmu tajjeb bit-Taljan.

Il-ġrajja l-aktar importanti ta' din il-laqgħa kien l-iffirmar tal-ftehim tal-ġemellaġġ. Jum l-iffirmar kien l-Erbgħa 27 ta' Lulju 2005. Tista' tgħid li l-komunita' kollha ta' San Lawrenz kienet preżenti għall-iffirmar, għax kien hemm total ta' sitt mitt siġġu okkupati.

Is-serata prinċipali kienet imżewqa b'varjeta' ta' folklor Malti. L-ewwel intwera dokumentarj bil-video dwar kif iltaqgħu dawn iż-żewġ komunitajiet u x'sar biex dawn il-laqgħat wasslu sa dak in-nhar. Iċ-ċerimonja kienet onorata bil-preżenza tal-iSpeaker tal-Parlament Malti, l-Onorevoli Anton Tabone, il-Ministru għal Għawdex, l-Onorevoli Giovanna Debono, il-Ministru għal Ġustizzja, l-Onorevoli Tonio Borg, il-Membru Malti fil-Parlament Ewropew is-Sur Simon Busuttil u l-Onorevoli Luigi d'Agro, membru fil-Parlament Taljan. Saru diskorsi miż-żewġ Sindki tal-komunitajiet, mis-Sur Romano Volpato, President tal-Associazione del Gemellagio, mill-Viċi President tal-Kumitat tal-Ġemellaġġ ta' La Blame de Sillingy, Marie Joelle Bennard, mil-Ministru għal Għawdex, l-Onorevoli Giovanna Debono u mid-Deputat Prim Ministru ta' Malta, l-Onorevoli Tonio Borg. L-Onorevoli Luigi d'Agro wkoll indirizza l-pubbliku preżenti għal din iċ-ċerimonja. Imbagħad tkantat l-għanja "Flimkien" mill-kantanta popolari Għawdxija Pamela. Wara sar żfin folkloristiku mill-grupp Ta' Ċiangura, li huwa magħmul kważi kollu minn nisa tad-dar minn San Lawrenz. Sar ukoll kunċert ta' mużika klassika bil-parteċipazzjoni ta' orkestra Għawdxija magħrufa, taħt id-direzzjoni ta' Mro Antoine Thewma, li tassew arrikka l-programm. Fost tgħanniq u applawsi sar bdiel ta' bandieri u rigali.

Iċ-ċerimonja laħqet il-quċċata tagħha bl-iffirmar tal-ftehim miż-żewġ Sindki li ħalfu solennement li ser ikomplu jkattru l-ħbiberija li diġa' teżisti bejn il-lokalita' Għawdxija u l-lokalita' Taljana, li jkomplu jinkoraggixxu qsim ta' esperjenzi bejn diversi setturi u li jaħdmu għal paċi u għal Ewropa aktar magħquda.

Wara ċ-ċerimonja saret festa tradizzjonali fil-misraħ tar-raħal. Banda Għawdxija daqqet għanjiet tradizzjonali popolari, Maltin u Taljani. Kien hemm diversi mwejjed b'firxa ta' ikel Malti bħala buffet għal dawk kollha preżenti. Bħala xorb kien hemm biss imbid Malti ġenwin u x-xarba Kinnie, xarba (soft drink) tradizzjonali Maltija b'togħma morra u ħelwa fl-istess ħin. Il-banda allegrat lil kulħadd u l-parteċipanti Taljani flimkien mal-komunita' ta' San Lawrenz għaddew il-lejl jiżfnu.

Kompożizzjoni tad-Delegazzjoni

Il-grupp kien magħmul minn 103 persuna. 93 minn dawn kienu minn Colle Umberto fl-Italja u grupp żgħir ta' 10 kienu minn La Balme de Sillingy, fi Franza. Barra minn dawn, kważi l-popolazzjoni kollha ta' San Lawrenz ħadet sehem f'dawn il-ġrajjiet.

Konklużjoni

Dan il-proġett kien tassew suċċess. Il-grupp ta' Taljani u Franċiżi kienu tassew impressjonati bil-laqgħa ġenwina u l-ospitalita' li rċevew. Fil-fatt ħassew li ma kienux ser ikunu kapaċi jirreċiprokaw għal dan kollu. Kulħadd beda jistenna għal xi laqgħa oħra fil-futur qrib, din id-darba f'Colle Umberto biex il-ftehim tal-ġemellaġġ jiġi ssiġillat.

L-Iffirmar tal-ftehim tal-Ġemellaġġ f’'Colle Umberto

Dawn l-attivitajiet ġew reċiprokati meta 101 persuna minn San Lawrenz żaru Colle Umberto bejn it-30 ta' Awissu u 6 ta' Settembru. Iċ-ċerimonja uffiċjali f'Colle Umberto saret nhar it-3 ta' Settembru. Il-ħbiberija soda bejn il-komunita' ta' San Lawrenz u dik ta' Colle Umberto ssaħħet matul din il-ġimgħa u ż-żewġ komunitajiet komplew jiżviluppaw il-kuntatti tagħhom, li għadhom tassew ħajjin - l-iskop aħħari tal-Ftehim tal-Ġemellaġġ.