San Lawrenz

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Ir-raħal ta' San Lawrenz huwa mogħni b'għadd ta' veduti sbieħ. Minnhom issib ħafna fil-gżira ta' Għawdex. Dawn il-veduti jinsabu kollha fil-bajja tad-Dwejra, jiġifieri l-Blata Fungus, il-baħar magħluq u t-Tieqa Azure. Insibu wkoll Torri antik li jmur lura għaż-żmien tal-Kavallieri ta' San Gwann.

L-isem ta' din il-bajja, Dwejra, tnissel mid-dar żgħira li kienet mibnija fuq l-irdumijiet li bihom huwa mdawwar il-baħar intern. Il-bajja għandha karatteristiċi ġeoloġiċi, kemm fuq l-art kif ukoll taħt il-baħar; ambjent rikk bi speċi differenti ta' annimali u għasafar; xeni drammatiċi tal-baħar iddominati mill-blat ta' madwar il-kosta u atmosfera li tħossok daqs li kieku qiegħed f'deżert.

Id-Dwejra hija magħrufa kemm għall-ġeoloġija interessanti ħafna u anke għax-xeni ta' taħt il-baħar li tassew isaħħru. Mid-Dwejra wieħed jista' jgawdi x-xena drammatika ta' nżul ix-xemx.

It-Tieqa Azure

Dan il-fenomenu naturali huwa prefurut mill-fotografi professjonali, artisti u turisti minħabba x-xena unika u maestuża. Żewġ blatiet, kważi f'għamla perpendikulari, b'ġebla kbira f'qagħda orizzontali fuqhom jifformaw din it-tieqa. Din it-tieqa maestuża li titbaxxa għal madwar mitt metru hija r-riżultat ta' ammont kbir ta' difetti naturali, kif ukoll difetti kawżati mir-riħ.

Il-Baħar Magħluq

Il-Baħar Magħluq magħruf minn nies tal-lokal bħala il-Qawra huwa l-aktar post ta' livell baxx f'Għawdex. Dan il-baħar huwa wesgħa ta' ilma f'livell baxx, f'daħla fonda fil-linja tal-kosta, x'aktarx ikkawżata meta l-wiċċ sfronda u ħoloq għerien taħt l-art.

L-Għadira tingħaqad mal-baħar permezz ta' mina dejqa b'tul ta' sitt metri. Din id-daħla waħdanija għall-għadira li hija miksija biċ-ċagħaq, jisimha Għar iż-Żerqa, bl-Ingliż Blue Cave, minħabba l-kulur tal-baħar, kemm fiha kif ukoll madwarha.

Tista' toħroġ mill-għadira għall-baħar permezz ta' dgħajjes żgħar li jintużaw għas-sajd. Dawn jgħaddu minn taħt il-mina biex iżuru l-Blata Fungus, fejn il-Kavallieri fl-Era tan-Nofs kienu jkabbru pjanti mediċinali.

It-Torri tal-Għassa fil-Kosta tad-Dwejra

Dan it-torri kien mibni fi żmien il-Gran Mastru Anton de Paul fl-1651, iżda kien komplut sena wara, fi żmien il-Gran Mastru Jean Paul Lascaris de Castellar.

Wara s-sena 1744, minbarra li kien jgħasses għall-attakki mit-Torok, it-torri tad-Dwejra kellu użu ieħor, dik li jgħasses Ħaġret il-Ġeneral u l-faqqiegħ mediċinali li jingħad li kien jikber fuq din il-blata.

Wara l-1873 it-torri ma kellu ebda użu u safa' abbandunat.

Ir-Raded tal-Karettuni

Il-par ta' raded fid-Dwejra jitilgħu minn wara l-kappella ta' Sant'Anna għall-irdumijiet fit-tramuntana tal-Baħar Magħluq. Għad mhux magħruf sewwa x'kien l-għan ta' dawn ir-raded.

Dawn ir-raded joħolqu karatteristiċi arkeoloġiċi mill-aktar misterjużi minħabba li m'hemmx tifsira għan-niżla ta' żewġ metri, u għal fatt li jibdew u jispiċċaw b'mod tassew misterjuż.

Ħaġret il-Ġeneral

L-importanza storika u xjentifika li tingħata lid-Dwejra hija minħabba l-blata megalitika, għolja 65 metru, bl-isem ta' Ħaġret il-Ġeneral jew Fungus Rock.

L-isem huwa mnissel minn kmandant ta' skwadra ta' xwieni tal-Ordni ta' San Ġwann, li kien skopra pjanta li lokalment hi magħrufa bħala l-Għerq is-Sinjur.

Fl-1992 din il-blata ġiet dikjarata bħala riżerva naturali u għalhekk huwa pprojbit li tixxabbat magħha jew timxi fuqha mingħajr permess, li jiġi mogħti biss għal raġunijiet ta' edukazzjoni jew tfittix xjentifiku.

Il-Ġeoloġija tal-Bajja tad-Dwejra

Il-proċessi kollha li ħadmu tul is-snin fuq l-art welldu diversi strutturi, kemm ġeoloġiċi kif ukoll ġeomorfoloġiċi. Id-Dwejra hija waħda minn dawn l-istrutturi.

L-erja tad-Dwejra hija magħmula minn blat imsawwar b'sedimenti terzjarji tal-baħar li ġew depożitati fil-post madwar 24 miljun sena ilu. F'din l-erja jinstab il-ħaġar Globiġerina, ħaġar b'Coralina ta' livell baxx, kif ukoll xi tafal blu.

Il-ħaġar tal-Coralina jidher fuq l-irdum vertikali mal-linja tal-kosta, kif ukoll fuq il-qoxra tal-baħar magħluq. It-tafal blu f'din erja jikkonsisti f'ħamrija b'kulur griz ta' kwalita' medja u b'pelaġika ratba, bi strixxi pallidi rikki b'farominfera planktonika, iżda b'anqas kwantita' ta' tafal fihom.

Il-ħaġar tal-Globiġerina li jinsab f'din l-erja huwa ġeneralment ta' kwalita' inferjuri. Dan il-ħaġar fih ħamrija b'kuluri bejn abjad u griz, kuluri mikduda mit-temp, li jsostnu numru kbir ta' għoqod. Il-ħaġar Globiġerina huwa wżat ħafna fl-industrija tal-bini. Fil-fatt f'Għawdex hawn disgħa barrieri importanti b'ġebel artab u dawn jinsabu kollha fl-erja tad-Dwejra.

L-istruttura taċ-ċediment tal-art tal-Qawra hija l-akbar struttura magħrufa dokumentata. Hija kważi tonda u għandha dijametru ta' aktar minn 400 metru. Minħabba l-fatt li l-erja tal-Qawra hija baħar magħluq, il-preżenza ta' biċċiet ta' blat turi biċ-ċar li din l-erja kienet għal kollox differenti fil-passat u maż-żmien għaddiet minn proċessi differenti ġeomorfoloġiċi. Il-blat fl-erja tad-Dwejra huwa mimli b'fossili: dawn huma fdal ta' pjanti u ħut mejjet, li l-proċessi naturali ppreżervaw fil-blat, li huwa mimli wkoll b'sedimenti.

Saret ħafna riċerka dwar il-proċessi li wasslu għall-formazzjoni tal-erja tad-Dwejra u dan ir-reġjun għadu jiffaxxina lill-ġeoloġisti, li għadhom jippruvaw jaslu għal konklużjonijiet aktar ċari.

Id-Dwejra - dinja mirduma li ssaħħar

Id-Dwejra tattira t-turiżmu tal-għaddasa minħabba l-karateristiċi mżewqa li jinsabu kemm f'wiċċ, kif ukoll taħt il-baħar. L-għaddasa jistgħu jesploraw l-għerien ta' taħt il-baħar u jammiraw il-fawna interessanti li tinsab f'baħar, ċar daqs il-kristall.

L-aktar siti favoriti qalb l-għaddasa fid-Dwejra huma l-Ħofra tal-Bedwin jew bl-Ingliż il-Blue Hole, li hija ħofra fonda ħafna f'qiegħ il-baħar faċċata tat-Tieqa Azure, il-Coral Cave li tinsab ħdejn il-Blata Fungus u l-erja ħdejn il-Blata Fungus fejn l-għaddasa jistgħu jgawdu l-varjeta' ta' ħajja taħt il-baħar u jesploraw ukoll il-ħitan tal-irdum, l-għerien żgħar u ż-żewġ medded kbar fuq l-art.

Id-Dwejra - erja idejali għall-ġbid tal-films

Il-bajja tad-Dwejra għal ħafna drabi ġiet magħżula għall-ġbid tal-films mill-produtturi u d-diretturi magħrufa ta' films li għamlu isem.

Xi films li ġew maħduma fil-bajja tad-Dwejra huma: Single Handed (kmieni fis-snin ħamsin), Clash of the Titans (1979), Actor III (1985).

Films oħrajn li kellhom xeni miġbuda fil-bajja tad-Dwejra huma: Among Wolves (1985), Christopher Columbus - The Discovery (1992), The Odyssey (1997).

Fost xeni miġbuda fil-Bajja tad-Dwejra f'dokumentarji hemm: Non Solo Moda, The First Eden - The Mediterranean World of Man u dokumentarju ieħor tal-istazzjon televiżiv Ingliż - Thames.

Produzzjoni Taljana/Franċiża wkoll kellha xeni mid-Dwejra fis-serje qasira The Mountain of Diamonds.