San Lawrenz

Knejjes

Print this page

Il-Kappella ta' San Lawrenz

Din il-kappella kienet fl-istess post fejn illum tinsab il-knisja parrokkjali. Qabel ma kienet inbniet din il-kappella, il-lokalita' kienet magħrufa bħala Ta' Ċangura, iżda mal-bini tal-kappella, il-lokalita' saret mill-ewwel magħrufa bħala San Lawrenz. Mhux magħruf meta nbniet din il-kappella, iżda t-twaqqif tagħha kellu x'jaqsam ma' Francesco Palmieri. Minbarra li bena din il-kappella, Palmieri ħalla warajħ oqsma ta' art magħrufa bħala tal-Ħabel u tal-Blata. Id-dħul minn dawn l-artijiet kien iħallas għaċ-ċelebrazzjoni ta' quddiesa u għat-tqassim ta' erba' tmiem ta' ħobż lill-foqra nhar il-festa, li kienet issir nhar l-10 ta' Awissu.

L-ewwel kitba dwar din il-kappella tmur lura għaż-żjara pastorali li kien għamel l-Isqof Domenico Cubelles fl-1545. Fil-bidu tas-seklu sittax il-kappella kienet mitluqa, iżda wara l-invażjoni tat-Torok f'Għawdex fl-1551, il-kappella kienet irrestawrata fl-1566, tant li dehret daqs li kieku nbniet mill-ġdid. Iżda meta l-Monsinjur Pietro Dusina, li għamel żjara pastorali fl-1575, żjara li baqgħet tiġi mfakkra, kien sab li l-kappella kellha bżonn xi tiswijiet. Quddiem il-kappella kien hemm ċimiterju. Maż-żmien din il-kappella antika ġġarfet u għal darb'oħra kienet inbniet mill-ġdid.

Meta nhar l-24 ta' Mejju 1657, l-Isqof Michele Balaguer żar San Lawrenz, huwa kien osserva li l-kappella kienet fi stat tassew ħażin: is-saqaf kien inixxi, il-ħitan kienu umdi u l-art ma kelliex madum. Il-profanazzjoni tal-post kienet saret xi ħaġa inevitabbli. B'entużjażmu n-nies tal-lokal tawha għall-bini mill-ġdid tal-kappella. Skond ma tgħid it-tradizzjoni, kien seħħ miraklu waqt il-proċess tal-bini. Il-bennejja kienu sabuha diffiċli ħafna li jġorru l-ilma għal fuq il-post minn ċisterni li kienu jinsabu 'l bogħod. Dan kien jinvolvi ħafna xogħol ta' tbatija u anke spejjeż kbar. Waqt li kienu qed iħaffru, in-nies tal-lokal stagħġbu meta feġġet nixxiegħa tal-ilma. Dawk preżenti wrew il-pjaċir tagħhom għax fehmu li dan kien att tal-Providenza Divina, li kien ser iħaffef ix-xogħol tal-bini. Kulħadd stagħġeb kif in-nixxiegħa nixfet hekk kif ix-xogħol tal-bini spiċċa. In-nies tal-lokal fehmu dan bħala sinjal ta' sehem Alla nnifsu.

Lapida fuq il-faċċata tal-kappella kienet tgħid li x-xogħol tal-bini tal-kappella kien intemm fl-1665. Iżda l-Isqof Balaguer kien ta l-permess għall-użu tal-kappella, ftit xhur qabel ma miet fl-1663. F'din il-kappella kien hemm pittura fiż-żejt tal-Verġni Marija, oħra ta' San Lawrenz liebes ta' djaknu u oħra ta' San Ġużepp. Kien hemm ukoll ċimiterju u sagristija żgħira. Il-bieb prinċipali kien iħares lejn ix-Xlokk.

Kienu ħafna ż-żjajar pastorali li saru lil din il-kappella u minn dawn il-ġrajjiet inġabar ħafna tagħrif. Hekk per eżempju, meta l-Isqof Giacomo Canaves żar il-kappella, hu kien sabha fi stat tajjeb ħafna. Iżda ma kienx sab ir-relikwji tal-qaddisin fiha u dawn kienu bżonnjużi biex tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Il-kappella kienet mingħajr qassis, iżda kien hemm sagristan bl-isem ta' Pawlu Cauchi.

Mal-medda taż-żmien il-kappella saret aktar imfittxija. għalkemm rari kien ikun hemm quddies matul is-sena, kien ikun hemm vespri kantati fid-9 ta' Awissu u kienet tiġi ċelebrata quddiesa fil-jum ta' wara, nhar il-festa. F'din il-quddiesa kienu jieħdu sehem il-kleru u n-nies tal-Għarb li kienu jiġu San Lawrenz f'purċissjoni. Jingħad li din il-purċissjoni kienet issir bħala att ta' ringrazzjament lil Alla għall-għajnuna tiegħu meta ħelishom mill-infestazzjoni ta' ġrieden kbar u insetti, li kienet tagħmel ħsara kbira lill-prodotti fl-għelieqi, li fuqhom kien jiddependi l-għixien tagħhom. Dawk li ħadu sehem fil-purċissjoni minn l-Għarb għal San Lawrenz kellhom iżuru l-kappelli l-oħra fi triqthom. Dawn il-waqfiet saru magħrufa bħala l-istazzjonijiet. Hekk kif waslu San Lawrenz, kienet tiġi ċċelbrata quddiesa u wara l-purċissjoni kompliet bi żjara lill-Knisja ta' Santa Marija tal-Virtu' fl-Għarb.

Skond rapport li kien għamel l-Isqof Paul Alpheran de Bussan fl-1728, il-kappella kellha kalċi tal-fidda u xi oġġetti sagri oħrajn, iżda dawn kienu jinżammu fil-knisja tal-Għarb. Dan juri li ma tantx kien hemm quddies ċelebrat f'din il-kappella. X'aktarx li r-raġuni kienet in-nuqqas ta' qassisin fil-lokalita'.

It-Twaqqif ta' Parrocca Ġdida

Waqt iż-żjara pastorali fl-1809, il-Monsinjur Ferdinand Mattei kien innota li l-poplu ta' San Lawrenz beda jinġabar f'kommunita għalih. In-nies kienu wkoll isibuha skomda li tmur l-Għarb. Għalhekk għall-ewwel darba, l-Isqof ordna li kellha ssir quddiesa kull nhar ta' Ħadd u fil-festi, fil-kappella dedikata lil San Lawrenz. Nhar it-18 ta' Jannar 1869 waqt riċeviment f'jum il-pussess tal-Arċipriet ġdid tal-Għarb Dun Salv Portelli, dan l-arċipriet stqarr li jixtieq li tinbena knisja akbar fi triq San Lawrenz. Ried jara wkoll il-bini ta' pjazza kbira quddiem il-knisja. Il-pjan ġie approvat minnufih mill-Parit Felic Mercieca. F'dak iż-żmien kienet tiġi ċelebrata quddiesa kuljum fil-kappella ta' Dun Ġwann Formosa. Fl-1886 kienet seħħet il-Missjoni l-Kbira. Kulħadd qabel dwar il-bżonn ta' knisja akbar. Iżda kien hemm il-problema tal-flus. Ir-rettur tal-Missjoni l-Kbira Dun Joseph Hili kien irċieva 102 skudi minn għand ċertu Peter Paul Galea mill-Belt Valletta, filwaqt li kienu nġabru 137 skudi minn għand in-nies tal-lokal.

L-art kienet mixtrija minn għand il-Gvern għas-somma ta' erba' liri Maltin. Il-pjanta kien għamilha Dun Ġużepp Diacono. L-ewwel ġebla tal-knisja tqegħdet u ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Peter Pace nhar il-21 ta' Novembru 1886. Taħt il-ġebla tpoġġiet relikwja ta' San Lawrenz. Kulħadd ħa sehem b'ħerqa fil-bini tal-knisja. Kull nhar ta' Ħadd, l-irġiel taħt it-tmexxija ta' Peppu u Vitor Portelli għenu fil-bini tal-knisja, filwaqt li n-nisa u t-tfal taw l-għajnuna tagħhom ukoll. Kull filgħodu fl-għaxra, in-nisa kienu jġorru salt ġebel, filwaqt li salt ġebel ieħor kien jinġarr ma' nżul ix-xemx mill-irġiel. Kull meta kien hemm bżonn ta' aktar ġebel kienet tindaq qanpiena u f'dak il-ħin in-nies tal-villaġġ kienu jħallu kollox u jmorru jaqtgħu aktar ġebel mill-barriera. Fl-1889 ix-xogħol tal-bini ntemm u nhar it-28 ta' April ta' l-istess sena, il-knisja kienet konsagrata mill-Isqof Giovanni Marija Camilleri. Fil-għaxija kienet ikkonsagrata l-Via Sagra. Il-kwadru titulari (1889), xogħol il-famuż artist Malti Giuseppe Cali' tpoġġa fil-post xagħrejn wara. Il-knisja ħa ħsiebha ż-żagħżugħ Dun Salv Portelli, li bħala parti minn xogħolu kien iqaddes ta' kuljum u kien jgħallem il-katekiżmu lit-tfal.

Issa li l-bini tal-knisja kien mitmum, dak li kien imiss kien li San Lawrenz jiġi maqtugħ mill-Għarb. Fl-1892 in-nies tal-lokal iffirmaw talba lill-Isqof ta' Għawdex Giovanni Marija Camilleri, li fiha talbu li l-lokalita' ta' San Lawrenz issir parroċċa għaliha. Qabel ma jsir dan, l-Isqof ried jara li l-kundizzjonijiet kollha kienu miżmuma. L-ewwel kundizzjoni kienet li kien hemm causa justa, jiġifieri li tassew kien hemm bżonn li jsir dan. It-tieni kienet il-bżonn ta' locus congruous, jiġifieri li fil-villaġġ kien hemm kappella jew knisja. Kundizzjoni oħra kienet li kien hemm consensus Parochi li kienet tobbliga lill-Isqof li jisma' l-opinjoni tal-kappillan. L-aħħar kundizzjoni kienet il-bżonn ta' dos congura, jiġifieri li l-kappillan il-ġdid ikollu biżżejjed art u mezzi oħra għall-għajxien tiegħu. Meta dawn il-kundizzjonijiet ġew imwettqa, l-Isqof ta' Għawdex bgħat it-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Vatikan.

Il-Papa Ljun XIII, nhar il-15 ta' Marzu 1893, permezz ta' Ittra Apostolika ddikjara l-lokalita' ta' San Lawrenz bħala parroċċa. Il-pjan ġdid għall-villaġġ kien imħejji mill-Perit Pascal Calleja. Kien nhar is-7 ta' Mejju 1893 meta l-Kanċillier tal-Kurja, Dun Joseph Portelli ddikjara uffiċjalment San Lawrenz bħala parroċċa. Ftit jiem wara, Dun Salv Portelli, li kien għadu ma għalaqx id-29 sena, ħa l-ġurament bħala kappillan. Il-parroċċa ta' San Lawrenz kienet l-erbgħatax il-waħda fid-djoċesi ta' Għawdex. L-ewwel żwieġ, bejn Ġużepp Tabone u Marija Grima kien ġie ċelebrat nhar is-26 ta' Ġunju, filwaqt li l-ewwel magħmudija ta' Marijanna Cassar saret nhar il-25 ta' Lulju.

Il-Knisja Tal-Lum

Meta kien sar Kappillan Dun Salv Portelli, il-bini tal-knisja kien kważi nieqes minn kollox. Matul is-snin fil-knisja saru diversi xogħolijiet ta' arti, bħal l-erba' pitturi ta' Giuseppe Cali' li juru lil Kristu Msallab (1892), il-Madonna ta' Pompei (1893), San Mikiel (1891) u San Ġużepp (1892). Il-pitturi ta' San Piju X u l-Qalb ta' Ġesu', li jinsabu fuq l-altari tal-kappelluni fuq il-lemin u x-xellug, kienu mpittra minn Ġanni Vella. Il-pitturi fuq iż-żewġ naħat tal-kor, li jirrapreżentaw xeni mill-ħajja ta' San Lawrenz huma ta' Attilio Palombi.

Reċentement il-knisja ssebħet b'sitt pitturi oħra, kollha kemm huma xogħol ta' Paul Camilleri Cauchi. Dawn il-pitturi jirrapreżentaw lil San Orenzju, Santa Pacenzja, San Franġisk Salesio, Claudio de la olumbier, Sant'Antnin ta' Padova u San Gregorju. Pittura oħra ta' l-istess artist Camilleri Cauchi saret fl-1993 biex issebbaħ is-saqaf ta' fuq il-kor. Din turi lil San Lawrenz imdawwar b'ħafna qaddisin jilqugħ b'mod trijumfali mat-Trinita' Mqaddsa. Sentejn wara, bħala parti mill-festi ċentenarji, ġiet inawgurata l-pittura tal-koppla. L-artist Camilleri Cauchi qasam il-koppla f'sittax il-parti li kull waħda minnhom tirrapreżenta qaddis differenti.

Ftit wara t-twaqqif tal-parroċċa fl-1893, il-kappillan Dun Salv Portelli u n-nies tal-lokal fittxew li jkollhom statwa ta' San Lawrenz. Kien intlaħaq ftehim mad-ditta magħrufa Ramat Statuaire ta' Marsilja. L-istatwa tant mixtieqa waslet f'Għawdex nhar l-4 ta' Awissu 1895. Ħafna nies tal-lokal marru jgħinu fil-miġja tal-istatwa fl-Imġarr. Diversi rġiel ġarrew din l-istatwa fuq spallejhom mill-Imġarr. San Lawrenz, liebes ta' djaknu, b'dalmatika fuq l-alba, jidher jimmedita l-ġenna, b'wiċċ anġeliku, b'ħarstu 'l fuq. F'idu l-leminija għandu palma tal-fidda, li hija s-simbolu tal-martirju fil-Knisja militanti, kif ukoll fil-Knisja li ssofri u dik rebbiegħa. Idu x-xellugija tistrieħ fuq gradilja tal-fidda - li fuqha, skond it-tradizzjoni popolari, huwa kien maħruq sa mewtu. Il-vara donna twassal il-messaġġ tal-glorifikazzjoni tal-qaddis fis-sema.

Il-biċċa l-kbira tal-istatwi fil-knisja wkoll saru f'Marsilja, bħal dik tad-Duluri (1898), tal-Qalb ta' Ġesu' (1901) u dik ta' Sant'Antnin (1910). L-istatwa ta' San Ġużepp saret f'Lecce (1924), waqt li dik tar-Redentur kienet skolpita mill-artist Għawdxi Paul Aquilina (1993).

Fil-knisja jinsabu tlett altari: ta' San Lawrenz, ta' San Piju X u tal-Qalb ta' Ġesu'. Reċentement l-altar maġġur li kien tal-injam imbidel f'wieħed tal-irħam, iddisinjat minn Michael Camilleri Cauchi u skolpit minn Ronald Pisani. L-altar jikkonsisti f'żewġ anġli. Wieħed qed iżomm f'idu sbula tal-qamħ u l-ieħor għanqud tal-għeneb, is-simboli tal-Ewkaristija Mqaddsa. Fin-nofs hemm pellikan iżoqq iż-żgħar. Kristu huwa mxebbaħ mal-pellikan li jgħati partijiet minn ġismu biex jitma' liż-żgħar tiegħu. Minn mindu l-knisja kienet konsagrata sar ħafna tibdil biex il-bżonnijiet tan-nies jiġu mogħqdija. Il-knisja kienet saret wisq żgħira għall-kommunita' li kienet qed tikber, għalhekk il-Kappillan Dun Gregory Vella beda jkabbarha. Ix-xogħol tlesta fl-1957. Is-saqaf, il-koppla, il-kappelluni, il-kor u n-navi ġew kollha mibnija fuq pjanta tal-Perit Giuseppe Damato. Ta' min isemmi li minflok ġbir ta' flus fi żmien daqsxejn diffiċili, il-kappillan kien ġabar il-fondi meħtieġa billi kien jixtri l-flieles, iħaxxinhom u wara kienu jinbiegħu lin-nies tal-lokal.

Maż-żmien il-knisja ġiet imsebbħa b'ħafna xogħolijet prezzjużi, bħal ma hu l-fonti tal-magħmudija, il-konfessjonarju, il-madum tal-art u xogħolijiet tal-arti oħra, biex illum din il-knisja hija waħda mill-isbaħ knejjes fl-istil sabiħ barokk f'din il-gżira.

Il-Kappillani ta' San Lawrenz

Salvatore Portelli
1793 - 1837

Celestinu Galea
1938 - 1941

Gorg Debrincat
1942 - 1950

Gregory Vella
1950 - 1975

Michael Borg
1975 - 2004

Daniel Xerri
2004 - 2007

Ignatius Borg

2007 -