Ħal Safi

Statwi u Niċeċ

Print this page

Il-ftit niċeċ u statwi li hemm f’Ħal Safi qegħdin kollha fil-parti l-qadima tar-raħal. Fi Triq San Pawl fuq il-bieb tad-dar numru 48, insibu statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni. Għandha x-xitan taħt saqajha u żewġ anġli, wieħed fuq kull ġenb. Skond digriet ta’ l-Isqof kull min jgħid Salve Reġina jirbaħ mitt jum indulġenza. Ma nafux meta nħadmet din l-istatwa, iżda hemm min hu tal-fehma illi twaqqfet wara li tlestiet id-dar, aktarx fl-1960. Fuq iċ-ċint tal-bejt ta’ l-istess dar wieħed jilmaħ statwa żgħira ta’ San Pawl li qiegħda tħares lejn is-Salib.

Eżattament faċċata tad-dar li qed nitkellmu dwarha hemm statwa oħra ta’ San Pawl li tinsab f’niċċa. Din qiegħda nkorporata fl-opramorta tad-dar numru 12, bini li ħa post ieħor qadim. L-istatwa kienet tagħmel parti mill-bini preċedenti. Fit-tarf ta’ Triq San Pawl, sewwa sew qabel tikser għal Triq San Ġwann, insibu d-dar numru 31. Fin-naħa ta’ fuq tal-faċċata din għandha niċċa mdaqqsa li tilqa’ fiha statwa sabiħa tal-Madonna tad-Duluri li nħadmet minn Anthony Zammit miż-Żurrieq. Digriet maħruġ fl-10 ta’ Ġunju 1936, minn Mons. Maurus Caruana jgħid li hemm mitt jum indulġenza għal min jgħid Salve Reġina quddiemha.

Ġewwa Misraħ San Ġużepp, kantuniera ma’ Triq San Ġużepp, hemm statwa ta’ San Ġużepp imqiegħda f’daħla fil-ħajt. Magħha wkoll kien hemm marbut rebħ ta’ indulġenzi mogħtija minn Mons. Davide Cocco Palmieri fl-1706. Ftit ‘il bogħod, kantuniera ma’ Triq Ħlantun u Triq San Ġorġ, wieħed ma jistax jonqos li jara quddiemu, m’ogħla sular, l-istatwa ta’ San Ġwann. Hemm mitt jum indulġenza għal dawk li jgħidu Pater, Ave u Gloria quddiemha, skond digriet maħruġ minn Mons. Maurus Caruana fil-11 ta’ Diċembru, 1925.

Mad-dar tal-kappillan, ġenb ma’ Triq Dun Ġużepp Caruana, hemm statwa ta’ Santa Marija f’niċċa mħaffra fil-ħajt. Fl-1 ta’ Awissu 1883, Mons. D. Carmelo Conti Scicluna ħareġ digriet li jagħti 40 jum indulġenza lil min jgħid bil-qalb tliet Ave Marijiet.