Ħal Safi

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

IS-SALIB TAD-DEJMA

Sewwa sew mal-ġenb ta’ l-għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Safi, li tinsab f’parti mill-Palazz Gollcher, li fih kienet tgħammar din ir-razza fuq mitt sena ilu, hemm jinsab SALIB fuq colonna, ġebla sħiħa ta’ xi tnax il-pied għolja fuq pedestal massiv (ġebla vazz kbira) erba’ piedi għolja u tlett piedi wiesgħa, imdawra dawra mejt b’taraġ ta’ tlett indani (saffi) ta’ skaluni (turġien) ta’ pied u nofs wiesgħa, u ftit inqas minn pied għolja. Tistgħaġeb kif ġie u minn fejn ġie maqtuh, inġarr u mqiegħed!!! X’saħħa, x’dehen u x’setgħa kellhom l-antenati tagħna. Kemm kienu ta’ stamina - kuraġġ u rieda!!

Jingħad u hekk hu, li fl-antik il-gżejjer Maltin kienu spiss jiġu attakkati mill-pirati (ħallelin tal-baħar) li mix-xwieni kienu jinżlu l-art u jisirqu kull ma jsibu, anke nies, speċjalment nisa u tfal. Għaldaqstant ġie mwaqqaf riġment ta’ speċi suldati sabiex ma jħalluhomx jinżlu l-art. Dan kien jissejjaħ tad-Dejma (ta’ l-għassa). Għalhekk fuq it-taraġ jew ma ġenb is-SALIB kien ikun hemm xi suldat għassa bil-lejl u bin-nhar jistenna l-ordni biex hekk kif jidhru l-furbani (pirati) fuq xefaq il-baħar, dan ikun jista’ jieħu azzjoni. Kif dan is-suldat kien ikun avżat bil-wasla tal-furbani, malajr kemm jista’ jkun kien jgħarraf lil sħabu tar-raħal biex dlonk jirħula lejn il-kosta tal-baħar fuq il-post indikat lilhom.

Fis-Sjuf sħan tagħna, dan it-taraġ isir qisu ir-‘rendez vous’ tar-raħal għall-arja friska. Kieku dan is-SALIB u TARAĠ jistgħu jitkellmu, kemm għandhom stejjer u sigrieti x’jirrakkuntaw!!!!

IL-GNIEN TAL-KMAND

Fi żmien il-Kavallieri nibtu għadd ta’ ġonna mferrxa ma’ nħawi diversi ta’ Malta. Mal-wasla ta’ l-Ingliżi dawn mhux talli ma żdingawhomx, iżda talli żiedu oħrajn magħhom.

Il-Kmandant Alexander Ball kien jissaħħar wara l-ġonna. Kull meta jista’ speċjalment fir-Rebbiegħa u s-Sajf, kien jara kif jagħmel sabiex iżur xi rħula Maltin biex hemm igawdi ftit il-kwiet u s-sbuħija tan-natura. Dan jixhduh il-kitbiet li ħalla warajh Samuel T. Coleridge li spiss kont issibu fil-kumpanija ta’ Ball.

Wieħed mill-ġonna għal qalb Ball kien dak ta’ Ħal Safi. Fil-fatt baqa’ magħruf bħala Ġnien ta’ Ball, jew kif kienu jsejħulu dari l-Ħalsafin, il-Ġnien ta’ Bal. Kienu jsibuh ukoll bħala l-Ġnien tal-Kmand. Il-ġnien bnewh fit-trejqa li mir-raħal kienet tieħu lejn Wied il-Qoton u twassal sal-baħar. Hekk insibu illi din it-triq, imsemmija għal San Ġorġ kienu jgħidulha ‘San Giorgio a Mare’.
Il-ġnien għandu l-faċċata tiegħu wiesgħa 14-il metru u hi m’għola 17-il filata. Fiha bieb arkat u żewġ twieqi għoljin 7 filati. Iċ-ċint ta’ fuq, sa ftit tas-snin ilu, kellu erba’ vażuni kbar tal-ġebel iżejnuh, iżda xi ħadd seraqhom matul il-lejl, u s’issa għadhom neqsin.

Minn quddiem sa wara l-ġnien twil kważi 96 metru. Il-ħitan huma mibnija b’tali mod li jekk xi ħadd jipprova jitla’ magħhom biex jidħol ġewwa ikun qed jissogra li jwaqqa’ l-ġebel fuqu. F’dawn l-aħħar snin partijiet mill-ħitan waqgħu; għalkemm reġgħu nbnew ma ttellgħux bis-sengħa li jitlob restawr serju. Partijiet oħra li traqqgħu bil-konkrit jagħmlulu għajb.
Fuq ġewwa, f’linja dritta minn wara bieb san-naħa ta’ wara, hemm passaġġ miksi biċ-ċangaturi, u fuq iż-żewġt iġnub tiegħu hemm il-kolonni. Il-ġnien maqsum f’żewġ partijiet, ta’ fuq u t’isfel. F’waħda minnhom hemm bir u fl-oħra hemm ġiebja. Aktarx li meta dawn tħaffru, il-ġebel li nqata’ minnhom intuża biex jinbnew xi naħat mill-ħitan.

Għal diversi snin il-ġnien kien f’idejn il-privat. Xi żmien ilu l-Gvern għaddih lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi u dan ħa ħsieb li jsirlu restawr xieraq u llum il-ġurnata il-ġnien hu miftuħ għall-pubbliku.