Ħal Safi

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Kif u meta twieled dan ir-raħal? Diffiċli li tieġu tweġiba għaliex dokumentazzjoni dwar dan żgur li ma teżistix. Izda ma jfissirx b’daqshekk li ma tistax issir rikostruzzjoni tal-fatti. Eluf ta’ snin ilu, l-inħawi li fil-preżent iħaddnu lil Ħal Safi, kienu midħla ta’ nies neolitici. Warajhom ġew oħrajn, bħall-Feniċi u r-Rumani. Ħallew xhieda ta’ dan fdalijiet li wħud minnhom għadhom hemm sa llum. Il-bidu tar-raħal kif nafuh illum jeħodna lura madwar seba’ mitt sena. Aktarx li nibet minħabba l-pożizzjoni tal-post f’salib it-toroq ta’ xi erbat irħula. In-nies ta’ dawn l-irħula kienu spiss jgħaddu minn hemm. Bdiewa u ħaddiema oħrajn aktarx li kienu jiltaqgħu fil-post fi triqithom lura mix-xogħol u jiefqu jgħidu kelma. Maż-żmien xi ħadd tħajjar iwaqqaf hemm niċċa żgħira għal xi qaddis, u iżjed tard dik in-niċċa nbidlet f’xi ħaġa akbar. Madwarha nbnew il-kmamar imferrxa, telgħu d-djar u żdiedu n-nies. Kien raħal ieħor qed jikber u jieħu l-ħajja. Fl-1419 ir-raħal kien ġa magħruf bl-isem li għandu llum. Mil-lista tad-Dejma ta’ dik is-sena nikkalkolaw li fih kienu jgħixu madwar 80 jew 90 ruħ. Kien żmien meta l-biċċa l-kbira tar-raħlin kienu jaħdmu fil-biedja u jrabbu l-annimali, l-iżjed mogħoż u ngħaġ.

Ma jistax ikun li wieħed ma jistaqsix il-għala r-raħal issemma ‘Safi’. Hawn ukoll ma jistax ikollna risposta eżatta. Kittieba magħrufa ta’ l-istorja jgħidu li l-isem ġej mill-arja bnina tal-lokal; hemm oħrajn li jsostnu li l-isem seta’ ngħata meta r-raħal baqa’ mhux imniġġes waqt il-pesta li ħakmet il-bqija ta’ Malta. Kemm l-arma (faxx ċelesti orizzontali fuq sfond tal-fidda) u kemm il-motto tar-raħal (Sine Macula) jirriflettu dak li ntqal dwar ismu.

Ir-Raħal isir Parroċċa

Għal diversi snin Ħal Safi kien jagħmel mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ. Il-Ħal Safin dejjem xtaqu li jinħallu minn din il-parroċċa, l-iżjed minħabba d-distanza, u minflok jingħaqdu maż-Żurrieq. Meta Mons. Dusina żar lil Ħal Safi fl-1575 huma talbuh jaqtgħalhom xewqithom, imma kollox baqa’ kif kien. Sa fl-aħħar, fl-1592, l-Isqof Gargallo ddeċida li jifred lil Ħal Safi, l-Imqabba u Ħal Kirkop minn ma’ Bir Miftuħ u għaqqadhom f’parroċċa waħda li ġiet fdata f’idejn Dun Karlu Taliana minn Ħal Luqa. Il-Ħal Safin l-istess baqgħu jgergru billi riedu joqogħdu jmorru fil-Knisja ta’ San Ġakbu l-Kbir f’Ħal Kirkop għal ċerti sagramenti, funerali u l-preċett. Saru jafu wkoll li ser tinbena knisja ġdida f’dak ir-raħal u ma xtaqux joħorġu l-flus għaliha!!!

Fl-1598, delegazzjoni ta’ tnax-il raġel minn Ħal Safi dehret quddiem l-Isqof Gargallo u ressqet rikors f’isem ir-raħlin kollha. Saret talba biex dan ir-raħal ta’ 210 persuni jsir parroċċa għalih waħdu. Din id-darba l-Isqof laqa’ t-talba Ħal Safija. Sar kuntratt quddiem in-Nutar Debono f’April ta’ l-istess sena. Intlaħaq ftehim biex il-Ħal Safin iħallsu 9 ewieq lill-Knisja u lill-Kappillan kull nhar il-festa tal-Konverzjoni ta’ San Pawl, u fl-istess jum jinħatru żewġ prokuraturi biex jamministraw il-ġid tal-Knisja. Dun Gwann Mizzi tpoġġa bħala vigarju kurat ta’ din il-parroċċa l-ġdida. Wara tliet xhur laħaq kappillan ta’ l-Imqabba. Il-prokuratur ewlieni kien Marjanu Xiriha.

Dak iż-żmien f’Ħal Safi kien hemm ħames knejjes żgħar. L-ikbar fosthom, dik dedikata lil San Pawl bdiet tintuża bħala knisja parrokkjali. Biex jitfakkar it-twaqqif tal-parroċċa xtraw qanpiena li fuqha tnaqqxu x-xbihat ta’ San Pietru u San Pawl flimkien ma’ l-iskrizzjoni ‘Sancte Paule ora pro nobis’. L-erba’ knejjes l-oħra kienu: dik ta’ Marija Assunta, tnejn iddedikati lit-Twelid tal-Madonna u l-oħra ta’ Sant’ Agata. Minn dawn baqa’ teżisti biss dik ta’ l-Assunta li tul is-snin rat ħafna tibdil u li nbniet mill-ġdid fl-1761.