Ħal Safi

Knejjes

Print this page

Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl

L-Isqof Gargallo ħall il-parroċċi ta’ l-Imqabba u Ħal Safi mill-matriċi ta’ Bir Miftuħ fid-29 ta’ Mejju, 1592. Iżda dawn minflok ma ġew parroċċa għalihom, marru mal-Parroċċa ta’Ħal Kirkop fost tant protesti mir-residenti taż-żewġ irħula. Dawn l-oġġezzjonijiet wasslu biex ftit tax-xhur wara l-Isqof irreveda l-pożizzjoni li kien ħa u ikkuntenta lil dawn ir-residenti billi l-parroċċi tal-Imqabba u Ħal Safi issa saru awtonomi.

L-ewwel knisja kellha artal wieħed u kienet żgħira wisq u għalhekk kważi mitluqa, sakemm fl-1574 ġiet imsewwija u miżjuda b’artali oħrajn. Il-Knisja li hemm illum dedikata lil San Pawl, kienet ġiet mibnija fuq l-istess post ta’ dik l-antika mill-Kappillan Dun Ġużepp Caruana. Ix-xogħol beda fl-1726 u ħa erbatax-il sena biex tlesta taħt id-direzzjoni tal-perit Ġwann Zammit. Iżda l-akbar sagrifiċċju jingħad mill-Kappillan Dun Ġużepp li kien jibni wkoll huwa stess sakemm imbgħad fl-10 ta’ Ottubru, 1784, l-Isqof Labini ikkonsagra dan l-edifiċju tant sabiħ u għażiż għall-Ħal Safin – knisja dorika b’kor, żewġ kappelluni, sagristija, tmien artali, koppla u mżejna b’żewġ kampnari u qanpiena kbira li nħadmet fl-1827 fil-funderija ta’ Salvu Cauchi. Il-kwadru ewlieni huwa dak ta’ Stefano Erardi li juri l-konverżjoni ta’ San Pawl. Aktar tard, fl-1844 saret il-vara titulari permezz ta’ Mastru Xand Farrugia.

Kappella ta’ Sta Marija

Kappella ħelwa oħra hija dik ta’ Sta Marija. L-ewwel tagħrif dwarha jagħtihulna l-Monsinjur Dusina fl-1575. Għal xi raġuni din il-kappella kienet ipprofanata mill-Isqof Balaguer, fil-25 ta’ Novembru, 1658. Damet hekk sat-22 ta’ Awissu, 1683 sekemm il-Kappillan Mattew Xiriha berika wara li kienet miftuħa għal darb’oħra mill-Vigarju Kanonku Famucelli fuq talba ta’ Ġann Vitor ta’ Noto.
Il-knisja inbniet mill-ġdid fl-1770 f’għamla isbaħ permezz tal-ġbir. Fuq il-lemin ta’ din il-knisja kien hemm knisja oħra profanata fil-25 ta’ Novembru, 1658 dedikata lil-Vitorja.