Il-Qrendi

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Meta wieħed ifittex f’dik li hija storja miktuba, l-ewwel li jissemma il-Qrendi kien fl-1419 meta kien sar obbligu li l-familji jiġu reġistrati. Madwar in-nofs ta’ l-ismijiet ta’ 26 familja li rreġistraw kienu bħal dawk li nsibu fir-raħal fiż-żminijiet tal-lum.

Madankollu ma hemm ebda dubju li fil-Qrendi kienu jgħixu n-nies ħafna iktar qabel. Fil-limiti tal-irħula ta’ dak iż-żmien ( li llum huma parti mil-Qrendi ) insibu it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra. Dan iwassluna għal madwar 3800 sena Qabel Kristu, li allura jfisser li huma fost l-eqdem tempji fid-dinja. Insibu wkoll oqbra vertikali, katakombi u fdalijiet arkeoloġiċi li wkoll jikkonfermaw abitazjoni eluf ta’ snin ilu.

In-nies tat-tempji mietu u nbidlu ma’ oħrajn fi żmien il-Bronż li ġew minn Sqallija madwar 2500 sena qabel Kristu. Sadanittant, Malta bdiet tagħmel parti mill-imperi ta’ dawk iż-żminijiet. L-ewwel dak tal-Feniċi, mbagħad tal-Kartaġiniżi, dak Ruman u wara tal-Biżantini.

Fis-sena 870 A.D., Musulmani Għarab mit-Tuneżija, okkupaw il-Gzejjer Maltin u ħallew warajhom il-miklem jew lingwaġġ li bih nitkellmu aħna l-Maltin. Madankollu, fl-1091 il-Konti Ruġġieru li diġa’ kien jikkmanda Sqallija wasal Malta biex ħadha kontra u keċċa lill-Musulmani; u l-Maltin reġgħu bdew iħaddnu mill-ġdid ir-reliġjon nisranija. Għalhekk Malta bdiet tagħmel parti mir-Renju ta’ Sqallija sakemm fl-1530, Malta ġiet mgħoddija lill-Kavallieri ta’ San Ġwann wara li dawn tkeċċew mill-Gzira ta’ Rodi mill-Imperu Ottoman– Tork.

F’Malta il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu l-għassiesa tal-Kristjaneżmu fil-Mediterran u forza qawwija u f’saħħitha kontra l-Imperu Ottoman. L-Assedju l-Kbir tal-1565 li kisser l-invażjoni Torka meta dawn ħabtu għal Malta bidlet l-istorja tad-dinja. Fil-Qrendi l-Knisja dedikata lil Sant’ Anna ġiet imtella bħala ringrazzjament għar-rebħa fuq it-Torok. Malta damet taħt il-ħakma tal-Kavallieri sa meta ġew imkeċċija mill-forzi ta’ Napuljun fl-1798.

Il-ħakma tal-Franċiżi damet biss sentejn għaliex il-Maltin irvellaw u bil-għajnuna ta' l-Ingliżi, fl-1800 tkeċċew il-Franċiżi. Sadanittant fl-1815 wara t-trattat ta Versailles, Malta saret kolonja Ingliża u bażi navali sakemm fl-1964 Malta ħadet l-Indipendenza, saret Nazzjon Sovran u fl-1979 ħadet il-Ħelsien sħiħ minn kwalunkwe forza barranija.

Assedju Kbir ieħor li Malta għaddiet minnu kien dak tat-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-Assi Nazzisti - Faxxisti għal xhur sħaħ ibbumbardjaw il-gzira bil-ħsieb li l-Maltin iċedu; imma minkejja l-attakki kontinwi mill-ajru, l-allejati (b’ħafna telf ta’ nies u ta’ vapuri) flimkien mal-Maltin irribattew u offrew l-ikbar reżistenza lill-għadu. Aktar tard is-sitwazzjoni inbidlet u Hitler iddeċieda li ma jkomplix bil-ħsieb li jinvadi lill-Malta.

Il-Qrendi u l-madwar tiegħu, laqa' fih u ta kenn lil numru ta’ battaljuni tal-forza militari Ingliża. Dan kien fiż-żmien meta kienu qed isiru il-preparamenti biex tiġi attakkata l-armata ta’ Rommel fl-Afrika ta’ Fuq (Libja). Fil-Qrendi ġie mibni ukoll mitjar (aerodrome/airstrip) bi preparazzjoni għall-invazzjoni ta’ Sqallija mill-allejati - Ingliżi/Amerikani. Illum, dan il-mitjar reġa' nbidel f’għelieqi, imma xi bini u waħda mir-runways għadhom hemm fit-tarf tan-naħa ta’ fuq tal-Qrendi. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, ammont sostanzjali ta’ bombi ġew mitfugħa mill-ajruplani ta’ l-għadu li għamlu ħafna ħsara u intlaqtu ħafna djar. Dawn l-attakki mill-ajru ħallew warajhom numru ta’ mwiet, fosthom anzjani jew nies morda li ma setgħux jinżlu għall-kenn tal-mini jew xelters mħaffrin minn nies mill-Qrendi li kienu mgħallma sewwa fis-sengħa tal-qtugħ tal-blat. Dawn id-djar kif ukoll il-faċċata tal-Knisja ta’ San Mattew li sfaw imwaqqa' ġew mibnija mill-ġdid wara l-gwerra.

F’dawn l-aħħar żminijiet il-Qrendi tbiddel b’mod konsiderevoli. Saret bye-pass barra r-raħal, inbnew djar moderni fil-periferiji; terminus għall-karozzi tal-linja, u nfetħet pjazza quddiem il-Knisja Parrokkjali billi twaqqa' il-bini ta’ djar u parti minn villa kbira quddiem il-Knisja. Madankollu il-qalba tar-raħal għadha hemm u ftit li xejn inbidlet.

Wieħed mit-teżori tal-Qrendi hija l-Maqluba. Dan huwa fondoq enormi li sbroffa waqt it-tempesta fl-1343, u skond il-leġġenda il-knisja ż-żgħira (ta’ San Mattew) li tinsab fl-entratura tal-ħofra kienet diġa’ hemm dak iż-żmien. Dan ifisser li din il-kappella hija waħda mill-eqdem bini ta' l-Insara li jeżisti f’Malta.

Meta fl-1436 bdew jitwaqqfu l-ewwel parroċċi f’Malta, il-Qrendi kien parti mill-Parroċċa taż-Żurrieq, imma biż-żmien il-popolazzjoni kibret u fl-1618 il-Qrendi sar Parroċċa. Il-Knisja Parrokkjali inbniet fuq disinn u pjanti ta’ Lorenzo Gafa’ li kien ukoll l-arkitett tal-Katidral ta’ l-Imdina. Il-knisja tlestiet fl-1712.

Fil-Parroċċa tal-Qrendi għandha seba’ knejjes jew kappelli li ġeneralment ġew mibnija mill-ġdid fuq l-istess postijiet li kien hemm oriġinali fosthom il-Knisja Parrokkjali. Dan huwa mod ċar li d-devozzjoni lejn ir-reliġjon kienet u għada saż-żminijiet tal-lum fattur prinċipali fil-ħajja tar-raħal.

It-toroq dojoq, il-btieħi kbar, il-griebeċ u dwejriet u l-għelieqi, kull ma jmur qed jonqsu jew jisparixxu. B’danakollu, il-Qrendi għad għandu dak l-irbit ma’ l-imgħoddi. Fi Triq it-Torri nsibu Torri Ottagonali fejn il-Kavallieri kienu jżommu garnigjion għall-protezzjoni ta’ l-inħawi mill-pirati. Aktar tard il-Kavallieri bnew sistema ta’ torrijiet madwar il-kosta. Fil-Qrendi għandna tnejn minnhom, dak ta’ Wied iż-Żurrieq li jintuża bħala għassa tal-Pulizija u l-ieħor it-Torri tal-Ħamrija (Ta’ Rsejjen) li qiegħed taħt ir-riħ ta’ Ħaġar Qim.

Peress li l-Qrendi minn dejjem kien imfittex minn numru ta’ Kavallieri ta’ San Ġwann li ħakmu Malta bejn l-1530 sal-1798, huma ħallew warajhom id-djar tas-sajf jew il-palazzi tagħhom; erbgħa minnhom kienu fil-qalba tar-raħal u t-tnejn l-oħra fil-periferiji - dak tal-Guarena fit-triq ta’ Ħaġar Qim, u dak Gutenberg ħdejn il-Knisja tal-Ħniena.

Meta fl-1800 ġew l-Ingliżi f'Malta, il-Qrendi poġġewh taħt maġistrat li kien magħruf bħala “Luogotenete”. Lil dan bnewlu ġnien imdawwar b’ħitan għoljin għall-bżonnijiet tiegħu. Il-ġnien kien ġie mibni fuq l-ordni ta’ Sir Alexander Ball li dak iż-żmien kien il-Kummissarju Ċivili għal Malta. Dan il-ġnien qiegħed fi Triq Santa Katerina u għadu magħruf bħala il-“Ġnien tal-Kmandant”.

Matul iż-żmien il-popolazzjoni tal-Qrendi kibret u illum hija ta’ ftit aktar minn 2500. Madankollu, il-Qrendi għadu villaġġ tipiku Malti. Għalkemm ma ssibx ħwienet tal-kafe’ jew tax-xorb fiċ-ċentru tar-raħal, imma hemm numru ta’ Restoranti etċ. ġo Wied iż-Żurrieq u Ħaġar Qim ftit il-bogħod mill-entratura għall-Park Arkeoloġiku. Minn Wied iż-Żurrieq, id-dgħajjes iwassluk sal-“Blue Grotto” jew il-“Ħnejja” post ta’ attrazzjoni spettakulari fejn il-kuluri tal-baħar blu jitlħaltu mar-raġġi tax-xemx. Ma hemm ebda dubju li dawk li jżuru l-Qrendi jiġu milqugħa u jingħataw merħba assoluta f’xi wieħed miż-żewġ każini tal-banda, miċ-ċentru tal-partiti politiċi jew mill-Boċċi Club.

Għalkemm il-Qrendi qiegħed il-bogħod minn supermarkets kbar, jeżistu ħwienet u mini-markets li fihom issib il-bżonnijiet kollha. Issib ukoll il-forn li għadu jitħaddem u jsaħħan bis-sistema tradizzjonali billi jaħraq ħatab u njam. Għadek issib numru ta’ bejjiegħa li jkunu fil-pjazez ibiegħu il-frott, ħxejjex u ħut. Il-Qrendi għandu żewġ skejjel waħda primarja u l-oħra għal persuni b’diżabilita’ li fiha jattendu studenti minn lokalitajiet differenti.

Sa madwar nofs is-seklu li għadda, il-kotra tal-Qrendin kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom mix-xogħol fil-barrieri, mill-għelieqi u l-agrikoltura u anke mis-sajd u bejgħ tal-ħut; kienu nies beżlin li jbakkru filgħodu u jirritornaw għall-ikel madwar nofs il-jum. F’dan il-ħin fil-qilla tas-sajf tibda ħemda u l-mistrieħ sa madwar l-erbgħa ta’ wara nofs-in-nhar, meta kollox jerġa jiġi għan-normal.

Turisti li jżuru l-Qrendi żgur li jinnotaw lill-anzjani Qrendin bilqegħda fuq il-bankijiet jew l-għetiebi tad-djar madwar ir-raħal, jitkellmu bejniethom u normalment jifirħu u jsellmu lill kull turist. Fl-ewwel jiem tax-xahar ta’ Lulju u f’nofs dak ta’ Awissu is-soċjetajiet taż-żewġ festi, jiċċelebraw għal ġimgħa sħieħa bi programmi mużikali, marċi brijjużi u attivitajiet fit-toroq kollha tar-raħal, ħafna u ħafna ħruq ta’ murtali, esebizzjonijiet pirotekniċi u fl-aħħar purċissjoni reliġjuża bl-istatwa tal-Madonna li tagħlaq il-festa.

Matul is-sena jiġu wkoll ċelebrati numru ta’ attivitajiet oħra bħal fieri u laqgħat kulturali. Il-logħob tan-nar u murtali normalment jinħadmu f’żewġ kmamar tan-nar minn voluntieri liċenzjati li jaħdmu matul is-sena kollha biex ikunu ċerti li jesebixxu wirjiet ta’ spettaklu tant popolari mal-Maltin tant li l-Qrendi sar magħruf sewwa għal din l-attivita’.