Il-Qrendi

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Palazz Bali Guarena

Int u ħiereġ mill-Qrendi lejn it-triq li tieħu għal Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ftit 'il fuq mill-Knisja żgħira tal-Grazzja għandek tiltaqa' ma bini majjestuż. Maqtugħ għalih, madwaru għandek issib xena mill-aqwa tar-raħal ftit il-bogħod. Kull min jgħaddi qrib dan il-Palazz ma jistax ma titqanqalx fih xi ftit ta' kurżita'. Quddiemek issib Palazz sempliċi nieqes mix-xinxilli, mingħajr l-iċken ta' dekorazzjoni li kieku kont tara f'palazzi oħra mibnija fi żmienu. Dan palazz li jirrifletti żgur fuq minn bnieh u għal liema skop bnieh.

Dan il-Palazz inbena bejn is-snin 1735-1740. Barra li hu post residenzjali hu għandu l-forma ta' fortizza, biex min jgħix fih seta' jiddefendi ruħu mill-ħbit tal-furbani li kienu popolari ħafna max-xtajtiet ta' dik in-naħa. It-twieqi fil-għoli fis-sular t'isfel kif ukoll it-turretta għolja turi li din kienet isservi ta' post għall-għassies. Il-bixra ta' dan il-palazz hi għalhekk differenti minn oħrajn ta' żmienu.

L-ewwel kitba li nsibu dwar dan il-Palazz huwa fil-kotba ta' l-Ordni tal-Kavallier ta' San Ġwann. Dawn il-kotba jirreferu għall-fatt li fit-tieni nofs tat-tmintax il-Seklu Fra Pier Francesco Guarena di Rovero akkwista qasam art bejn il-Qrendi u t-Tempji ta' Ħaġar Qim, art li kienu jsejħulha 'Kontrada tal-Grazzja'.

Dawn il-kotba jkomplu li dan il-Kavallier bena Palazz u ħawwel ġnien madwar b'siġar ornamentali kif ukoll siġar tal-frott. Skond it-tradizzjoni Guarena kien iħobb il-kwiet, u għalhekk wieħed jasal jimmaġina li dan il-kontributur kbir ta' l-Ordni jgħaddi ħafna żmien fil-loġġa li fih il-Palazz jitpaxxa bil-veduti ta' madwaru.

Barra mill-fatt li twieled f'Asti fl-Italja fl-4 t'Ottubru 1679, hemm bosta stejjer li jikkonċernaw dan il-Kavallier. Huwa ġie aċċettat fl-Ordni fi úmien il-Gran Mastru Caraffa fl-1688. Jissemma' għall-kontribuzzjoni tiegħu għall-Kanċell tal-Fidda li hemm fil-Kappella tas-Sagrament fil-KonKatidral ta' San Ġwann il-Belt Valletta.

(Ref. Not. Pub. Gambin Prog Festa SML 1993) Page 78)

Palazz Guttenberg

Palazzo Wolfgang Guttenberg f'Ħal-Lew jinsab fuq ix-xellug int u dieħel fil-Misraħ tal-Madonna tal-Ħniena. Bħalma wieħed jista' jgħid fuq it-Torri Ottagonali magħruf bħala t-Torri Ellul Preziosi, dan il-Palazz għandu wkoll mnejn wieħed jista' jiddefendi ruħu mingħajr ma jkun jista' jiġi milqut. Ir-raġuni hi li dan il-Palazz mad-dawra kollha tiegħu għandu toqob iħarsu 'l isfel għad-difiża kontra l-pirati. Illum dan il-Palazz hu residenza privata. Il-Baliff Johann Wolfgang von Guttenberg serva bħala Kavallier ta' l-Ordni ta' San Ġwann bejn l-1669 u l-1733. Qatta' ħajtu fuq ix-xwieni fi ġlied li kellha l-Ordni ta' San Ġwann u l-mistrieħ tiegħu bejn vjaġġ u ieħor kien jgħaddih f'dan il-palazz. Kien bniedem ġeneruż ħafna u ta ħafna donazzjonijiet lis-Santwarju tal-Ħniena li kien magħruf ħafna bħala Santwarju ta' talb ma Malta kollha. Insibu għotjiet bħal l-Inkwatru tal-Kruċifissjoni u ta' Marija Madalena. L-Isqof Molina ħalla miktub li Guttenberg ta donazzjonijiet ta' Kruċifiss u l-Assunzjoni li saret fl-1690 minn Giuseppe d'Andrea Romano li nsibu fis-Sagristija. Donazzjonijiet oħra ta' ex-voto nsibu numru sabiħ attribwiti lil Guttenberg.

Torri tal-Misħun/Torri Ottagonali

Binja interessanti huwa t-torri ottagonali liema post inbna fi żmien il-Kavallieri. It-torri ottagonali probabilment inbena minn familja partikolari sabiex iservi bħala difiża f’każ ta’ xi attakk mill-furbani.

Torri de Redin

Fuq il-kosta viċin il-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra hemm żewġ monumenti interessanti. Wieħed huwa t-torri li nbena fis-seklu sbatax mill-Gran Mastru De Redin li kien parti minn sistema ta’ difiża mifruxa ma’ Malta kollha li kellha tagħti twissija għal meta jfiġġ l-għadu. Il-monument l-ieħor huwa dak ta’ Congreve illi kien Gvernatur Ingliż, illi ħalla struzzjonijiet lil ta’ warajh sabiex jindifen fil-baħar bejn il-kosta Maltija u Filfla.

Torri ta' Sciutu

Torri ieħor li jinstab fil-viċinanzi u li illum jintuża bħala Għassa tal-Pulizija f’Wied iż-Żurrieq inbena mill-Gran Mastru Lascaris u hu magħruf bħala Ta’ Sciutu. Meta wieħed jidħol f’dan it-torri jinduna li dan it-torri qatt ma nbena għal xi mezz ta’ difiża – fil-fatt fit-torri kienu joqogħdu biss xi erba’ persuni li kienu jaraw li ma jsirx tbaħħir illegali jew suspettuż. Persuna minnhom kien armat b’żiemel ħalli f’każ li jinqala’ xi ħaġa kien imur għand l-awtoritajiet mill-ewwel sabiex iwasslilhom il-messaġġ.

Ħaġar Qim u Mnajdra

It-tempji pre-istoriċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra li jinsabu fil-lokalita’ tal-Qrendi huma l-aktar fdalijiet pre-istoriċi importanti li nstabu fil-Mediterran. Partijiet minn dawn it-tempji huma saħansitra kkunsidrati bħala l-eqdem strutturi wieqfa li għadhom jeżistu fid-dinja. It-tempji huma kklassifikati mill-UNESCO bħala strutturi ta’ wirt dinji. Kemm Ħaġar Qim kif ukoll l-Imnajdra ġew mibnija bejn is-sena 3500 QK u s-sena 2200QK fil-perjodu magħruf bħala “tat-tempji”. Huma mifhum illi n-nies li bnew dawn il-meravilji strutturali massiċċi, għalkemm illitterati, kienu intelliġenti ħafna u rnexxilhom jiffurmaw soċjeta’ organizzata ħafna. Meta tikkunsidra li dawn in-nies kienu jmexxu blat ta’ 20 tunellata meta lanqas biss kienet ġiet ivvintata r-rota, tassew għandna għax nikkunsidraw dawn it-tempji bħala eċċezzjonali u ta’ valur imprezzabbli.

Dawn it-tempji kellhom ukoll saqaf għalkemm dan ma kienx l-istess fin-naħat kollha. In-nies ta’ dak iż-żmien kienu wkoll jiddekoraw il-blat użat b’disinji u skultura. Fil-fatt fl-inħawi nstabu wkoll għadd ta’ statwi importanti ta’ daqs varju fosthom statwi li jirrapreżentaw il-kult tal-fertilita’ permezz ta’ nisa ħoxnin. F’lokalita’ viċina ħafna, fil-Magħlaq, instabu wkoll kwantitajiet kbar ta’ fdalijiet ta’ annimali bħal ippopotami u iljunfanti żgħar li kienu ta’ razza unika u li ngħataw l-isem xjentifiku ta’ elephas mnaidrensis ad unur il-post li fih instabu.


il-Maqluba

Jekk wieħed iħares 'l isfel wara il-Kappella ż-żgħira (l-iżjed waħda antika) ta' San Mattew għandu jsib ħofra kbira u fonda. Din il-ħofra hi magħrufa bħala tal-Maqluba.

Missirijietna jgħidu li fi żmien antik ħafna, kien jeżisti raħal bi ftit djar, fejn in-nies tiegħu kienu x'aktarx ħżiena ħafna, sakemm jum wieħed sar terremot li kisser l-art taħthom u niżżilhom fil-fond u qered l-art li kienu jgħammru fuqha. Mara waħda biss baqgħet ħajja għax kienet twajba u dak il-ħin kienet fil-Knisja iċ-ċkejkna titlob. Fil-fatt il-Knisja il-qadima tinsab f'xifer il-fondoq.

Tal-Maqluba hi isem ta' ħofra ovali fl-art, imniżżla fil-qiegħ xi 130 pied. Fil-qiegħ tagħha hemm bħal ġnien sabiħ, li fih għadd ġmielu ta' siġar fosthom dawk ta' l-għargħar (is-siġra nazzjonali maltija) u li huma ferm rari. It-tul tal-fetħa huwa ta' 330 pied u wiesgħa 200 pied.

Biex tinżel hemm taraġ li jwassal sal-belvedere fejn issib fdal ta' ġiebja magħmula qanpiena maqsuma minn fejn ċediet l-art. Minn fejn din il-ġiebja jinżel taraġ dejjaq ħafna għal fondoq. Id-dehra tal-Maqluba kif tħares minn taħt huwa kollu mnaqqax. Il-blat mad-dawra hu mkisser u mtajjar ma' kull naħa. Wiċċ l-art kollu juri li xi darba din għaddiet minn theżżiża qawwija.

Il-kampanja fil-qrib tibda titbaxxa irregolarment għal distanza ta' 2 jew 3 mili sakemm jieqaf fuq dan il-lok, li f'salt wieħed jaqa' ġo ħofra fonda.

Huwa diffiċli ħafna tgħid kif sar dan il-fenominu, iżda l-aktar fehma tajba tidher li hi, li l-art kellha taħtha xi għerien li ċedew taħt pressjoni ta' ilma billi il-ġebla hi ratba, jew saret xi theżżiża qawwija. Ciantar jgħid li fil-fdal tal-ġiebja li ssemmiet qabel instab xi nafta li sa żmien twil ilu ma kien għadu jidher xejn minnha.

Matul ix-xitwa, l-ilma fil-ħofra minn xi daqqiet jgħatti is-siġar, iżda malajr isib imnejn joħroġ minn bejn ix-xquq tal-blat. Id-dehra tal-blat fuq ix-xtajta tal-baħar ftit il-bogħod mill-Maqluba, tikkonferma il-ħsieb li kienet magħmula minn xi ċaqlieqa qawwija naturali flimkien ma' tempesta li qatt f'Malta ma saret bħalha qabel. Hawn min jaħseb li matul ix-xitwa jinħass ilma ġieri nieżel f'wiċċ il-baħar x'imkien qrib il-Blue Grotto (taħt il-ħnejja) u jista' jkun li dan l-ilma ġej mill-ħofra tal-Maqluba. Prova ta' dan hu li l-ġebel hu ta' lewn skur u kollu aħrax u mxaqqaq u l-irdumijiet kbar li hemm fil-blat, jiftħu n-naħa tal-baħar u jibqgħu sejrin jidjiequ sal-qiegħ. Skond ma jgħidulna kittieba antiki, it-tempesta li għenet biex saret il-ħerba saret nhar l-24 ta' Novembru 1343, lejliet Santa Katerina taż-Żejtun.


Wied iż-Żurrieq

Il-kosta ta’ Wied iż-Żurrieq hi magħrufa ħafna għal diversi għerien fosthom il-famuż Blue Grotto (Il-Ħnejja). Peress illi l-kosta hi miżgħuda b’xenarji spettakolari, isiru għadd kbir ta’ vjaġġi bid-dgħajjes kuljum li jitilqu minn Wied iż-Żurrieq. It-tul tal-vjaġġ jiddependi ħafna mil-livell ta’ l-ilma baħar peress illi jekk il-baħar ikun kalm, wieħed ikun jista’ jara wkoll għadd ta’ għerien żgħar. Hemm għar partikolari illi tidħol ġo fih minn entratura u toħroġ minn oħra. Ta’ min jinnota wkoll illi l-baħar ta’ l-inħawi għandu kulur ikħal sabiħ li jisseddaq ma’ kuluri oħra li jafu joffru l-koralli u l-ħajja marina.

Fuq ix-xefaq, imma mhux daqstant il-bogħod, hemm il-gżira żgħira ħafna ta’ Filfla fejn hu maħsub li fl-antik kien hemm kappella. Madankollu maż-żmien jingħad li din il-kappella ngħalqet meta n-nies tal-lokal kienu gergru illi l-qassis idum biex jaqsam min-naħa għall-oħra. Illum din il-kappella ma teżistix għaliex waqgħet. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Forzi Brittaniċi u tan-NATO kienu jużaw il-gżira sabiex fuqha jipprattikaw l-isparar tal-bombi. Illum il-gżira ta’ Filfla u l-baħar ta’ madwarha tifforma parti minn riserva naturali fejn ħadd ma jista’ jmur mingħajr il-permessi neċessarji.

Monument Vittmi tal-Gwerra

Dan il-Monument li jinsab fiċ-ċentru tar-raħal bejn Triq Ġuże’ Cassar u Triq Ġużeppi D’Arena, inti u sejjer lejn il-Knisja Parrokkjali, kien ġie mwaqqaf fid-19 ta’ Frar, 1995 mill-ewwel Kunsill Lokali tal-Qrendi u innawgurat mill-President ta’ Malta, Dr. Ugo Mifsud Bonnici.

Dan il-monument ġie ddisinjat mill-artist Angelo Agius u nbena mill-Kumpanija Agius Marble Works.

Il-forma tiegħu hija ta’ piramida fejn fil-faċċata tiegħu nsibu l-arma tal-Qrendi, elmu ta’ suldat u bajunetta, biċċa barbed wire u kuruna tar-rand. Filwaqt li fil-ġnub tiegħu nsibu l-ismijiet tal-Vittmi.

Dan il-monument ifakkar lil ħutna vittmi Qrendin, li tilfu ħajjitom taħt l-attakki mill-ajru minn ajruplani Nażisti u Faxxisti fit-Tieni Gwerra Dinjija (1939-45). Kif wiehed jista’ jara, fuq dan il-monument tniżżlu l-ismijiet ta’ dawn il-vittmi hekk kif muri hawn taħt.

Isem Eta' Data tal-Mewt
Aquilina Joseph  38 30.1.42
Aquilina Mary Rose 24 30.1.42
Attard John 17 19.12.42
Dalli Grezzju 52 12.9.42
Ellul Rose 65 9.4.42
Magro Catherine 54 19.12.42
Magro Francis 60 19.12.42
Mallia Francis 66 19.12.42
Mifsud Jane 60 9.4.42
Psaila Josephine 70 9.4.42
Sciberras Catherine 86 9.4.42
Sciberras Vincent 78 19.12.42
Spiteri Carmela 70 1.7.42