Il-Qrendi

Knejjes

Print this page

Knisja Parrokjali Santa Marija

Ir-raħal tal-Qrendi twaqqaf bħala Parroċċa fl-1618 mill-Isqof Baldassare Cagliares. Qabel dan iż-żmien il-Qrendi kien jagħmel parti mill-Parroċċa taż-Żurrieq u n-nies tal-Qrendi kienu jinqdew mill-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena – ta’ Ħal Lew – li kienet Viċi Parroċċa, jew mill-knisja taż-Żurrieq.

L-ewwel kappillan tal-Parroċċa tal-Qrendi kien Dun Salvatore Burlo li kien in-neputi ta’ l-arċipriet taż-Żurrieq minn fejn ħarġet il-Parroċċa tal-Qrendi. Dun Salv dam kappillan sentejn għaliex miet fl-1620.

Warajh laħaq Dun Giomaria Camilleri li dam kappillan sal-1668. Huwa kien bena knisja ġdida fuq l-ogħla parti tar-raħal minflok tnejn żgħar. Din il-knisja tlestiet fl-1655. Meta Dun Domenico Formosa laħaq kappillan fl-1677, huwa ddeċieda li jwaqqa l-Knisja u fl-1685 inbeda l-bini tal-Knisja l-ġdida. Din tlestiet fl-1712.

Id-disinn u arkitettura tal-knisja parrokkjali hija ta’ Lorenzo Gafa’ li huwa wkoll l-arkitett tal-Katidral ta’ l-Imdina.

Il-Knisja għandha għamla ta’ salib. Fiha kor, żewġ kappelluni, kursija u żewġ kampnari fuq barra. Għalkemm ix-xogħol tal-bini tal-knisja tlesta fl-1712, din ġiet kkonsagrata 70 sena wara – fit-13 ta’ Ottubru 1782 mill-Isqof Labini.

Tnejn mill-qniepen tal-kampnari kienu diġa hemm meta tlesta l-bini fl-1712. It-tnejn l-oħra saru fi żmien il-kappillan Dun Antonio Mizzi, waħda fl-1788 u l-oħra 10 snin wara fl-1798.

Sal-bidu tas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor il-Knisja Parrokkjali kienet tintuża wkoll bħala ċimiterju tal-Parroċċa. Għalhekk l-art tal-knisja kienet imqassma f’oqbra miksijin bil-kaptelli tal-ġebla tal-franka sa ma tlesta ċimiterju fil-periferija tar-raħal fl-1955 u sar il-pavimentar ta’ rħam. Id-disinn tal-pavimentar huwa ta’ Emanuel Buhagiar li huwa ukoll id-disinjatur ta' l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra.

Il-pittura ta’ l-artal tat-Titular ta’ l-Assunzjoni tal-Madonna huwa xogħol tal-pittur magħruf Malti Giuseppi Cali’. Din il-pittura saret minflok oħra tal-pittur Malti ieħor Rokku Buhagiar, li llum qiegħda fis-sagristija.

Il-Knisja Parrokkjali hija wkoll mgħamra b’numru ta’ pitturi oħra bħal dik ta’ l-altar tal-Madonna taċ-Ċintura li hija xogħol ta’ Ramiro Cali’. Il-pittura ta’ San Stiefnu ta’ Stefano Erardi li huwa lesta fl-1677. Din il-pittura turi lill-Arkanġli San Mikiel u San Gabriel, San Stiefnu, Sant’ Anna u Santa Rosa ta Lima. Il-pittura dedikata lil San Pawl hija xogħol ta’ Francesco Zahra. Il-pittura kollha tal-koppla, tal-kappellun, il-kursija u l-kumplament tas-saqaf tal-knisja huwa xogħol tal-artist Għawdxi, Pawlu Camilleri Cauchi. Fuq il-bieb prinċipali kif tidħol fill-knisja insibu pittura majestuża oħra li turi d-dħul fil-Port il-Kbir tal-Konvoj ta’ Santa Marija ta’ l-1942. Din hija wkoll xogħol l-artist Pawlu Camilleri Cauchi.

L-istatwa tat-Titular l-Assunzjoni ta’ Santa Marija li hija ta’ l-injam tlestiet fl-1840 u hija xogħol ta’ l-iskultur Antonio Chircop. Statwa oħra li nsibu fil-knisja hija dik tal-Madonna ta’ Lourdes li saret minn Karlu Darmanin fl-1878.

Kappella ta’ Santa Katerina

Din il-kappella, li tinsab f’tarf ir-raħal, fil-post magħruf bħala ‘Tat-Torba’, hija waħda mill-eqdem knejjes fil-gżejjer Maltin, iddedikati lil din il-qaddisa. Tant hu hekk, li meta, fl-1575, ġie Malta l-viżitatur Appostoliku, Monsijur Pietro Duzina, żar il-knisja ta’ Santa Katarina f’dan ir-raħal u ħalla rapport dwarha. Din il-kappella kienet magħrufa bħala ta’ "Bieb iż-Żejtunija".

Fl-1624, il-kappella ġiet ipprofonata u minflokha inbena salib tal-ġebel bħala tifkira. Iżda ftit wara, fl-1626, Benedittu Camilleri reġa daħal għall-ispejjeż biex tinbena kappella oħra f’ġieħ din l-qaddisa u skond l-atti tan-nutar Gio Duminku Gatt, fl-14 ta’ Ġunju 1625, ħalla lil din il-knisja fewdu msejjaħ ta’ Wied il-Ħofra. Bniha ftit il-bogħod mill-post fejn kienet l-oħra u żejjinha b’dak kollu li kien meħtieġ u beda wkoll jiċċelebra l-festa fil-25 ta’ Novembru. Qrib tagħha kien twaqqaf ukoll ċimiterju.

Din il-kappella ġiet restawrata fl-2001.

Ix-xogħol ta’ ġewwa sar mill-volontarjat taħt id-direzzjoni tar-Reverendu Kappillan Dun Ray Toledo, filwaqt li x-xogħolijiet ta’ barra ħallas għalihom il-Kunsill Lokali Qrendi.

Kappella ta’ San Mattew tal-Maqluba

Fil-Qrendi issib żewġ knejjes ta' San Mattew li mbagħad għaqqduhom f'waħda. Hemm il-knisja ż-żgħira f'tarf il-ħondoq tal-Maqluba li hi qadima ħafna u jaħsbu li kienet minn ta' l-ewwel knejjes imwaqqfa wara t-tkeċċija tas-Saraċeni. Kemm hi qadima tixhed l-għamla tagħha bħal qabar qadim. Hugh Braun jgħid li din il-Knisja aktarx li saret fis-Seklu XV.

Il-bini tal-Knisja l-oħra inbeda fl-1674 u spiċċa fl-1682. Hemm taraġ li jgħaqqad il-ġdida mal-qadima. ll-qadima għandha il-bieb prinċipali tagħha. It-tieni knisja hi x'aktarx kbira b'artal wieħed u bis-sagristija fuq wara. Il-kwadru ewlieni (illum merfugħ minħabba sigurta' wara li nsteraq) li juri il-martirju ta' San Mattew hu xogħol Mattia Preti u sar fl-1688 bi flus il-Kommendatur Nicolo' Communet, Franċiż. Fuq il-bieb ewlieni ittellgħet minn ġewwa gallerija li saret fl-1834 bi flus il-prokuratur Dun Mikiel Zammit u Dun Ġio Anton Spiteri. Fis-sagristija hemm kwadru ta' żewġ piedi fl-isem ta' San Appolloni sive ta' Vennura. Jeżisti legat imsejjaħ ta' 'Vennura nella scesa di San Matteo'.

Dun Mattew Magro li kien prokuratur ta' din il-Knisja jirrakkonta li l-ħsara bil-gwerra fil-faċċata ġrat il-Ħadd, 12 t'April 1942 għall-ħabta tal-Ave Maria meta daqqet is-sirena fl-Għassa tal-Pulizija. Jiftakar li kien għadu kif ġie ordnat djaknu fl-4 t'April 1942. Kien qiegħed mal-Kappillan Dun Elia Spiteri u ma Raymond Ellul seminarista fis-Sagristija tal-Parroċċa. Marru fix-xelter f'numru 3, Triq il-Kurat Mizzi għand il-patrijiet Tereżjani Skalzi. Wara l-ħbit mill-ajru telgħu u saru jafu li ġġarfet il-Knisja ta' San Mattew. Marru fil-post u sabu ħerba sħiħa. Il-Knisja kellha ħafna ħsarat, il-faċċata mtertqa ser taqa' u ma taqax, l-ewwel tlett ħnejjiet mill-bieb ta' barra 'l ġewwa sfronduti u mġarrfin, tlieta mis-sitt kolonni tal-gallarija ta' l-orgni mtajrin u mkissrin f'ħafna bċejjeċ. Il-knisja kienet okkupata mis-suldati, ħafna minnhom sfaw feruti u meħudin gravi l-isptar, l-oħrajn li ħelsuha ħafif kienu qegħdin jippruvaw f'dik il-konfużjoni kollha, jirranġaw dak li jistgħu. Il-Knisja reġgħet ittellgħet bis-saqaf troll bħal qabel il-gwerra minn Grezzju Falzon, bennej mgħallem mir-raħal, li kompla sebbaħ il-faċċata tal-Knisja b'żewġ kampnari ħelwin, taħt id-direzzjoni tal-Perit Salvu Privitera.

Il-Festa ta' San Mattew tal-Maqluba issir it-tielet Ħadd ta' Settembru ta' kull sena u hi ferm popolari mal-Maltin. Grazzi għall-fiera/festa kbira li jorganizzaw sena kull wieħed iż-żewġ każini tal-banda tar-raħal it-tradizzjoni kompliet tkattret u hija parti essenzjali mill-folklor malti.

Tagħrif dwar il-popolarita' ta' din il-festa jagħtih Dun Ġwann Azzopardi, Kuratur tal-Mużew tal-Kattidral Imdina fil-programm tal-festa Santa Marija 1986-paġna 24, 25. Ċertu William Shellinks li għex mill-1623-1687, kien f'dawn il-gżejjer fil-21 ta' Settembru 1664. Hu ħalla żewġ inċiżjonijiet bħala tifkira tal-mawra tiegħu u ta xi tagħrif. Barra li kien kittieb Shellinks kien ukoll pittur, poeta, disinjatur u inċisur.

Kappella ta’ Sant’Anna

Din il-Knisja ġiet imtellgħa u mgħammra minn Ganni Schembri biex wettaq il-wegħda magħmula għall-ħelsien mill-ħbit tat-torok fl-1565.

Skond ma jidher mill-atti tan-Nutar Ġiljan Briffa fis-17 ta' Settembru 1585, ħallielha xi somma ta' flus u obbligi oħra. Fl-1796 il-Knisja ta' Sant Anna ġiet restawrata mill-Kappillan Dun Antonio Mizzi. Il-ħajt li jħares lejn il-Maqluba juri l-antikita’ tal-Knisja. Għandha artal wieħed. Fl-inkwatru tagħha, Sant’ Anna qiegħda tagħti tuffieħa ta' Belludja lill-Bambin Ġesu' li jinsab f'ħoġor il-Madonna. Riċentement din il-Knisja reġgħet ġiet restawrata tajjeb ħafna. Fuq barra x-xogħol sar fi żmien il-Kappillan Dun Karm Attard u fuq ġewwa mill-Kappillan Ray Toledo. Ħadmu d-ditta Agius Marble Works. L-istatwa ta' Sant Anna ftit 'il fuq saret għas-spejjeż ta' Dun Ġwann Farrugia ta' Ġulin fl-1892.

Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena qiegħed fir-raħal qadim ta' Ħal-Lew. Żmien ilu qabel il-Qrendi sar Parroċċa dan is-Santwarju kien Viċi Parroċċa taż-Żurrieq. L-ewwel bini tal-Knisja jeħodna lejn is-Seklu XIII, iżda fl-1575 Mons Duzina pprofanaha u kien fl-1650 li nbniet oħra ġdida, li hija dik li naraw illum. Is-Sagristija ġiet miżjuda wara fl-1668. Il-Knisja hi sabiħa ħafna, għandha koppla u l-bieb imżewwaq bl-istatwi. Il-Knisja tal-Ħniena hija magħrufa bħala 'Chiesa della Misericordia'.

Fiż-żmien dan kien wieħed mill-aktar Santwarji devoti u sa ftit snin ilu kien anki jintuża għall-irtiri mill-Venerabbli Dun Ġorġ Preca: kien ilaqqa' lis-Soċjeta’ tal-Mużeum għall-vġili ta’ San Mikiel. Fih għandek issib numru sabiħ ta' wegħdi ex-voto mdendlin. Fost il-benefatturi ewlenin tal-Knisja rridu nsemmu lill-Kommendatur Fra Filippu Guttenberg li ta lil din il-Knisja bosta kwadri u tiżjin ieħor, u lil Dun Gio Maria Camilleri u Ganni Schembri.

Bis-saħħa ta' reskritt miksub fit-18 ta' Marzu 1695, bit-tħabrik tal-Kappillan Dun Dumink Formosa mingħand il-Papa Innocenz XII din il-Knisja ġiet imżejna b'indulġenzi varji. Il-Knisja hi twila 65 pied u wiesa 18-il pied u nofs u għandha tliet arkati.

Fiha nsibu l-Kwadru ta' Santa Marija li huwa xogħol sabiħ ta' Ġużeppi d'Arena. Dak ta' Sant Antnin ta' Padova ħadmu Rokku Buhagiar. Il-Kwadru tal-Kurċifiss hu x'aktarx ta' Suor Marija de Demenicis. Il-Kwadru li juri lil Santa Maddalena penitenta hu ta' skola ta' Mattia Preti. Dawn l-aħħar żewġ kwadri qegħdin fis-Sagristija.

Kappella tal-Madonna tal-Grazzja

Din il-Knisja qiegħda fin-Nofsinhar tar-raħal, fit-telgħa li tieħu lejn il-Palazz tal-Guarena fit-triq lejn Ħaġar Qim.

Din ġiet imtellgħa fl-1658 minn Anġlu Spiteri mill-Qrendi li ħalla wkoll quddies lett li jitqaddes fiha, u l-kant ta' l-ewwel vespri u quddies f'Jum il-Festa. Fiha artal wieħed.

Fiż-żmien l-isem ta' din il-Knisja kien tal-Madonna tal-Vittorja u tagħmel il-Festa fit-8 ta' Settembru.


Kappella tas-Salvatur

Din il-knisja tmur lura għas-seklu sbatax (1658) u nbniet minn Benedittu Camilleri minflok oħra aktar qadima. Il-faċċata tagħha hi tipika ta’ dawk iż-żminijiet, jiġifieri faċċata lixxa, b’kampnar fin-nofs u tieqa tonda fin-nofs tagħha maħsuba u mfassla biex iddawwal il-post.

Fl-1876 saru xi tibdiliet fiha. Infetħu ż-żewġ twieqi tal-faċċata, sar il-portiku fuq il-bieb maġġur u minn naħa ta’ ġewwa tpitter is-saqaf u saret għamla tal-prospettiva għall-kwadru titulari.

Għall-arkitettura tagħha, din il-kappella dejjem ġibdet l-attenzjoni ta’ l-istudjużi ta’ l-arkitettura, fosthom tal-Professur Quitin Hughe li kkummenta dwarha fl-ewwel studju tiegħu dwar l-arkitettura tal-gżejjer tagħna.

Fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija din il-Knisja tat kenn u ntużat bħala dormitorju għal numru ta’ nies mill-Kottonera li kellhom jevakwaw djarhom f’dawk iż-żminijiet diffiċli. Aktar tard, sal-1960, il-knisja ntużat bħala estenzjoni ta’ l-Iskola Primarja.

Din il-knisja ġiet restawrata fl-1996. Qed tintuża għal xi servizzi reliġjużi u fiha qed ikun hemm l-Adorazzjoni tul il-jum kollu.