Tal-Pietà

Geografija

Print this page

  Mappa Pieta

Iż-żewġ lokalitajiet distinti ta’ Pietà-Guardiamangia li llum jiffurmaw distrett wieħed għandhom għamliet ġeografiċi differenti. Pietà żviluppat fil-parti ta’ taħt ta’ wied fond, li qabel kienu jsibuh bħala Wied il-qasab. Dan il-wied naturali jinsab fil parti ta’ ġewwa tal-Port ta’ Marsamxett. Min-naħa l-oħra, Guardiamangia żviluppat fuq promontorju, li qabel kien magħruf bħala il-Qortin, li jħares lejn il-wied fuq ix-xellug. Dan jinsab madwar sittin metru fuq il-livell tal-baħar. L-ewwel li bdiet tiżviluppa kienet il-parti ta’ taħt tal-lokalità, lejn madwar l-aħħar tas-sittax il-seklu, filwaqt li l-parti ta’ fuq żviluppat min-nofs is-seklu għoxrin ‘il quddiem. Ġeografikament, l-aktar bdil drastiku seħħ fil-wied. Il-linja tal-kosta, per eżempju, kienet ħafna aktar fonda milli hi llum u kienet tikkonsisti minn bajja tar-ramel. Din kienet mgħottija matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

pieta map

Barra minn hekk it-triq tal-kosta kienet ħafna idjeq milli hi llum. Kien hemm ukoll boat-houses kbar fit-tarf ta’ barra tagħha li kienu ġew imwaqqgħa matul is-snin ħamsin. Qabel ma bdew l-iżvilupp u l-modifikazzjonijiet, il-wied naturali kien kważi elf metru fit-tul, jibda mill-pjazza ewlenija tal-Ħamrun. Barra minn dan, il-profondità tiegħu tissuġġerixxi li dan kien ifforma minn ilma nieżel b’saħħa kbira minn għoljiet li m’għadhomx jeżistu llum. Il-promontorju għadda minn żvilupp urban rapidu wara li nbena St. Luke’s Hospital f’nofs is-seklu għoxrin. Pieta-Guardiamangia għandu lill-Msida fuq it-Tramuntana, lill-Ħamrun fuq il-Lvant u lill-Floriana lejn in-Nofsinhar tiegħu. Huwa centru residenzjali u kummerċjali importanti li jinsab bejn ibliet akbar.