Ħal Qormi (Città Pinto)

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Ħal Qormi huwa l-akbar belt tal-gżira u jinsab mibni bejn Wied is-Sewda u Wied il-kbir, fejn darba l-ilma baħar mill-Marsa kien jgħawwem sehem kbir minn dan il-lok. Dan ir-raħal jinsab fil-baxx ħafna, qalb l-għoljiet tal-Ħamrun u Tas-Samra, ta’ Ħaż-Żebbuġ u Santa Venera.

F’diversi partijiet ta’ Ħal Qormi nstabu oqbra mħaffrin fil-blat b’għadam uman u fuħħar. Dawn il-fdalijiet ta’ żmien Feniċju-Puniku jixhdu biss il-preżenza ta’ komunita’ żgħira. Jekk kien jeżisti ċentru ta’ abitazzjoni Ruman f’dak li llum hu Ħal Qormi, dan ma setgħax kien ħlief wieħed żgħir.

Wara r-Rumani ġew il-Biżantini iżda dwar dan il-perjodu, m’hemmx xejn x’wieħed jista’ jgħid dwar Ħal Qormi. Warajhom kien hawn l-Għarab, li tista’ tgħid ukoll ma ħallew kważi xejn fejn għandu x’jaqsam ma’ Ħal Qormi, ħlief għal xi kunjomijiet u ismijiet.

Fiż-żminijiet tan-Nofs, Ħal Qormi nsibuh fid-dokumenti fl-1417 fejn jissemmew il-postijiet tal-għassa tad-Dejma. Il-qormin kienu jagħmlu għassa fl-Imdina, San Ġiljan, Tas-Sliema, u fejn illum hemm Sant’Jiermu. Numru sew ta’ Qormin fiż-żminijiet tan-Nofs kienu bdiewa li ħadmu fir-raba’ ta’ madwar ir-raħal.

Fl-1530, l-Ordni ta’ San Ġwann ġie Malta. Meta l-Gran Mastru de Homedes ħoloq l-universita’ ġdida fil-Birgu, lil Ħal Qormi fatmu minn mal-Imdina u għaddqu ma’ din il-ġemgħa kbira. Fl-Assedju l-Kbir tal-1565, il-Qormin u l-Karkariżi flimkien ipprovdew forza ta’ 680 ruħ għad-difiża ta’ l-Imdina.Bejn l-1584 u 1684 inbniet il-knisja parrokkjali u kienu fost tal-bidu li bdew jagħmlu festa bi statwa titulari. Minħabba n-numru kbir ta’ fran li kien hemm dan iż-żmien, Ħal Qormi sar magħruf bħala Ħal Fornaro.

Fl-1592, Ħal Qormi ntlaqat mill-pesta li ħakmet Malta.

Kien is-27 ta' April 1743 meta l-awditur J.J. Grech irreġistra talba, li l-Kappillan ta' Ħal Qormi, Dun Guzepp Vella, għamel lill-Gran Mastru Pinto permezz tas-Siniskalk biex Ħal Qormi, mit-titlu ta' terra, togħla għat-titlu ta’ belt, la darba n-numru ta' abitanti kien tela' għal qrib is-sitt elef persuna. Għalhekk, Ħal Qormi ngħata t-titlu ta' belt flimkien ma' isem li jogħġbu jagħżillu l-Gran Mastru nnifsu. F’dil-petizzjoni li tressqet lil Gran Mastru u li tressaq raġunijiet għalfejn kellha tissejjaħ belt, insibu ħafna informazzjoni dwar il-ħajja f’Ħal Qormi.

Il-memorjal isemmi wkoll li r-riġment qormi kien kompost minn 439. Kien hemm f'Ħal Qormi numru ta' negozjanti li kienu jinkludu tmienja tal-qoton u tad-drappijiet, u tlieta tal-kittien. Magħhom inżidu wkoll numru ta' benestanti, tant li m'hux anqas minn 66 familja kienu jgħixu mir-renti li kellhom. Membri tal-kleru kien hawn ukoll 66. Għal dak li kellu x'jaqsam ma' gvern lokali, Ħal Qormi kien suġġett għall-Kaptan tal-Virga u l-Ġurati tal-lmdina. Dan ifisser li, f'xi żmien li għadu m'hux stabbilit, Ħal Qormi għadda minn maI-Universita' tal-Belt għal dik tal-lmdina.

Fi żmien il-Franċiżi, Ħal Qormi daq wkoll l-imrar fl-invażjoni li kienu għamlu fl-1798. Kienet l-Ottava tal-festa ta’ Corpus Christi u l-knisja parrokjali ta’ San Ġorġ kienet armata kollha fided li malajr ġew sekwestrati. Fil-qawma tal-Maltin kontra l-Franċiżi (1798-1800), Ħal Qormi ta’ sehmu wkoll taħt it-tmexxija tal-ispiżjar Stanislaw Gatt.

Mal-wasla tal-Ingliżi, il-Qormin kellhom sehem kbir fil-kummerċ u xogħol mal-Port il-Kbir, attivita li waqfet ħesrem minħabba il-pesta, li laqtet bl-aħrax lil Ħal Qormi fejn mietu mas-723 ruħ minn Ħal Qormi. Wara l-1814, ħafna Qriema fittxew ix-xogħol fl-ibliet u fl-inħawi tal-port. Żdiedet l-importanza tas-snajja’ u trobbija tal-annimali fl-irziezet filwaqt li l-produzzjoni tal-ħobż u t-tħin tal-qamħ baqgħu jissaħħu.

Wara l-1850, Ħal Qormi baqa’ jimxi ‘l quddiem bil-ftuħ ta’ skejjel governattivi u anke’ privati. Mal-bidu tas-seklu għoxrin, Ħal Qormi kien wieħed mill-akbar ċentri abitati u b’diversi servizzi bħall-drenaġġ, ilma, gass, linja tat-tramm u elettriku.

Fl-ewwel gwerra, bosta Qormin marru voluntiera mal-korp tal-pijunieri fil-penisola tas-Salonika fil-Greċja, waqt li oħrajn sabu impjieg fl-istazzjon tal-airships li sar fil-Lvant tal-parti magħrufa bħala San Bastjan. Fit-tieni gwerra, barra li ħafna qormin kienu jagħmlu parti mill-forzi armati, Ħal Qormi sar ċentru għar-refuġjati mill-Kottonera.

Illum Ħal Qormi nsibu li kważi l-inħawi kollha ġew żviluppati f’diversi bini u ċentri, kunsill lokali kif ukoll żewġ parroċċi.