Ħal Qormi (Città Pinto)

Residenzi Importanti

Print this page

Il-Loġġa ta' Pinto

Fil-ġenb tal-knisja parrokkjali ta’ San Sebastjan insibu loġġa kbira tal-ġebel li skont it-tradizzjoni il-Gran Mastru Fra Manwel Pinto de Fonseca kien joqgħod taħtha jara t-tiġrija. Il-loġġa jew Tribuna ta’ Pinto nbniet fl-1772 meta Pinto għalaq 31 sena bħala Granmastru. Din il-loġġa hija magħmula minn erba’ kolonni tal-ġebel imsaqqfin, li fuqha insibu l-arma ta’ l-istess Gran Mastru bil-kitba taħta bil-Latin li tgħid hekk: ‘Meta għalaq 31 sena Gran Mastru’. Din it-Tribuna kienet tagħmel parti minn bini kbir li sal-1981 kien hemm warajha. Dan il-bini kien użat bħala stalel għaż-żwiemel maġistrali. Wara li twaqqa’ dan il-bini l-pjazza ta’ ma ġenb l-iskola ġiet restawrata u llum jisimha l-Kortil tal-GranMastru. Fiha kull sena, fil-25 ta’ Mejju (Jum Ħal Qormi), il-Kunsill Lokali jorganizza serata mużiko-letterarja fuq l-isfond ta’ dik il-Loġġa jew Tribuna ta’ Pinto li wara restawr ieħor reċenti saret aktar minn qabel is-simboli jew ‘landmark’ ta’ Ħal Qormi.

Il-Mitħna ta’ Ħal Qormi

Il-Mitħna Maltija hija simili fl-istruttura u fit-tqassim għal dik tal-Gżejjer Balejariċi. Dan it-tixbih mhux soprpriża għaliex kien il-Granmastru Majorcan Cottoner li kien inkoraġixxa il-bini ta’ dawn l-imtieħen. Il-Mitħna tikkonsisti f’torri ċentrali li madwaru insibu numru ta’ kmamar jiffurmaw il-bażi rettangolari tal-istess mitħna. Dawn il-kmamar kienu jservu bħala post tal-ħżin tax-xogħol u post fejn tgħix il-familja li taħdem fil-Mitħna. L-apparat li bih kien isir id-dħim jinsab fil-parti ta’ fuq tat-torri. Din il-Mitħna f’Ħal Qormi ilha wieqfa għexieren ta’ snin u tinsab qrib il-bypass ta’ l-Imrieħel. Mitħna simili għal din, li tinsab Tax-Xarolla fiż-Żurrieq, kienet irrestawrata.

Il-Palazz Stagno

Kull ma’ fadal ta’ qabel is-seklu sbatax huwa l-Palazz Stagno, bini tal-1589 li skond Quentin Hughes jixbaħ xogħol kolonjali Spanjol tal-Amerika Latina. Dan il-palazz bi ġnien kbir ġie restawrat riċentiment. U l-Kunsill Lokali waqqaf plakka li tixhed l-palazz bħala l-eqedm bini. Mid-djar komuni tan-nies ma fadal xejn qabel is-seklu ħmistax. Biss nafu li l-Qriema fil-Medju Evu u fl-ewwel mitt sena ta’ ħakma tal-Ordni kienu jgħixu f’dawk l-isqaqin li nsibu wara l-Knisja ta’ San Ġorġ. L-aktar parti antika ta’ Ħal Qormi huwa fejn illum insibu t-toroq: Stagno, Dun Mario, Aloisio, San Ġorġ u il-Blata. Iżda d-djar li naraw fihom illum huma ta’ dawn l-aħħar 300 sena. F’din l-arja kienu jgħixu l-Qriema komuni filwaqt li fis-seklu tmintax il-Qriema li kien għandhom il-flus bdew jibnu d-djar kbar tagħhom quddiem il-Knisja ta’ San Ġorġ fejn illum hemm Triq il-Kbira u Pjazza San Franġisk kif ukoll toroq oħra bħal Santa Katerina u San Pietru.

Fir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni ta’ l-Antikitajiet, Leġislazzjoni Sussidjarja 445.01 tal-21 ta’ Novembru, 1932, insibu li fuq id- Distrett ta’ Ħal Qormi id-Dar f’45, Triq San Pawl, u l-Palazz Stagno Nri. 83 sa 85 fi Sqaq Nru. 3 Triq Don Mario dawn is-siti huma meqjusa bħala li jaqgħu taħt l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

Stanislaw Gatt - Id-Dar tas-Sindku

Fl-aħħar parti tas-seklu tmintax ġiet imwaqqfa s-sistema tat-tmexxija lokali. Fl-1773 il-Gran Mastru Ximenes de Texada waqqaf x’kienu d-dmirijiet tas-Sindku, Ġurati u kattapani f’kull wieħed mid-disa’ distretti ta’ Malta u Għawdex. Ħal Qormi kien jifforma l-ewwel distrett flimkien ma’ Ħal Luqa. Is-Sindku u l-Ġurati kienu responsabli mill-ordni pubbliku, piżijiet tal-ħwienet u riedu jassiguraw li kull min seta’ jaħdem ma joqgħodx jitgħażżen. Is-Sindku kien ukoll jisma’ l-kawżi fejn il-valur ma’ kienux jaqbżu l-ħames skudi. Is-sentenza tas-Sindku ta’ Ħal Qormi setgħu jiġu appellati fil-Qorti Kapitanali tal-Imdina. Fl-1777 beda jintgħażel il-Kattapan li kien inkartigat mis-saħħa u ndafa pubblika.

Din hija lista ta’ Sindki tas-seklu tmintax:

1773-1775 Gio.Batta Farrugia
1776 Emanuel Casha
1777-1780 Antonio Schembri
1781-1780 Stanislaw Gatt
1784-1791 Ħieronymus Camilleri
1792-1796 Ġużeppi Casha
1797-1798 Stanislaw Gatt

B’hekk meta bdiet ir-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiż f’Sttembru tal-1798 in-nies kienu jafu min kienu l-mexxejja lokali. Fil-fatt kien Stanislaw Gatt li mexxa l-Qriema kontra l-Franċiżi u kien jirrapreżenta l-Qriema fil-kungress Malti. Id-dar maestuża ta’ Stanislaw Gatt tinsab fi Triq Santa Katerina.