Ħaż-Żabbar (Città Hompesch)

Assoċjazzjonijiet

Print this page

Każini tal-Baned

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja, Banda San Mikiel

Imwaqqfa minn Dott. Pasquale de Lorenzo fl-1887, u magħrufa oriġinarjament bħala Societa’ San Michele, Żabbar, bl-ewwel każin tagħha f’Misraħ San Ġakbu, din il-banda mxiet ‘il quddiem u kisbet isem eċċellenti għaliha fi żminijiet diffiċli u mqallba. Sa minn meta ġiet imwaqqfa hija adottat lil San Mikiel Arkanġlu bħala l-qaddis patrun tagħha, u bil mod il-mod kisbet għarfien popolari kbir, li ġibed l-attenzjoni tal-każin l-ieħor. B’hekk twieldet il-pika. U din damet sejra tul is-snin, sal-1992, meta ġie iffirmat il-ftehim storiku bejn iż-żewġ każini li temm kull nuqqas ta’ dissens. Bħalma fil-każ tal-każin tal-banda l-ieħor, dak ta’ San Mikiel ġie mwaqqaf primarjament biex iseddaq l-imħabba għall-mużika u wkoll bħala mezz ta’ divertiment għar-raħlin.

Sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tagħha, il-banda kisbet l-aqwa kummenti dwar l-eżekuzzjonijiet mużikali tagħha, u tista’ tgħid dejjem kienet immexxija minn uħud mill-aqwa surmastrijiet Maltin, fosthom Mro Adeodato Gatt, Mro Hector Dalli u Mro Twanny Chircop. Fl-1891, il-każin mar mill-post oriġinali f’Misraħ San Ġakbu għal numru 6, Misraħ il-Prinċep ta’ Wales, u fl-1902 reġa’ għal Misraħ San Ġakbu. Bejn l-1911 u l-1920 reġa’mar f’Misraħ il-Prinċep ta’ Wales, kantuniera ma’ Sqaq Lajri; imbagħad għal numru 41 fejn jinsab il-każin tal-lum. Dan il-każin inħatt fl-1978 u reġa’ nbena bħala l-bini sabiħ u modern li hu llum. Laqgħa għal Kumitat ġdid saret f’dan il-każin fl-1980. Minn dik is-sena ‘l hemm, il-Każin tal-Banda San Mikiel żamm il-pass maż-żminijiet dejjem jinbidlu, jilgħab parti ewliena fl-okkażjonijiet kollha importanti qabel u wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ħa sehem brillanti fil-festi glorjużi tal-Inkurunazzjoni tax-Xbieha tal-Madonna tal-Grazzji fl-1951, meta bosta personalitajiet distinti, kemm ċivili u kemm ekkleżjastiċi, żaru l-każin. Ilu jiċċelebra l-festa tal-patruna tiegħu sa mill-bidu tat-twaqqif tiegħu; il-Ġimgħa ta’ qabel il-festa tar-raħal, il-banda takkumpanja l-istatwa tal-Madonna tal-Assedju b’marċi ferrieħa, u sal-1992 ħadet sehem mal-Banda Maria Mater Gratiae fil-marċ maratona tat-Te Deum lejlet il-festa. Fl-1997 il-każin bidel ismu
formalment għal Għaqda Madonna tal-Grazzja, Banda San Mikiel.

Illum il-każin huwa fulkru ta’ attivitajiet, konċentrati fl-inħawi tal-Misraħ, iżda li jinfirxu mal-lokal kollu. Jorganizza bosta attivitajiet soċjali għal numru dejjem jikber ta’ partitarji li fil-Każin tagħhom iħossuhom kuntenti u f’darhom, dejjem lesti biex jagħtu l-aħjar lill-każin, lill-banda u lil-lokal innifsu.

Il-Każin tal-Banda Maria Mater Gratiae

Imwaqqfa fl-1883 minn Francesco Saverio Briffa, is-Soċjeta’ Filarmonika Maria Mater Gratiae fil-bidu kienet magħrufa sempliċiment bħala Societa’ del Zabbar, jew il-banda tar-raħal. L-għan ewlieni tagħha kien li sseddaq l-imħabba għall-mużika u fl-istess ħin toffri divertiment tajjeb u onest lin-nies ta’ Ħaż-Żabbar li, dak iż-żmien, qajla kellhom mezz ta’ aljenazzjoni mill-ħajja iebsa ta’ kuljum. L-ewwel surmast tal-banda kien Mro Gius. Micallef, imlaqqam il-Baqrambur, u dan għadda laqmu lill-Banda, li minn dak iż-żmien baqgħet tissejjaħ komunement Tal-Baqra. Wara mewtu, fl-1914, ġew warajh numru ta’ surmastrijiet kapaċi ħafna, bħal Lorenzo Gonzi u Mro Joseph Abela Scolaro.

Il-każin, fil-parti ta’ fuq ta’ Triq is-Santwarju, mhux bogħod wisq mill-knisja, kien il-mekka ta’ dawk kollha li kienu jżommu ma’ Tal-Baqra. Infatti kellhom il-festa minuri tagħhom (il-Madonna tad-Duttrina), kienu jġorru l-istatwa tagħhom ta’ Malta nhar il-Ġimgħa ta’ qabel il-festa tar-raħal u taw l-aqwa tagħhom fil-festi kbar tal-Inkurunazzjoni tax-Xbieha tal-Madonna tal-Grazzji fl-1951. Bost nies distinti, ċivili u ekkleżjastiċi, onoraw il-Każin biż-żjajjar tagħhom: il-każin ingħata bosta rigali, unuri u gawda bosta waqtiet glorjużi, l-aktar wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Fl-1948, il-bitħa immensa tal-Każin, darba ġnien enormi, ġiet pavimentata u, wara serviet għal bosta snin bħala ċinema fil-miftuħ, magħruf bħala l-Blue Arena. Dan għalaq fl-1955, u wara ntuża għal wirjiet ta’ varjeta’, bħala teatru, għal dik il-fiera ‘l hemm u ‘l hawn, u bħala post għal riċevimenti tat-tieġ. Tul is-snin jagħmel minn kollox biex jagħti l-aħjar tiegħu, kemm mil-lat mużikali, soċjali u b’modi oħra. Ir-rivalita’ mal-każin tal-banda l-ieħor, dak ta’ San Mikiel, intemmet fl-1992, wara l-ftehim storiku li fih iż-żewġ baned ħalfu sollennement li jaħdmu flimkien għal għan wieħed. Il-każin tal-banda llum huwa l-post mhux biss għal dawk li jħobbu l-mużika, iżda għal dawk il-partitarji leali lejn il-każin innifsu, li fih jaraw qolla ta’ attivitajiet, kemm soċjali kif ukoll reliġjużi, iżda partikolarment soċjali u kompetittivi, għall-akbar ġieħ tal-każin innifsu u tan-nies ta’ Ħaż-Żabbar.

Każini Sportivi

Każin tal-Football St Patrick’s u St Patrick’s Nursery FC
Żabbar Shooting Club
Klabb tal-Boċċi Żabbar
St Peter’s Boċċi Klabb
Żabbar Amateur Racing Club
The Basketball Club