Ħaż-Żabbar (Città Hompesch)

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Ħaż-Żabbar, wieħed mill-eqdem irħula ta’ Malta, ġie mgħolli għad-dinjita’ ta’ Belt ftit aktar minn żewġ sekli ilu. Minn dak iż-żmien baqa’ magħruf ukoll bħala GRATIOSA CITTA’ HOMPESCH.

Ħaż-Żabbar huwa wieħed minn ħdax-il lokalita’ fil-Gżejjer Maltin li jgawdi legalment it-titlu ta’ ‘Belt’. Mat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’67 lokalita’ skond l-Att Dwar il-Kunsilli Lokali tal-1993, 11-il lokalita’ ġew allokati arma speċjali, dik ta’ Belt, li tagħhilhom minn bliet u rħula oħra. L-Att jipprovdi li “lokalitajiet li huma storikament magħrufa bħala bliet għandhom ikunu distinti b’marka unika fl-arma tagħhom.”

It-tlitt ibliet, il-Belt Valletta, l-Imdina u l-Birgu, darba ċentri ta’ Gvernijiet, għandhom l-arma tagħhom immuntata b’kuruni murali b’sitt gardjoli u passaġġ lewn id-deheb. It-tmint ibliet l-oħra: L-Isla (Senglea = Citta’ Invicta, c.1565); Bormla (Citta’ Cospicua, 1720); Ħal-Qormi (Citta’ Pinto, 1743); Ħaż-Żebbuġ (Citta’ Rohan, 1777); Ħaż-Żabbar (Citta’ Hompesch, 1797); iż-Żejtun (Citta’ Beland, 1797); is-Siġġiewi (Citta’ Ferdinand, 1797) u r-Rabat, Għawdex (Citta’ Vittoria, 1887) kollha għandhom l-arma tagħhom immuntata b’kuruna murali lewn id-deheb b’erba’ gardjoli u passaġġ.

L-arma ta’ Ħaż-Żabbar hija deskritta bħala dik tal-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch (17 ta’ Lulju, 1797 – 12 ta’ Ġunju 1798), b’ salib ta’ Sant’Andrija fuq sfond aħmar u ngranat bl-abjad, jew tarka ħamra b’salib ta’ Sant’Andrija bi truf ippuntati lewn il-fidda. Fuq it-tarka tidher kuruna murali lewn id-deheb b’erba’ gardjoli u passaġġ.

Prestiġju

Matul is-seklu tmintax, f’Malta, bosta rħula mdaqqsin kienu jaspiraw dejjem li raħalhom ikun mgħolli għad-dinjita’ ta’ Belt. Matul dawk iż-żminijiet, il-lokalitajiet kienu klassifikati bħala casali (rħula), terra (medda ta’ art abitata) u Citta’ (bliet). Raħal li kien jisboq popolazzjoni ta’ aktar minn 3,000 ruħ bin-numru relattiv ta’ djar kien meqjus bħala
medda ta’ art abitata, waqt li l- biċċa l-kbira mill-popolazzjoni ta’ Malta kienet tgħammar f’bost rħula, kbar u żgħar, klassifikati bħala casali.
Biex raħal żgħir jingħata t-titlu ta’ ‘Belt’ kien ikun hemm bżonn ta’ digriet mill-Gran Mastru, wara żmien twil ta’ kunsiderazzjoni. Matul is-seklu tmintax jidher li kienet saret ħaġa stabbilita għal medda art kbira abitata li titgħolla għad-dinjita’ ta’ Belt. Normalment, kienet tiġi preżentata talba lill-Gran Mastru f’isem l-abitanti, u din it-talba kienet soltu titressaq mill-Kappillan f’isem il-parruċċani, u fiha kien ikun hemm ħjiel dwar il-merti taż-żona popolata, l-importanza, il-qagħda strateġika tagħha ta’ difiża, u fatturi ġjografiċi u aspetti soċjali oħra.

Hompesch

Is-sena saltna qasira iżda tabilħaqq imqallba tal-Gan Mastru Ġermaniż Ferdinand von Hompesch kienet karatterizzata b’mod ammirevoli bir-relazzjoni demokratika ta’ aktar qarbien bejn ħakkiem u maħkuma. Hompesch, b’karriera diplomatika warajh, ħass li sħabu ma kinux lesti jgħinuh fit-taqlib li kien qed jhedded min-naħa tal-qawwiet Repubblikani fl-Ewropa.

Iż-żmien twil li qatta’ Malta, sa minn meta kellu tnax-il sena, bħala paġġ tal-Gran Mastru Pinto, u l-fatt li kien irnexxielu jitgħallem ftit il-Malti, żidulu l-popolarita’ mal-klassijiet il-baxxi. Ċertament kien qed iħejji biex jikseb għajnuna mill-Maltin f’każ ta’ ħtieġa. Ir-‘rappreżentant diplomatiku’ Franċiż f’Malta għarraf lil Bonaparti li “l-Maltin ġa kienu ddikjarawh bħala Gran Mastru u jekk Hompesch ma kienx se jkun elett kienet se tqum
rewwixta.” Bnadar u bandalori bl-istemma araldika tiegħu kienu mħejjija sa minn qabel il-mewt ta’ De Rohan u l-jum meta Hompesch laħaq Gran Mastru fis-17 ta’ Lulju 1797.

Hompesch żar monasteri u għaqdiet oħra reliġjużi, jattendi għal quddies u funzjonijiet oħra reliġjużi. Kien iwettaq bosta karita’ mal-foqra u jagħmel għotjiet ġenerużi lil kull komunita’ li kien iżur. Ma kienx jitlef okkażjoni waħda li jkun preżenti fil-festa ta’ kull raħal, jitħallat man-nies u joħloq rabta fil-qrib mal-klassijiet il-baxxi. Jingħad li min-naħa tagħhom ir-raħlin kienu jinżlu l-Belt Valletta u joqogħdu jistennew quddiem il-Palazz Maġisterjali ħalli jilmħu lis-Sultan tagħhom, li spiss kien jixħet xi muniti lill-folla li
kienet tkun qiegħda tagħtih merħba ferrieħa. L-għoti tad-dinjita’ ta’ Belt lil xi rħula kien mod ieħor kif juri l-imħabba tiegħu lejn l-abitanti. Iżda Hompesch kien spiss iżur Ħaż-Żabbar wisq qabel ma laħaq Gran Mastru.

F’Ħaż-Żabbar

Żmien qabel ma kien elett Gran Mastru, Hompesch kien spiss iżur is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji. L-Ordni ta’ San Ġwann kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Grazzji, sekli qabel ma rifes il-Gżira tagħna fl-1530. Wara li stabilixxew ruħhom il-Birgu, il-Kavallieri kienu jitilgħu jżuru s-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. Hawn kienu jiżżu ħajr lil Alla permezz tal-Madonna billi joffru ikoni żgħar impittra, lampieri tal-
fidda, kandlori kbar imżejna, biċċiet ta’ qlugħ u manetti.

Wara l-ħatra ta’ Hompesch, il-Kappillan ta’ Ħaż-Żabbar, Dun Karlu Caruana, stieden lill-Gran Mastru għall-Festa Titulari. Hompesch laqa’ t-talba mill-ewwel, u ħejja ruħu għal laqgħa bil-kif miż-Żabbarin. Malli ġriet ix-xniegħa li Hompesch kien se jżurhom bħala Gran Mastru, huma qablu li jagħtuh merħba kbira. Malli beda joqrob jum il-Festa, fl-10 ta’ Settembru 1979, it-toroq li kienu jwasslu għas-Santwarju ġew imżejna b’girlandi twal ħodor ta’ weraq tal-ħarrub u friegħi fuq lasti bi bnadar tal-Ordni u oħrajn ta’ Hompesch.

Ġie mikri Ark trijonfali tal-injam u ttalla’ fid-daħla ta’ Ħaż-Żabbar, f’salib it-toroq maż-Żejtun – Bormla u Raħal Ġdid - Ħaż-Żabbar. Dak iż-żmien, niċċa f’ġenb ta’ triq, bi statwa tal-ġebel tal-Madonna, kienet timmarka l-limiti parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar. Matul il-lejl tad-9/10 ta’ Settembru, grupp ta’ mgħallmin tas-sengħa, mimlijin ħeġġa, baqgħu jaħdmu sa kmieni filgħodu biex itellgħu u jagħtu l-aħħar irtokki lill-binja. Kienet tikkonsisti f’mina mwieżna fuq tmien kolonni. Il-figuri allegoriċi kienu jirrappreżentaw
il-Ħaqq, is-Sliem, il-Karita’ u l-Prosperita’. Fil-quċċata kien hemm imwaħħla l-istemma araldika tal-Gran Mastru u mal-ark sitt skrizzjonijiet li kienu jeżaltaw il-virtujiet ta’ Hompesch.

Is-Santwarju

Is-Santwarju ġie mżejjen u msebbaħ bl-isbaħ tiżjin u armar. L-altar maġġur, li kien għadu kif ġie miksi b’irħam rikk fuq disinn ta’ Dun Saverio Lacorte, ġie mgħammar b’sett ġdid ta’ gandlieri ndurati fuq disinn tal-iskultur Vincenzo Dimech u ieħor minn Dun Lacorte. Bejn il-gandlieri ġew imqiegħda vażuni tal-alabastru b’bukketti ta’ fjuri minsuġin bi ħjut tal-fidda, deheb u ħarir, maħdumin b’ reqqa u delikatezza kbira.

L-iskultura tqila barokka fil-ġebel madwar it-titular ta’ Alessio Erardi, kienet għadha kif tlestiet fi ftit żmien ftit qabel. Il-ħitan tas-Santwarju ġew imżejna b’għadd kbir ta’ pitturi votivi li kienu juru ħarbiet mirakolużi u sopravivenza minn battalji, maltempati u diżgrazzji. Kien hemm ukoll trofej tal-gwerra, bċejjeċ ta’ qlugħ imqatta’, xpruni tal-ħadid tax-xwieni u mudelli ta’ galjuni li ġew mogħtija minn baħħara u kavallieri bħala ħajr għal grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Grazzji.

Kull spazju li seta’ jintuża ġie miksi bid-damask aħmar li kien miġjub mill-knisja ta’ San Filippu fl-Isla. L-istatwa tal-Madonna tal-Grazzji, kapolavur ta’ Mariano Gerada, twaqqfet fuq bradella tal-kawba ħdejn il-pilastru ewlieni tal-lemin.

Fuq in-naħa tax-xellug tal-altar maġġur ġie mwaqqaf tron miksi b’damask aħmar tal-ħarir, magħmul minn Saver Pavia, li kien jaħdem il-Palazz. Ġie mħejji bosta logħob tan-nar, musketterija u murtali għalmeta Hompesch kellu jinżel mill-karozzella tiegħu u jitla’ t-taraġ taz-zuntier.

Il-Mina ta’ Hompesch

Il-ġrajjiet importanti u mqallba li seħħew wara xulxin bejn is-snin 1797 u 1798 impedew liċ-ċittadini ta’ Citta’ Hompesch milli jwaqqfu mafkar xieraq lill-Gran Mastru Hompesch. Dun Caruana dejjem kellu l-ħsieb li mal-ewwel opportunita’ jaqta’ x-xewqa tal-parruċċani.

Ħaż-Żabbar, aktar minn lokalitajiet oħra f’Malta, kien fuq quddiem fir-rewwixta kontra l-Franċiżi u t-taqbida ta’ sentejn (1798-1800) impediet liż-Żabbarin milli jibnu dan il-mafkar.

Waqt li l-ħsarat li ġarrab is-Santwarju matul it-taqbid kienu qed jiġu msewwija, il-Kappillan Caruana qatagħha li jibni ark trijonfali fil-ġebel f’ġieħ Hompesch.

Bejn is-7 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru, 1801, żewġ mgħallmin tal-bini mgħejjunin minn sitt naġġara u naqqaxa, kienu qegħdin isewwu l-kampnar tal-lemin tas-Santwarju, li kien ġarrab ħsarat mhux ħażin mill-balal tal-kanuni Franċiżi, sparati minn wara s-swar tal-Cottonera matul il-kampanja kontra l-Franċiżi. Wara, Dun Caruana beda jibni l-mina ta’ Hompesch. Fid-disinn tal-mina kienet evitata kull referenza għall-Gran Mastru, billi ż-żmien kien wieħed kritiku u sensittiv f’dan ir-rigward. Stemma araldika, li kienet iġġorr fuqha trofej tal-gwerra u bnadar kienet maħsuba li titqiegħed fi-quċċata tal-Mina. Studju bir-reqqa tal-filati ta’ fuq tal-Mina juru biċ-ċar li l-iskultura dekorattiva ġa kienet bdiet tinħadem.
Bokka ta’ kanun ukoll kienet bdiet tinħadem, imma deher li x-xogħol kien twaqqaf ħesrem.

Isem il-Gran Mastru Hompesch baqa’ ħaj l-aktar minħabba li ta lil Ħaż-Żabbar it-titlu ta’ Citta’ Hompesch.

Meta ġew żminijiet agħar u ttantaw itappnu isem dan il-Gran Mastru, Ħaż-Żabbar kompla jżomm u jirrispetta r-rabta tiegħu ma’ dan l-aħħar Gran Mastru tal-Ordni f’Malta. Issemmew għalih toroq, każini, u saħansitra teatru u ċinema ssemmew Hompesch. Dokumenti uffiċjali kienu jirreferu għal Ħaż-Żabbar bħala Civitas Hompesch. Fl-1993 il-Kunsill Ċiviku lokali waqqaf l-uniku mafkar lil dan il-Gran Mastru, li RI RI uriet li ma kienx il-ġifa impinġi minn kittieba preġudikati, imma diplomatiku għaqli, amministratur effiċjenti u tabilħaqq bniedem reliġjuż.

L-istorja ta’ Ħaż-Żabbar ma bdietx b’Hompesch, lanqas ma ntemmet mat-tluq tiegħu minn Ħaż-Żabbar. Ħaż-Żabbar kellu għeruqu fil-preistorja u firex fergħatu matul is-sekli li ġew wara sas-seklu wieħed u għoxrin, dejjem jagħti sehmu lejn il-progress tal-Għejjer maħbubin tagħna.


Photo Gallery