Ħaż-Żabbar (Città Hompesch)

Knejjes

Print this page


Is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji, Triq is-Santwarju, Ħaż-Żabbar

Fit-23 ta’ Diċembru 1615, ir-raħlin għamlu talba lill-Isqof Cagliares biex jagħmel lil Ħaż-Żabbar parroċċa. It-talba ġiet milqugħa, u fl-10 ta’ Jannar, 1615, Dun Angelo Pontremoli ħa l-pussess bħala l-ewwel Kappillan ta’ Ħaż-Żabbar.

Dak iż-żmien, il-viċi-parroċċa tar-raħal kienet dik ta’ San Ġakbu, knisja mdaqqsa frekwentata ħafna min-nies tal-lokal; iżda l-għażla ta’ parroċċa waqgħet fuq il-kappella ċkejkna dedikata lill-Madonna tal-Grazzji. Dan kien dovut għad-devozzjoni qawwija li dan il-maqdes kien ħa ilu jiġbed lejh sa mill-bidunett tat-twaqqif tiegħu bħala kappella umli dedikata lill-Omm tal-Grazzji.

Maż-żmien il-kappella bidet tinbidel. Il-bini attwali beda fl-1 ta’ Mejju 1641, fuq pjanta tal-arkitett magħruf Tumas Dingli, li l-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Franġisk Piscopo, kien ħerqan li jara titwettaq. Ix-xogħol intemm għall-ħabta tal-1696. Mal-milja taż-żmien, ir-raħlin talbu li l-faċċata, ma’ karatteristiċi strutturali oħra, tkun mibdula. L-Arċipriet Ġanni Bonavia daħal fix-xena. Bonavia, li kien joqgħod Ħaż-Żabbar, fassal il-pjanta meħtieġa, u fl-1738 beda x-xogħol fuq il-faċċata ġdida u l-bini ta’ żewġ kampnari. Meta x-xogħol kien lest, fl-1742, fil-knisja sar tibdil ieħor strutturali – il-parti ta’ ġewwa tal-faċċata, is-sotterran għad-dfin u l-paviment tal-irħam.

Fl-1911 il-knisja kompliet titkabbar biż-żieda ta’ sitt navi, tlieta fuq kull naħa. Ftit taż-żmien wara, arloġġ li kien idoqq l-Ave Maria ġie mqiegħed fil-kampnar tal-lemin. Fi-2 ta’ Settembru, il-koppla maestuża li hemm illum, li turi t-Tmien Beatitudni, ħadet post dik iżgħar ta’ qabilha, li minħabba terremot u d-daqqiet bla waqfien waqt l-attakki mit-truppi Franċiżi, kienet ġarrbet ħsarat kbar, kienet saret perikoluża u ġiet maħtuta. Il-koppla l-ġdida nbniet fuq pjanta tal-Perit Gius. Pace u l-bini kien sorveljat minn Dun Franġisk Sciberras.

Il-knisja hija mibnija f’għamla ta’ salib Latin u mdaqqsa mhux ħażin. Fiha kor, żewġ kappelluni kbar, korsija u żewġ sagristiji. Fiha tul ta’ 47 metru u wiesgħa 32.4 metru, waqt li l-korsija hija twila 8 metri. Hija mibnija fuq il-pjanta Korinta. Waqt maltempata qalila fl-1902, sajjetta laqtet wieħed mill-kampnari u ġarrfet parti minnu. Fost il-qniepen li wieħed isib fil- kampnari, hemm dik maġġura maħduma fl-1891 mill-funditur Ġulju Cauchi, li swiet £380. Minbarra din il-qanpiena, Cauchi ħadem tnejn oħra. Minn ġewwa, il-ġmiel tal-knisja huwa xi ħaġa li tpaxxi l-għajn: irħam, deheb, kristall jilma, linef u pitturi mill-isbaħ maħdumin minn bosta artisti magħrufa u ta’ ħila, bħal Francesco Zahra, Gius. Caruana, Nicola Buhagiar, Alessio Erardi (it-titular) u Gio. Battista Conti (il-Via Sagra unika). Imbagħad hemm l-orgni maestuż u l-istatwa stupenda tal-Madonna tal-
Grazzji, xogħol Mariano Gerada.

Is-Santwarju preżenti f’ Ħaż-Żabbar mexa l’ quddiem sew mill-jiem imbiegħda meta kien daqsxejn ta’ kappella mdawwar minn wesgħat kbar ta’ raba’ għammiel. L-affarjiet inbidlu; u hekk dik il-kappella umli. Illum tħares imponenti fuq Triq is-Santwarju, mibdula għal kollox, iżżomm għajn dejjiema fuq villaġġ għadu sħiħ fil-kultura Kristjana; post li ż-Żabbarin bla dubju jgħożżu b’għira u mħabba kbira, għall-akbar glorja
t’Alla u tal-Omm Imqaddsa tal-Grazzji.

Il-Knisja tas-Salib Imqaddes

F’dawn l-aħħar snin, il-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar kibret b’mod stabbli, u issa qed toqrob għal 15,000 ruħ. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li jitwaqqfu varji żoni parrokkjali għall-ħtiġijiet pastorali u spiritwali tal-parruċċani.

Żewġ kappelli żgħar u umli, imissu ma’ xulxin, mibnijin fis-seklu 15, kienu dedikati lil Santa Duminka u lil Sant’Andrija. Kienu jaqdu l-ħtiġijiet spiritwali ta’ dawk ir-raħlin li kienu jgħixu maqtugħin għalihom fiż-żona, li kienet magħrufa bħala Rindieghi, u bogħod sewwa mill-kappella tal-Madonna tal-Grazzji. Maż-żmien, dawn il-kappelli sabu ruħhom imdawrin minn għadd kbir ta’ djar li nbnew tul it-triq li tieħu għall-Kalkara.

Iżda l-popolazzjoni kompliet tikber. Dawn il-kappelli, għal żmien twil taħt il-ħarsien spiritwali ta’ Dun Ġwann Tabone, qdew mill-aħjar li setgħu il-ħtiġijiet spiritwali tal-inħawi. Fuq firxa art kbira, li kienet parti minn benefikat qadim ta’ Santa Duminka, inbniet knisja ġdida fuq pjanta tal-Perit Vincent Buhagiar, biċċa xogħol li twettqet fi żmien għaxar snin, u li kienet possibbli ħajr għall-impenn ta’ għadd ta’ bennejja voluntiera u bosta oħrajn li taw daqqa t’id, kif ukoll donazzjonijiet mill-parroċċa.

Fl-20 ta’ Mejju 1989, l-Arċisqof Mercieca qiegħed u bierek l-ewwel ġebla u ddedika l-knisja lis-Salib Imqaddes. Ġiet konsagrata mill-istess Mons. Mercieca fit-22 ta’ Mejju 1999, taħt il-kruċifiss maestuż tal-iskultur Anton Agius.

Il-knisja tesa’ madwar 700; hija moderna, imdawla, wiegħsa u tinsab f’post ċentrali, b’faċċata sempliċi iżda imponenti.

Illum hija taqdi l-għan pastorali sħiħ ta’ bosta gruppi religjużi u lajċi fil-lokal, iżda l-aktar tal-popolazzjoni dejjem tiżdied madwarha, il-biċċa l-kbira magħmula minn familji ġodda.

Il-Knisja tas-Salib Imqaddes hija l-aktar riċenti minn sensiela ta’ knejjes u kappelli żgħar mibnija ma’ Ħaż-Żabbar kollu tul is-snin. Hija mibnija speċifikament biex taqdi l-ħtiġijiet tan-Nisrani modern, iżda bl-istess skop warajha: il-glorifikazzjoni t’Alla l-Missier u t-tixrid tat-tagħlim ta’ Kristu.