Ix-Xewkija

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Fl-1678 ix-Xewkija saret l-ewwel ħâra f'Għawdex li ngħata l-istat ta' raħal.  Dan seħħ meta x-Xewkija saret l-ewwel parroċċa.  F'dak iz-zmien f'Għawdex, id-distrett tax-Xewkija kellu l-akbar popolazzjoni.

L-isem ix-Xewkija oriġina mill-kelma semitika xewk u dan juri li fl-inħawi kien hemm ħafna xewk.  Hemm tipi diferenti ta' xewk f'Għawdex.  L-iktar komuni fil-medda t'art madwar ix-Xewkija huwa s-sajtun, Carlina involucrata.  Is-sajtun jingħaraf mill-fjura tiegħu li fix-xemx jidher qisu raġġi tad-deheb.  Dan ix-xewk kien jintuża mill-furnara tal-gzira biex isaħħnu l-fran tagħhom.  F'Għawdex jissejjaħ ukoll xewk tal-griedel peress li jintuza wkoll min-nassaba biex jaħbu x-xbieki tagħhom.

L-ewwel isem dokumentat kien 'xeukie' li nstab f'att notarili tad-9 ta' Marzu 1487 rreġistrat min-Nutar Joannes Sabbata (Arkivji Notarili, Valletta, R 494/1).  In-nutar jjirreferi għall-post bħala 'territorium', dan juri li l-isem kien diġa jirreferi għal medda ta' art kbira.

Il-konfini tax-Xewkija jestendu mit-Taflija, fin-nofinhar tar-Rabat; Tal-Ħamrija, fejn insibu l-Qasam Industrijali t'Għawdex; Tal-Imgħajjen, fit-triq li mir-Rabat Citta' Vittorja tagħti għall-Imġarr; Ta' Ħamet, fit-triq li mir-Rabat tagħti għan-Nadur; Tal-Barmil, fejn insibu ċ-Ċentru għal Għawdex tal-Universita ta' Malta; Tal-Ħniena li ħa l-isem mill-kappella li nsibu fl-inħawi; Ta' Lambert, fejn insibu l-Gozo Heliport; Ta' Ġorgun wara l-knisja tar-raħal; u Ta' Tinġi fejn ix-Xewkija hija mifruda mir-rahal ta' Sannat bil-Wied Mġarr ix-Xini u Wied Ta' Ħanzira.

In-nies tax-Xewkija huma magħrufa bħala Xewkin jew Xwieki.  Raġel insejħulu x-Xewki u mara nsejħula x-Xewkija, għad li din tal-aħħar ma tantx tintuza.