Ix-Xewkija

Dħul

Print this page

  Ix-Xewkija

It-tempju preistoriku fix-Xewkija, li ssemma’ għall-ewwel darba minn Ġann Franġisk Abela, jagħtina x’nifhmu li kien hemm ċerta attività fl-inħawi u jista’ jkun li l-post kien abitat sa minn żminijiet bikrija. Skavi li saru fl-1907 mill-arkeologu Patri Manwel Magri fl-għelieqi fuq il-Lvant tal-knisja parrokkjali jikkonfermaw li l-inħawi kienu abitati sa minn żminijiet Neolitiċi.

Madwar 700QK, Malta u Għawdex kienu kkolonizzati mill-Feniċi, u aktar tard mid-dixxendenti tagħhom, il-Kartaġiniżi. Diversi oġġetti Puniċi nstabu fil-limiti tax-Xewkija, f’Tal-Morob.

Ir-Rumani ġew f’dawn il-gżejjer fis-sena 218 QK, fil-bidu tat-Tieni Gwerra Punika, u għamlu lil Għawdex bħala municipium indipendenti minn Malta. Ir-Rumani bidlu ċ-Ċittadella fl-akropolis tagħhom u żviluppat belt taħt il-ħitan tagħha. L-inħawi tax-Xewkija kienu żgur abitati fi żmien ir-Rumani. Il-post kien probabbilment dominat minn villa Rumana tat-tip Rustiku, villa maħsuba għall-ħidma fl-industrija tal-agrikoltura, speċjalment l-għasir taż-żebbuġa.

Fis-sena 535 AD, dawn il-gżejjer għaddew taħt idejn il-Biżantini, sakemm fis-sena 870 AD, Għarab Għaglabidi attakaw lil Malta u ħallew dawn il-gżejjer mingħajr nies. Madwar 1045, grupp ta’ Sarċini ġew minn Sqallija u reġgħu kkolonizzaw il-gżejjer. L-isem tal-post ‘Xewkija’ ingħata ftit wara. Fl-1090, in-Normann Konti Ruġġieru stabbilixxa titlu fuq Malta, li aktar tard għaddew f’idejn l-Isvevi (1194), l-Anġovini (1266), u l-Aragoniżi (1282). F’daż-żmien il-gżejjer kienu ggvernati minn sensiela ta’ sidien fewdali. L-importanza ta’ dawn il-mexxejja fewdali naqset xi ftit madwar 1350, meta Għawdex u Malta kienu inklużi fid-demanju rjali. Gvern lokali magħruf bħala l-Università ta’ Għawdex kien kostitwit biex jamministra l-interessi lokali.

Forsi kien l-iżvilupp tal-kummerċ li wassal biex żviluppaw abitazzjonijiet fl-inħawi tax-Xewkija. Dan l-iżvilupp kien kienet dokumentat fl-1487. L-isem issemma’ l-ewwel darba bħala Xeukie, bħala att notarili rreġistrat min-Nutar Joannes Sabbara, u jirreferi għall-post bħala firxa kbira ta’ art. Minkejja dan, il-ħafna attakki kontinwi tal-furbani li kienu jidħlu mill-portijiet tal-Imġarr u l-Imġarr ix-Xini biex jisirqu u jġorru lil min isibu lsir għamlu l-post perikoluż.

Għawdex tista’ tgħid li spiċċa diżabitat għax il-popolazzjoni kollha ta’ madwar 5000 inħatfu bħala lsira anke wara li ġiet l-Ordni ta’ San Ġwann. Aktar tard matul il-preżenza tal-Ordni, iċ-Ċittadella reġgħet inbniet bil-mod u Għawdex beda għal darba oħra ġej ‘il quddiem. L-aktar li żviluppa reġgħa kien il-post tax-Xewkija. Sal-1607, meta nbena t-Torri Garzes fuq l-għolja li tħares il-port tal-Imġarr, ix-Xewkija sar post ta’ aktar sigurtà . Din is-sigurtà ssaħħet fl-1661 meta torri ieħor inbena fid-daħla ta’ Mġarr ix-Xini. Din is-sigurta wasslet għal żieda fil-popolazzjoni, u x-Xewkija saret parroċċa fl-1678. Aktar tard, il-Kavalier Giovanni Gourgion bena residenza fortifikata tiegħu fil-kampanja tal-inħawi, magħrufa bħala t-Torri ta’ Gourgion. Meta tlestiet fl-1689 biex saret wieħed mill-aktar bini imponenti fix-Xewkija, dan il-palazz fortifikat sar post li jidher minn kullimkien għal żewġ sekli u nofs meta twaqqa’ fl-1943 biex jagħmel post għal mitjar.

It-tmexxija tal-Kavalieri ntemmet fl-10 ta’ Ġunju 1798, meta l-Franċiżi, taħt il-Ġeneral Bonaparti, okkupa Malta u Għawdex. L-abitanti tax-Xewkija ġrew għall-kenn tal-Forti Chambray, iżda kellhom iċedu għax il-Kavalieri ma offrew l-ebda reżistenza. Matul l-amministrazzjoni Franċiża x-Xewkija kienet tagħmel parti mill-hekk imsejħa Muniċipalità tal-Belt ta’ Għawdex, li kienet tinkludi wkoll iċ-Ċittadella u r-Rabat Citta' Vittorja, l-Għarb u Ta’ Sannat. Fit-2 ta’ Settembru, il-Maltin u l-Għawdxin qamu kontra l-Franċiżi, li tkeċċew minn Għawdex fit-28 ta’ Ottubru 1798. L-Ingliżi li ġew warajhom gradwalment bidlu dawn il-gżejjer f’kolonja fortizza. Ir-reżistenza tal-Ingliżi u l-Maltin waqt il-bombardamenti tal-Forzi tal-Assi matul l-aħħar gwerra hija leġġendarja. Bejn l-1940 u l-1942, tħaffru mat-tmintax-il xelter fix-Xewkija.

Meta l-Gżejjer Maltin ħadu l-Indipendenza fl-1964 u adottaw kostituzzjoni ta’ Repubblika fl-1974, Għawdex ġie ggvernat bħal kull post ieħor f’Malta. Il-funzjonijiet eżekuttivi tal-Gvern ċentrali jitmexxew permezz tal-Ministeru għal Għawdex, li ġie stabbilit fl-14 ta’ Mejju 1987. Minn meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali fl-1993, ix-Xewkija tellgħet il-kunsill lokali tagħha.

Skond iċ-ċensiment li ttieħed fis-26 ta’ Novembru 1995, il-popolazzjoni tax-Xewkija kibret għal 3128.

                
View Larger Map