Iż-Żurrieq

Ġemellaġġi

Print this page

Ġemellaġġi taż-Żurrieq

Żurrieq u Borgo Maggiore

L-ewwel inizzjattiva sabiex jifforma dan il-ġemellaġġ kienet ittieħdet mis-Sindku, Joe Cassar, wara li ltaqa’ ma’ membru tal-Giunta di Borgo Maggiore, Repubblika ta’ San Marino. Wara li kien hemm kunsens sabiex din titkompla, l-ewwel żjara saret minn delegazzjoni minn Borgo Maggiore immexxija mis-Sindku tagħhom, Capitano di Castello, Orazio Pignatta. Din il-laqgħa kienet suċċess kbir u ż-żewġ naħat iddeċidew li jippromwovu l-ġemellaġġ. F’Ottubru s-Sindku Joe Cassar mexxa delegazzjoni Żurrieqija sabiex tkun reċiprokata din iż-żjara u jibdew l-aħħar irtokki sabiex iseħħ il-ġemellaġġ.
F’Ġunju 2000, delegazzjoni ppreseduta mill-Capitano di Castello (Sindku) ta’ Borgo Maggiore, San Marino ġiet iż-Żurrieq sabiex tiffirma l-ftehim tal-ġemellaġġ. Il-ġemellaġġ taż-żewġ lokalitajiet kien uffiċċjalizzat mis-Sindku taż-Żurrieq, is-Sur Joe Cassar, u l-Capitano di Castello ta’ Borgo Maggiore, is-Sur Pier Orazio Pignatta, fl-1 ta’ Ġunju 2000, Jum iż-Żurrieq, permezz tal-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta’ ġemellaġġ li tenfasizza ħbiberija reċiproka u kollaborazzjoni bejn iż-żewġ komunitjiet. F’Settembru 2001, delegazzjoni Maltija magħmula mill-membri kollha tal-Kunsill marru Borgo Maggiore sabiex jirreċiprokaw u l-proċess ta’ ġemellaġġ ġie ffinalizzat f’Borgo Maggiore fit-18 ta’ Settembru 2001 mill-Capitano di Castello ta’ Borgo Maggiore, is-Sur Pier Orazio Pignatta u s-Sindku taż-Żurrieq, is-Sinjura Antonia Farrugia.

Żurrieq u Morphou

Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-Muniċipalità ta’ Morphou, Repubblika ta’ Ċipru, għandhom ġemellaġġ għal kawża speċjali. Il-komunità ta’ Morphou kienet sfurzata teżilja artha għaliex dik il-parti ta’ Ċipru ġiet invaduta mit-Turkija. Il-komunità taż-Żurrieq tappoġġja bis-sħiħ id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ Morphou li jerġa jikseb artu. Il-ftehim ta’ ġemellaġġ kien iffirmat f’Ċipru fis-7 t’Ottubru 2000 mill-Viċi Sindku taż-Żurrieq ta’ dak iż-żmien, is-Sinjura Antonia Farrugia.

Żurrieq u Angermunde

Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ħass l-importanza li jsaħħaħ l-għaqda bejn iż-Żurrieq u l-Belt ta’ Angermunde, fil-Ġermanja, wara li ċerti inizzjattivi ttieħdu sabiex jikkollaboraw f’affarijiet tal-UE u proġetti ta’ skambji mal-ABW (ċentru ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ fil-qasam tax-xogħlijiet).
Angermunde tinsab fi Brandenburg, wieħed mis-sittax-il stat tal-Ġermanja. Hija biss 70km ‘l fuq minn Berlin. Hija belt rurali żgħira fil-parti tal-lvant tal-Ġermanja, fejn il-gwerra ma ħallietx ħafna ħsara. L-oriġni ta’ din il-belt imorru lura sal-1233AD, u ħafna elementi ta’ dawk iż-żminijiet għadhom viżibbli.
Kien sar seminar dwar l-isport f’Angermunde f’Settembru 2004, fejn fih ipparteċipaw 13-il persuna, 10 minnhom żgħażagħ, f’seminar u avvenimenti sportivi. Iż-żgħażagħ taż-Żurrieq ħadu l-ewwel post fil-volibol, l-aqwa plejer fil-volibol, u t-tieni fil-futbol, dan kollu bejn 6 pajjiżi. Minn din l-istorja ta’ suċċess ġew magħmula aktar kuntatti u seħħew proġetti oħra.
F’okkażżjonijiet varji matul dawn is-snin, delegazzjonijiet iltaqgħu bi preparazzjoni għall-ftehim fuq it-termini ta’ referenza għall-iffirmar ta’ ġemellaġġ, u fit-2 ta’ Settembru 2007 delegazzjoni minn Angermunde ġiet ġewwa ż-Żurrieq u s-Sur Volkhard Maas , responsabbli mill-ġemellaġġi fil-Parlament Lokali ta’ Angermunde, u s-Sindku taż-Żurrieq, is-Sur Ignatius Farrugia, ffirmaw l-ewwel pass għat-tisħiħ tar-relazzjoni diġa tajba sew bejn iż-żewġ lokalitajiet. Fis-26 ta’ Jannar 2008 delegazzjoni miż-Żurrieq marret Angermunde fejn is-Sindku ta’ Angermunde, is-Sur Krakow, u l-Kunsillier Żurrieqi Mario Ellul iffirmaw sabiex jirreċiprokaw u jiffinalizzaw il-proċess ta’ ġemellaġġ.

Photo Gallery