Iż-Żurrieq

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Populazzjoni

Fl-1530, il-populazzjoni kienet tgħodd għal 2,000 ruħ f’400 dar. Din kompliet tikber sa żmienna fejn insibu popolazzjoni ta’ madwar 10,000 ruħ li joqogħdu fil-belt proprja taż-Żurrieq.

Il-Knisja Parrokkjali
Il-knisja parrokkjali ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra nbniet fuq kappella oħra li kien hemm fl-istess post fl-1436 mill-Mons. De Mello. Il-knisja li hemm illum hija dik mibnija fuq il-post ta’ żewġ kappelli oħra ħdejn xulxin – waħda ddedikata lil Santa Katerina kif semmejna, u l-oħra ddedikata lil San Pietru. Il-knisja preżenti nbniet bejn l-1634 l-1659 fuq pjanta tal-perit Lorenzo Gafà. Ġewwa nsibu sitt pitturi ta’ Mattia Preti. Qabel it-titular li hemm issa kien hemm ieħor ta’ Matteo Perez D’Alecio, li llum jinsab fil-kjostru tal-knisja.

Hemm pitturi oħrajn magħmulin minn artisti magħrufa bħal Luca Garnieri, Franġisku Zahra, Raffael Bonnici Calì u Alfred Camilleri Cauchi.

Fil-periferija taż-Żurrieq magħrufa bħala Ħal Millieri, wieħed jista’ jsib żewġ kappelli oħra, waħda minnhom tmur lura sa żminijiet medjevali b’affreski interessanti.

Arkeologija
Iż-Żurrieq huwa post ta’ diversi fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura għal diversi perjodi tal-istorja ta’ Malta. Instabu oqbra Feniċi fl-art magħrufa bħala "Ta' Danieri " limiti ta’ "Tal-Ħlewwa". Fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Bakkari, instabu fdalijiet ta’ kappella, mibnija fuq fdalijiet oħra ta’ dak li seta’ kien maqdes Ruman. Ftit metri ‘l bogħod hemm fdalijiet ta’ wieħed mit-torrijiet li jirreferu għalih bħala it-'Torri tal-Bakkari', mibni bl-istess tip u daqs ta’ ġebla bħal dik misjuba fil-fdalijiet tal-kappella.

Ħdejn il-mitħna tax-Xarolla nstabu oqbra Paleo-Kristjani u qed jiġu skavati. F’dawn l-oqbra hemm elementi arkitettoniċi interessanti li rari jinstabu f’oqbra oħra madwar il-gżira.


Tax-Xarolla Windmill
Il-mitħna tax-Xarolla nbniet fuq ordni tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena fl-1724. Fl-1992 ġiet restawrata sa kemm ġiet taħdem kif kienet oriġinarjament u issa ġiet l-unika mitħna tar-riħ li tiffunzjona f’Malta u Għawdex. Fl-2000, dan il-bini għadda f’idejn il-Kunsill Lokali Żurrieq u qed jiġi amministrat minnu. Il-lok huwa maħsub biex iservi wkoll bħala ċentru kulturali.

Palazzi
Il-palazz tan-Nigret inbena fl-1715 mill-Kav. Giacobo de Togores. Illum il-palazz iservi bħala kunvent u orfanatrofju mmexxi mis-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù. Palazz ieħor jinsab fiż-żona ta’ Bubaqra u jinsab f’idejn il-privat.


L-Armerija
Il-palazz tal-Armerija nbena fis-sbatax-il seklu u kien jintuża fi żmien il-Gran Mastri Pinto, Ximenes u de Rohan. Jingħad li Napuljun Bonaparti żgħar il-villaġġ u għadda lejl f’dal-palazz.

It-Torri tal-Wardija
Dan it-torri huwa wieħed minn tlettax-il torri li jgħassu l-kosta madwar il-gżira, mibni mill-Gran Mastru Martino De Redin matul l-1659.


Difiża
L-ewwel postijiet ta’ difiża li nsibu fiż-Żurrieq huma torrijiet ta’ żmien ir-Rumani. Il-ħsieb kien li jkun hemm sistema ta’ allarm minn kmieni għall-belt kapitali Melita, illum magħrufa bħala l-Imdina u partijiet mir-Rabat. Dawn it-torrijiet kienu jkopru nħawi li jwasslu għall-belt ewlenija min-naħa tan-Nofsinhar. Hawn tal-anqas żewġ torrijiet tondi ta’ żmien ir-Rumani fl-inħawi, Ta' Ġawhar, Tal-Baqqari u Tat-Torrijiet, limiti taż-Żurrieq.

Fortifikazzjonijiet oħra ta’ difiża nbnew fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.