Iż-Żurrieq

Knejjes

Print this page

Knejjes taż-Żurrieq

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina

Il-knisja parrokkjali hi ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra, u l-bini preżenti huwa wkoll wieħed mill-aktar imżejnin taż-żona. Diġa knisja parrokkjali fl-1436, din kienet ġiet imkabbra wara ftit, sakemm fis-seklu 17 in-nies tal-parroċċa taw bidu għal programm sabiex tinbena knisja bil-wisq akbar. Kien hemm ukoll estensjonijiet u żidiet fis-sagristija, filwaqt li żewġ kampnari ġew miżjuda mal-bini oriġinali.

Il-pitturi varji li jżejnu l-knisja huma wkoll fost l-aqwa biċċiet ta’ arti li hawn fil-Gżejjer Maltin. Il-fatt li l-pittur Taljan, Mattia Preti, għażel li jkollu dar fir-raħal, irriżulta ta’ benefiċċju għall-knisja parrokkjali, għaliex ġiet imżejna b’mod impekkabli minn dan l-istess artist. Fil-fatt, din il-knisja parrokkjali fiha madwar sitt kwadri ta’ dan il-bniedem Taljan ta’ ħila kbira li oriġinarjament kien mistieden hawn Malta sabiex iżejjen is-saqaf tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. L-aktar importanti hija mingħajr dubju l-pittura titulari.

L-istess knisja għandha wkoll xogħlijiet ta’ arti oħra minn artisti oħra, kemm barranin kif ukoll lokali. Hemm ukoll żewġ statwi tal-purċissjoni tajbin ħafna, it-tnejn li huma x-xogħol ta’ ħaddiema Maltin. Waħda turi lil Santa Katerina ta’ Lixandra, il-qaddisa patruna. Din hija x-xogħol ta’ Marjanu Gerada. Imbagħad hemm l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, xogħol Salvu Psaila.
Kappelli Oħra

Fir-raħal wieħed jista’ jara għadd kbir ta’ kappelli ta’ daqs u importanza differenti. Il-Kappella tal-Immakulata Kunċizzjoni hija waħda minn dawn il-kappelli li kienet reġgħet inbniet fuq l-inizjattiva ta’ membru tal-Ordni ta’ San Ġwann, ċoè Fra J Togores de Valemuola, membru tal-Lingwa Aragoniża. Huwa wkoll interessanti li wieħed jinnota li din il-kappella kienet mibnija mwaħħla mal-Palazz Togores, wisq probabbli r-residenza privata tal-istess Kavallier. Kappella oħra hija dik iddedikata lil San Ġakbu. Oriġinarjament kien hemm żewġ kappelli fiż-żona, iżda meta fis-seklu 18 kien deċiż li jerġgħu jinbnew, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li tinbena biss kappella waħda.

Ftit ‘il bogħod miċ-ċentru tar-raħal ewlieni hemm żewġ hamlets oħra, Bubaqra u n-Nigret. Il-knisja li sservi l-ħtiġijiet ta’ Bubaqra hija ddedikata lill-Madonna. Oriġinarjament kien hemm żewġ kappelli fiż-żona ddedikati lil Santu Rokku u San Bastjan. Wara l-pesta tal-1676 il-kappelli kienu reġgħu nbnew bħala struttura waħda, u d-dedika nbidlet għall-waħda preżenti. Matul is-sittinijiet il-kappella saret wisq żgħira sabiex isservi l-komunità lokali, u fuq l-inizjattiva tal-qassis Dun Salv Formosa l-kappella ġiet imkabbra u ġie miżjud xi bini maġenba. Huwa ta’ min jinnota li waħda mill-pitturi f’din il-kappella żgħira hija dik ta’ Santu Rokku, magħmula fl-1599. L-artist, Giovanni Battista Riccio, kien hawn Malta waqt il-pesta tal-1592-3 u kien irnexxielu jibqa’ ħaj. Din il-pittura hija offerta votiva. Fl-istess hamlet ta’ Bubaqra hemm ukoll iċ-ċimiterju taż-Żurrieq. Il-kappella li hemm fih hija ddedikata lil San Leo. Hemm pittura ġo din il-kappella li jgħidu li kienet ġo kappella żgħira li kienet fuq il-gżira ċkejkna ta’ Filfla. Wara li din tal-aħħar kienet dekonsagrata il-biċċa ta’ fuq l-altar ġiet trasferita għal ġo din il-kappella.

Hamlet oħra li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni taż-Żurrieq hija dik ta’ Ħal Millieri. Illum il-ġurnata dan ir-raħal jeżisti biss bħala isem, iżda għad hemm żewġ kappelli wieqfa u saru varji skavi u studji li permezz tagħhom għandna ħafna informazzjoni rigward din il-hamlet partikolari. Waħda mill-kappelli li għad hemm illum hija ddedikata lil San Ġwann Evanġelista. Quddiem din l-istess kappella hemm salib tal-ġebel, xena raħlija tipika li tista’ tiġi ammirata biss fi ftit irħula madwar il-gżira. Fil-qrib hemm kappella oħra li qegħda mdawra b’ħajt, li jiġbor ukoll il-fdalijiet ta’ kappella oħra, illum kompletament imġarrfa. Il-kappella li hija ddedikata lil-Lunzjata hija magħrufa sew għaliex numru ta’ pitturi kienu nstabu mal-ħitan tal-ġnub tagħha, li affermaw l-eżistenza ta’ attività artistika interessanti matul is-seklu 15. Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq qiegħed preżentament jaħdem fuq pjan ta’ riabilitazzjoni għaż-żona ta’ Ħal Millieri.

Aktar informazzjoni dwar Knejjes Żgħar u Kappelli


Fiż-Żurrieq wieħed isib għadd ta’ knejjes żgħar u kappelli li huma wkoll ta’ interess storiku. Ftit minn dawn huma :

Il-Kunċizzjoni
Maġenb il-Palazz tan-Nigret hemm knisja żgħira ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni li kienet imqaddsa u inawgurata fl-1739. Għandha l-forma simili ħafna għal ta’ rotunda. Din il-knisja kienet inbniet minn Fra Togores bħala estensjoni għar-residenza tiegħu. Qabel is-sit kien okkupat minn kappella ddedikata lill-Madonna tal-Lunzjata, magħrufa bħala Tax-Xagħra, li kienet ingħalqet fl-1658.


San Ġakbu
Din il-knisja żgħira bdiet tinbena fl-1725 u tlestiet fl-1731 meta kienet imqaddsa u inawgurata. Fiha wieħed jista’ jammira pittura qadima ħafna ta’ San Ġwann il-Battista. Is-sit qabel kien okkupat minn żewġ kappelli, dik ta’ San Ġwann il-Battista u dik ta’ San Ġakbu.


San Bartilmew Appostlu
Din il-knisja żgħira tinsab fiż-żona tax-Xarolla. Kappella iżgħar iddedikata lill-istess qaddis mibnija fl-1482 kienet tokkupa l-istess sit. Fl-1775 bdew ix-xogħlijiet sabiex tinbena knisja akbar. Fl-1784 il-knisja kienet imqaddsa u inawgurata.

Santa Marija – Bubaqra
F’din il-hamlet tinsab il-knisja ta’ Santa Marija li sservi lil din il-komunità dejjem tikber. Fl-istess sit kienu jinsabu żewġ kappelli, waħda ddedikata lil Santu Rokku u oħra lil San Bastjan. Dawn kienu ingħalqu fl-1658 iżda wara l-pesta l-kbira tal-1676 inbdew ix-xogħlijiet sabiex tinbena din il-knisja. Fl-1961 l-istess knisja ġiet imkabbra u nbnew żewġ sagristiji u sala għat-tagħlim tad-duttrina.


Il-Lunzjata – Ħal Millieri
Il-kappella eżistenti li kienet ġiet imqaddsa u inawgurata fl-1809 hija mibnija fuq is-sit li qabel kien okkupat minn tempju Ruman u wara minn kappella privata żgħira. Fl-1968 l-organizzazzjoni ‘Din l-Art Ħelwa’ bdiet tirrestawra din il-kappella Sikulu-Normanna. Il-pitturi tas-seklu XIC u l-pitturi mal-ħajt li hemm f’din il-kappella huma uniċi fil-Gżejjer Maltin.
Magħquda ma’ din il-kappella hemm il-fdalijiet ta’ kappella oħra ddedikata liż-Żjara tal-Madonna.

San Ġwann il-Battista – Ħal Millieri
Din il-kappella, li kienet ingħalqet fl-1575 u aktar tard reġgħet infetħet, tinsab faċċata ta’ dik tal-Lunzjata. Fl-antik kien hemm kappella oħra maġenbha, ddedikata lil San Mikiel, li kienet ingħalqet fl-1667.