Pembroke

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Pembroke taf l-oriġini tagħha lill-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm li bnew żewġ torrijiet fuq il-kosta tagħha bħala mezz ta’ difiża għall-Port il-Kbir minħabba l-pożizzjoni strateġika ta’ Pembroke. Madanakollu, s-Servizzi Ngliżi kienu strumentali fl-iżvilupp u l-fortifikazzjoni ta’ din il-belt. L-ewwel bini li nbena bejn l-1859 u l-1862 kienu l-“Barracks” li ssemmew għal San Ġorġ – il-patrun ta’ l-Ingliżi. Aktar bini nbena fis-snin ta’ wara u issemma wara l-patruni ta’ l-Irlanda u l-Iskozja – San Patrizju u Sant’Andrija rispettivament. Il-Forti Pembroke nbena bejn l-1875 u l-1878 biex iservi ta’ difiża għal xi attakk mill-għadu minn fuq il-baħar kif ukoll mill-art min-naħa tal-“Victoria Lines”. Aktar tard inbniet il-Batterija ta’ Pembroke biex iservi għall-istess skop ta’ difiża.

Kienu diversi reġimenti li servew f’Pembroke u l-aħħar suldati Ngliżi telqu minn Pembroke fl-ewwel xhur ta’ l-1979 meta il-ftehim militari bejn il-Gvern Malti u dak Ingliż skada propju fil-31 ta’ Marzu 1979; Jum li l-Maltin jiċċelebraw bħala Jum il-Ħelsien u li jifforma parti minn sitt ijiem ta’ festi nazzjonali. Matul it-Tieni Gwerra dinija, il-Priġunieri tal-Gwerra Ġermaniżi miżmuma f’Pembroke, bnew kappella żgħira biex taqdi l-ħtiġijiet tas-servizzi Ngliżi. L-art li kienet okkupata mis-servizzi Ngliżi għaddiet għand il-Gvern Malti u wara xi snin propju f’nofs is-snin tmenin id-Dipartiment tad-Djar beda programm ta’ xogħol biex il-‘Barracks’ bdew jiġu mibdula f’residenzi privati, uffiċini, u saħansitra kumpless turistiku. Aktar tard il-Gvern ħareġ l-artijiet għall-bejgħ u l-ewwel residenti daħlu f’djarhom fl-1986.