L-Għasri

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Tifsira ta’ l-isem : L-Għasri

Skond A.E. Caruana il-kelma għasri huwa isem Malti meħud mis-semitiku li tfisser ‘’għasar’’.

Dunstan G. Bellanti jgħid li l-kelma hija relatata mas-siġar taż-żebbuġ f’Għawdex, hekk kif iż-Żejtun hija relatata maċ-ċentru tas-siġar taż-żebbuġ f’Malta. Iż-żejt mis-siġar taż-żebbuġ kien jiġi prodott fil-Għasri u b’hekk l-isem tal-villaġġ ġie meħud mill-verb ‘’tagħsar’’.

Godfrey Wettinger jgħid li jista’ jkun li l-isem tal-villaġġ ifisser ‘l-art tat-tagħsir’. Madankollu jista’ jkun li huwa xi isem personali jew laqam. L-istudjuż ta’ l-istorja J. Galea huwa ta’ l-istess fehma u jsostni li L-Għasri huwa l-isem ta’ sid l-art li ġġib l-istess isem illum. Dan is-sid kien naturalment Musulman u għex probabbilment bejn l-1055 u l-1249.

Stemma Araldika

“EX LABORE FRUCTUS”. Dan huwa l-motto li huwa miktub fuq l-istemma ta’ L-Għasri , filwaqt li fil-parti ta’ fuq hemm tliet figuri li juru l-makkinarju użat għat-tagħsir taż-żebbuġ. Il-motto huwa bil-latin u jfisser ‘’mix-xogħol, il-frott’’.

Kemm il-motto kif ukoll l-istemma ta’ L-Għasri ġew mill-inizjattiva, fl-1928 tal-Barun Lorenzi Zammit Haber (1876 – 1959) li kien mix-Xewxija.

Storja Arkeoloġika

L-istorja ta’ L-Għasri tmur lura ħafna żmien u teħodna lura għaż-żmenijiet Puniċi u Rumani. Juru dan in-numru kbir ta’ oqbra Puniċi mifruxa mal-villaġġ kollu. Wara l-għolja ta’ Ġordan, hemm post, fejn f’erja żgħira teżisti konċentrazzjoni ta’ mill-inqas ħames oqbra Puniċi.

Fuq in-naħa ta’ Pjazza Salvatur, kienet teżisti dik li probabbilment kienet katakomba Kristjana jew xi forma ta’ abitazzjoni. Meta kien ġie mwaqqa’ bini antik l-art ta’ taħt tnaddfet sal-pedament, kien hemm evidenza ċara ta’ eżistenza ta’ għar imħaffer fil-ġebel b’salib Latin inċiż fid-dħul kif ukoll is-simbolu ta’ ħuta fuq il-ġenb tad-dħul tal-għar. Dan il-għar seta’ serva bħala knisja jew kombinazzjoni ta’ katakomba li mas-snin, bdiet isservi wkoll bħala post tat-talb taħt l-art.

Fdalijiet oħrajn ta’ oqbra Puniċi nstabu wkoll fil-post ‘l fuq mill-wied magħruf bħala Wied ta’ Feliċi mat-triq li twassal għall-Fanal tal-Port ta’ Ġordan. Fl-1856 instabu fdalijiet oħrajn fl-inħawi ta’ L-Għammar fil-proprjetà tal-familji Bondi u Bonavita, filwaqt li f’nofs is-seklu għoxrin instabu fdalijiet oħrajn fil-viċinanzi ta’ Ġordan.

Fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin, l-arkeoloġista Olandiż, Dr. Adrian van der Blom, irrapporta li fuq l-għolja Ġordan huwa sab fdalijiet neolitiċi.