L-Għasri

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Il-Fanal ta’ Ġurdan

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-Fanal ta’ Ġurdan beda f’Ġunju 1852. Dan inbena għal għoli ta’ madwar 21 metru. Fil-15 ta’ Marzu 1853, Sir William Reid, Gvernatur ta’ Malta, inawgura il-lanterna li kienet taħdem biż-żejt. Ir-raġġi kienu fuq interval ta’ ftit sekondi u kienu jintefgħu mill-fanal permezz ta’ riflettur li kien idur. Aktar żmien wara, kien inbena kwartieri residenzjali għall-għassies u s-sistema tad-dawl kienet inbidlet. Il-proġett kollu kien uffiċjalment inawgurat minn Sir William Reid fil- 11 ta’ Ottubru 1857.

Il-Fanal ta’ Ġurdan kien imbagħad beda jaħdem permezz ta 21 lampa tal-pitrolju fissi li kienu jitfgħu d-dawl fuq riflettur li jdur permezz ta’ żewġ mażri kbar li kienu mdendla mill-għoli tal-fanal għal isfel fuq ġewwa. Dawn kienu jittellgħu u mbagħad jinżlu bil-mod waqt li jdawwru r-riflettur qawwi.

Il-Fanal ta’ Ġurdan kien strumentali fid-difiża tal-gżejjer Maltin speċjalment tul it-tieni gwerra dinjija. Ir-radar li kien stallat dak iż-żmien fil-fanal seta’ jantiċipa l-attakki tal-għadu minn kmieni ħafna li għalhekk kien jagħti żmien biżżejjed biex jingħata sinjal lill-poplu biex imorru jistkennu fix-xelters.

Is-sistema tad-dawl reġgħet inbidlet fil-1962, meta apparat ta’ l-elettriku kien stallat fil-bini. L-apparat il-ġdid kellu saħħa ta’ 895,000 xemgħa. Il-kobor tar-raġġ kien ta’ madwar 180.5 metri u kien iwassal għal madwar 54 kilometru. Kien jitfa’ raġġ kull seba’ sekondi u nofs. Din is-sistema kienet uffiċċjalment inawgurata mill-Onor. Dr Giovanni Felice Ministru tal-Iżvilupp Industrijali fis-7 ta’ Marzu 1963.

Għall-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 1994, sistema oħra ġiet installata. Din is-sistema li għada topera sal-lum, taħdem awtomatikament u għandha bżonn anqas manutenzjoni u sorveljanza.  L-Awtorita Marittima hi nkarigata mill-Fanal ta’ Ġordan. Iżda, l-Forzi Armati ta’ Malta u l-Public Broadcasting Services jagħmlu wkoll użu mill-binja fejn qed jitqiegħed l-apparat essenzjali tagħhom.

Fis-7 ta’ Diċembru 1996, il-Fanal ta’ Ġordan ra l-bidu ta’ proġett ġdid li qed jitmexxa flimkien bejn l-Universita ta’ Malta u l-Universita ta’ Cologne permezz ta’ ftehim mal-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Ġermanja. Infatti, qed jinżamm studju nternazzjonali fuq it-tniġġis atmosferiku u l-effett tal-carbon monoxide fuq is-saff ożonu. Strumenti li jkejjlu l-ammont ta’ carbon monoxide fl-atmosfera, kienu stallati għal dan l-iskop.

Wied il-Għasri

Wied il-Għasri jaf il-bidu tiegħu minn taħt l-għolja ta' Dbieġi.  Dan il-wied ikompli għaddej iserrep minn qalb l-Għasri bejn l-għolja taż-Żebbuġ u dik ta' Ġurdan u jwassal għal ġol-baħar bejn irdumijiet impressjonanti.  Wied il-Għasri hu popolari ħafna ma' l-għaddasa li jkunu jixtiequ jesploraw l-għerien tal-viċin li hemm taħt wiċċ il-baħar.

Il-bajja dejqa tawwaliha, hi l-post ideali għal min ifittex post kwiet għall-għum.  Post interessanti f'din il-bajja, hu għar qrib taċ-ċaq, u li fih kienet tħaffret toqba mis-saqaf ta' l-għar sa fuq nett tal-blat.  Kienet inbniet mitħna fejn permezz ta' ħafna bramel kien jittella' l-ilma bahar biex jintefa' u jimtlew is-salini tal-viċin. 

L-Għolja ta' L-Għammar

L-Għolja ta’ L-Għammar hi madwar 188 metru ‘l fuq minn wiċċ il-baħar. Minbarra is-sbuħija naturali tagħha, din l-għolja jżuruha ħafna nies għall-istatwi ta’ l-irħam daqs persuna li juru t-Triq tas-Salib tul it-passaġġ kollu. Alfred Camilleri Cauchi, li hu artist lokali magħruf ħafna, ddisinja dawn l-istatwi li mbagħad kienu skolpiti fl-Italja. L-Ewwel Stazzjon qiegħed fil-bidu fuq in-naħa tal-Knisja Ta’ Pinu. It-Triq tas-Salib tasal fit-tarf tagħha fil-quċċata ta’ l-għolja. Fuq nett, hemm ukoll kappella ddedikata lill-Madonna Ta’ Pinu. Pellegrini u devoti tal-Madonna Ta’ Pinu sikwit jitilgħu fuq l-Għolja ta’ L-Għammar sabiex jitolbu.

In-Niċċa tal-Madonna tal-Lunzjata

Din in-niċċa antika ħafna tinsab fil-qalba tar-raħal, fit-tarf ta Triq Salvu Gambin kantuniera ma’ Triq il-Knisja. Id-data mnaqqxa fuq in-naħa ta’ wara tal-ġebel turi l- 5 ta’ Frar 1773, li tindika li din għandha madwar 240 sena.

It-tinqix u l-istil tax-xogħol fuq il-ġebel hu tipikament dak ta’ ħafna niċeċ madwar Għawdex. Iż-żewġ figuri ġewwa n-niċċa juru l-Anġlu Gabriel iħabbar lill-Verġni Marija li kienet se ssir l-Omm ta’ l-Iben ta’ Alla.

Din in-niċċa twaqqfet fuq gallerija li hi ħafna nteressanti u unika. Il-gallerija qed tistrieħ fuq tlitt kolonni. Fuq in-naħa tax-xellug, hemm taraġ li jwassal fuq sa fejn in-niċċa nnifisha. Fil-festa tal-Korpus Kristi, il-purċissjoni tieqaf quddiem din in-niċċa. Hemmhekk tingħata l-benedizzjoni minn fuq il-gallerija. Din l-użanza reliġjuża taf il-bidu tagħha sa mis-seklu 18.

Fis-Sena 2002, il-Kunsill Lokali beda xogħol ta’ restawr fuq din in-niċċa peress li kienet fil-periklu li tiġġarraf. L-iskrizzjoni oriġinali fuq l-irħam, tneħħiet mill-post u preżentement din qed tinżamm fil-Knisja Parrokkjali sabiex tkun priservata milli jiġrilha aktar deterjorazzjoni.

It-Twieqi Maxrabija 

Fil-gżira Għawdxija jeżistu tlett twieqi verament uniċi li jissejjħu t-Twieqi tal-Maxrabija. Tnejn minn dawn jinsabu fl-Għasri. Skond id-dizzjunarju Malti-Ingliż miktub mill-Profs. Joseph Aquilina, id-definizzjoni ta’ “maxrabija” hi “xorta ta’ tieqa (still Għarbi) minn fejn wieħed jista’ jħares u jara mingħajr ma jidher”.

Dawn it-twieqi li huma differenti fl-istil minn xulxin, huma kompletament magħmula mill-ġebla. Waħda minn dawn qegħda fi Triq L-Għammar qrib il-Kappella ta’ San Publiju filwaqt li l-oħra qegħda fi Triq il-Fanal.