|
Topografikament, Għasri huwa karatterizzat mill-għoljiet ta’ Għammar u Ġordan kif ukoll minn numru ta’ widien li jilwu minn taħt dawn iż-żewġ għoljiet żgħar maġenb għelieqi mtarġin mimlijin veġetazzjoni.
Għasri huwa magħruf bħala villaġġ agrikolu fejn kważi l-erja kollha tiegħu hija magħmula minn għelieqi fertili apparti minn xi postijiet imferrxa li huma mibnija u xi ġebel aridu viċin l-irdum mal-baħar.
F’termini ta’ konfini parrokkjali, Għasri fih 2.88km kwadri, filwaqt li skond il-ġurisdizzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-erja tiegħu fiha 4.724km kwadri. Għaldaqstant, meta jitqabbel ma’ villaġġi oħrajn f’Għawdex, filwaqt li l-erja tiegħu hija kbira mhux ħażin, il-popolazzjoni tiegħu hija l-iżgħar fil-gżejjer.
|