Ix-Xagħra

Statwi u Niċeċ

Print this page

Fix-Xagħra, insibu numru konsiderevoli ta' statwi u niċeċ li jsebbħu l-faċċati tad-djar u l-kantunieri tat-toroq.

Waħda min-niċeċ bikrin li nsibu fir-raħal tagħna hija n-niċċa tal-Madonna ta' l-Anġli fit-triq li mix-Xagħra tieħu għall-bajja ta' Marsalforn. Ix-xbieha tal-Madonna hija mdawra b'numru sabiħ ta' anġli u l-istatwa ħadet isimha mil-laqam ta' ċertu Ġanni Mercieca, bidwi li kien jgħix fil-viċinanzi. Nhar is-7 ta' Lulju 1733, dan il-bidwi inħataf minn numru ta' kursara fil-Wied tar-Ramla u ġie meħud bħala ilsir flimkien mal-mara u s-sitt itfal tiegħu. Waqt li huma kienu ħerġin mill-gżira, għamlu wegħda lill-Madonna li jekk jinħelsu, jibnulha niċċa għad-devozzjoni. Fil-fatt, ftit taż-żmien wara, din il-familja nħelset u żammet il-wegħda tagħha.

Niċċa oħra storika hija dik tal-Madonna tal-Ħniena li nsibu fl-inħawi ta' Għajn Lukin fuq ir-riħ taċ-ċimiterju tal-Parroċċa tagħna. In-niċċa tinsab mibnija eżattament fuq il-post fejn dawk milquta mill-pesta ta' l-1814 kienu jinġabru jitolbu lill-Madonna biex teħlishom minn din l-epidemija. Din in-niċċa inbniet ftit wara s-sena 1814 bħala att ta' ringrazzjament lil Alla għall-ħelsien mill-pesta.

Niċċa prominenti fix-Xagħra hija dik li tirrapreżenta lill-Madonna tat-Tama fin-nofs tar-Ramla. Din in-niċċa inbniet biex titkompla wegħda ta' ċertu Ġanni Gauci.