Ix-Xagħra

Ġemellaġġi

Print this page

Nhar il-21 ta' Settembru 2005, sar il-ġemellaġġ uffiċċjali tar-raħal tax-Xagħra mal-lokalita' ta' Offida, fl-Italja.

Offida hija lokalita' fil-provinċja ta' Ascoli Piceno fir-reġjun ta' Marche fl-Italja. Hija ghandha popolazzjoni ta' madwar 5400 ruħ u tokkupa territorju estensiv. Il-maġġor parti ta' dan it-territorju huwa wżat għal skopijiet ta' biedja u farming. Insibu kultivazzjoni kbira ta' dwieli ta' l-għeneb li jipproduċu inbid ta' l-aqwa kwalita', kif ukoll xitel taż-żebbuġ. Offida hija magħrufa wkoll għall-industrija tal-bizzilla. Għalkemm il-metodu tagħhom ta' manifattura huwa differenti mill-metodu li jintuża lokalment, il-bizzilla ta' Offida hija xorta waħda magħrufa għall-kwalita' għolja tagħha.

Il-proċess ta' ġemellaġġ beda numru ta' snin ilu mis-Sindku tax-Xagħra ta' dak iż-żmien, is-Sur Anthony Attard, u minn Miss Franca Falcioni, li f'dik is-sena kienet kunsilliera fil-Comune ta' Offida. Iċ-ċerimonja inizjali ta' dan il-ġemellaġġ saret nhar l-1 ta' Settembru, 2003, fi Pjazza l-Vitorja fir-raħal tagħna. F'dik is-sena, il-Knisja Bażilika tax-Xagħra kienet qed tiċċelebra b'solennita' kbira l-125 Anniversarju mill-Konsagrazzjoni tagħha (1878 - 26 ta' Mejju - 2003). Għal dik l-okkażjoni, kien inġab fostna r-Relikwarju tal-Miraklu Ewkaristiku ta' Offida u miegħu ġiet delegazzjoni minn dak il-post. Ċerimonja simili li fiha kellu jkun iffirmat uffiċjalment il-ftehim kellha ssir f'Offida. Delegazzjoni lokali kienet pjanata li tagħmel żjara f'Offida għal dan il-għan f'Mejju 2004. Madankollu, minħabba diversi raġunijiet, dan l-avveniment ġie pospost.

L-elezzjoni tal-Kunsill Lokali x-Xagħra li nżammet nhar is-Sibt 12 ta' Ġunju 2004 wasslet għal bidla fis-Sindku tal-lokalita'. Bħala Sindku ġdid, kien elett is-Sur Joseph Spiteri. Fi ftit żmien, ittieħdu l-proċeduri neċessarji kollha sabiex il-ftehim ta' ġemellaġġ bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet ikun jista' jseħħ. Wara numru ta' diskussjonijiet u żjara f'Offida mis-Sindku nnifsu u mill-kunsillier is-Sur Joseph Cordina (illum Sindku tax-Xagħra), il-proċedura tal-ġemellaġġ ġiet finalizzata. Iċ-ċerimonja finali ta' ġemellaġġ bejn ix-Xagħra u Offida nżammet nhar il-21 ta' Settembru, 2005, fl-uffiċċji tal-Kunsill ta' Offida fl-Italja. Għal din l-okkażjoni, kien hemm preżenti delegazzjoni ta' tletin ruħ mix-Xagħra, fosthom is-Sindku ta' dik il-leġislatura, is-Sur Joseph Spiteri, il-Viċi Sindku, is-Sur Carmelino Refalo, u l-kunsilliera s-Sur Joseph Cordina u s-Sinjura Mary Carmen Bajada. Preżenti wkoll kien hemm persuni mil-lokalita' tagħna li jaħdmu l-bizzilla, rapprezentant tal-komunita' tal-bdiewa Xagħrin, rappreżentanti mill-Kumitat u membri tax-Xagħra United Football Club, rappreżentanti mill-komunita' tan-Nazzarenu u l-Arċipriet tax-Xagħra, Mons. Carmelo Refalo STL Prot. Apost., li sfortunatament kellu jħalli Offida iktar kmieni milli ppjanat minħabba raġunijiet purament personali.