Ix-Xagħra

Assoċjazzjonijiet

Print this page

Fir-raħal tax-Xagħra, insibu numru sabiħ ta' organizazzjonijiet:

Iċ-Ċirklu taż-Żgħażagħ - dan huwa l-post li fih jiltaqgħu l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ Xagħrin biex jirċievu formazzjoni spiritwali u umana. Minbarra li jservi ta' post għal dawn il-laqgħat, iċ-Ċirklu taż-żgħażagħ jintuża wkoll għal attivitajiet rikreattivi fosthom rappreżentazzjonijiet teatrali, drammi, u għal mumenti soċjali ta' l-anzjani fiċ-ċentru li jiltaqa' kull nhar ta' Erbgħa. President: Kan. Dun Anton Refalo Żammit.

Is-Soċjeta' Filarmonika Victory - din l-għaqda mużikali ġiet imwaqqfa formalment nhar il-25 t'Ottubru 1898 bl-inizjattiva ta' l-Arċipriet ta' dak iż-żmien, Dun Ġużepp Diacono, u taħt id-direzzjoni tas-Surmast Malti Eduardo Farina. Din is-Soċjeta' Filarmonika għamlet suċċess kbir u f'qasir żmien kellha 120 membru fejn daqqet għall-ewwel darba fil-purċissjoni ta' San Ġużepp tax-Xagħra fl-1809 u fil-festa titulari ta' l-istess sena. Fis-sena 1906, inqala' xi diżgwid fil-Kumitat ta' dak iż-żmien u l-Banda kellha tieqaf ħesrem. Mat-twaqqif ta' l-Għaqda ta' l-Iscouts fix-Xagħra fis-sena 1934, il-Banda Victory reġgħet ġiet rinovata. Matul is-snin, is-Soċjeta' Filarmonika Victory għamlet bosta suċċessi fosthom meta fis-sena 1994 żaret l-art tal-Kanada u l-Istati Uniti ta' l-Amerika bejn id-19 ta' Settembru u t-3 t'Ottubru. Il-Banda Victory hija responsabbli mill-festi esterni ta' Marija Bambina f'kollaborazzjoni diretta mal-Kumitat Ċentrali tal-Festa Titulari. Il-Każin tas-Soċjeta' jinsab fi Triq Marija Bambina. Surmast Direttur attwali: Mro. Joseph Galea LCM (1993 - preżent); President tas-Soċjeta': Is-Sur Eucharist Sultana (2007 - preżent).

Leġjun ta' Marija - Din hija soċjeta' imwaqqfa minn Frank Duff bil-għan li l-membri jitgħallmu aktar dwar il-virtujiet ta' l-Imqaddsa Verġni Marija. Fix-Xagħra, hawn diversi gruppi ta' talb ta' din is-soċjeta' u l-attivitajiet matul is-sena jkunu jinkludu wkoll mumenti ta' Irtiri. President attwali: Is-Sur Joseph Refalo.

MUSEUM - Is-Soċjeta' tad-Duttrina Nisranija, imwaqqfa mis-saċerdot San Ġorġ Preca nhar is-7 ta' Marzu 1907, għandha żewġ fergħat fix-Xagħra; fergħa tas-subien u oħra tal-bniet. Il-Mużew tas-Subien jinsab fi Triq Dun Ġorġ Preca filwaqt li l-bini tal-Mużew tal-Bniet jinsab fi Triq Jannar. Superjur Subien: Is-Sur Joseph Attard; Superjura Bniet: Is-Sinjorina Rita Sacco.

The Guiding Light - dan huwa grupp ta' adoloxxenti u żgħażagħ li jiltaqgħu f'mumenti soċjali flimkien kull nhar ta' Ġimgħa fiċ-Ċentru Ġesu' Nazzarenu. President: is-Sur Jason Joe Farrugia.

Radju Bambina - dan l-istazzjon komunitarju jxandar fuq il-frekwenza 98.3FM. Huwa nfetaħ għall-ewwel darba fis-sena 1997 fuq inizjattiva tal-Kan. Dun Gwann Sultana. Radju Bambina jxandar is-sena kollha bi skeda ridotta u jkollu skedi speċjali fil-Milied, Għid u festa titulari ta' Marija Bambina. President attwali: Arcipriet Mons. Carmelo Refalo; Kap tal-Programmi: Manuel Schiberras.

Għaqda Il-Milied fix-Xagħra - din hija għaqda mwaqqfa nhar id-29 t'Ottubru 2004 fuq inizjattiva ta' l-Arċipriet Mons. Ewkaristiku Sultana bil-għan li torganizza l-attivitajiet marbuta ma' Żmien il-Milied fix-Xagħra. President attwali: Is-Sur Victor Agius.

Għaqda Armar 2 ta' Settembru 1973 - din l-għaqda tieħu ħsieb il-konservazzjoni ta' l-armar artistiku li jżejjen il-pjazez u t-toroq tax-Xagħra fil-jiem tal-festa titulari. Il-grupp ta' żgħażagħ responsabbli minn din l-għaqda jieħdu ħsieb ukoll jarmaw l-armar rispettiv x'ħin joqorbu l-jiem tal-festa. Il-maħżen ta' l-armar jinsab fi Triq 28 t' April 1688 biswit iċ-Ċirklu taż-Żgħażagħ. Id-data tat-2 ta' Settembru 1973 tfakkar il-ġrajja glorjuża ta' l-Inkoronazzjoni ta' l-istatwa titulari ta' Marija Bambina.

Għaqda tan-Nar VMB 1973 - din l-għaqda tieħu ħsieb l-ispettaklu tan-nar fil-jiem tal-festa titulari.

Ċentru tal-Vokazzjonijiet - dan iċ-ċentru nfetaħ fis-sena 1976 fuq inizjattiva ta' l-Arċipriet ta' dak iż-żmien, Mons. Ewkaristiku Sultana bil-għan li jservi ta' post fejn jiltaqgħu l-abbatini u dawk iż-żgħażagħ kollha li għandhom ix-xewqa jkomplu għas-saċerdozju. Huwa l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu li nfetaħ f'Malta u Għawdex. Il-frott tiegħu jista' jintmess: ix-Xagħra hija l-aktar parroċċa f'Għawdex mogħnija b'vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u missjunarji. President attwali: Mons. Arcipriet Carmelo Refalo.

Azzjoni Kattolika - Presidenta: is-Sinjorina Natalina Sultana

Każin tax-Xagħra United - il-grupp tal-futbol tax-Xagħra kien iffurmat fis-sena 1936, bil-każin tiegħu jkun fi Triq l-Arc Ġużepp Diacono. Matul is-snin, it-tim Xagħra United għamel suċċessi kbar fosthom meta rebaħ numru sabiħ ta' tazzi bil-players tal-lokal biss (mingħajr is-sehem tal-players barranin).

Il-Grupp ta' l-Iscouts tax-Xagħra - fir-raħal tagħna, il-grupp ta' l-Iscouts twaqqaf għall-ewwel darba fis-sena 1934. Kif diġa' ingħad aktar 'il fuq, permezz ta' dan il-grupp, twaqqfet għal darb'oħra s-Soċjeta' Filarmonika Victory f'dik l-istess sena. Il-Grupp ta' l-Iscouts reġa' ġie rinovat nhar it-18 ta' Mejju 2008 fuq inizjattiva tas-saċerdot Dun Jesmond Gauci, is-Sur Vincent Vella u s-Sur Carmel Attard.

Kumitat Festi ta' l-Għid - dan huwa l-Kumitat responsabbli mill-organizzazzjoni tal-Purċissjoni-Pageant tal-Ġimgħa l-Kbira u l-attivitajiet ta' Ħadd il-Għid (fosthom il-pageant annwali u l-manifestazzjoni bl-istatwa artistika ta' Kristu Rxoxt). President: Is-Sur John Attard.

Korijiet - Fix-Xagħra nsibu xejn inqas minn erba' korijiet li jagħtu s-sehem tagħhom fid-diversi funzjonijiet reliġjużi iċċelebrati fil-Knisja Kolleġġjata-Bażilika ta' Marija Bambina. Dawn huma l-Kor tal-Parroċċa Voci Angeliche (imwaqqaf fis-sena 1984), il-Kor Schola Cantorum Jubilate (imwaqqaf fis-sena 2000), il-Kor Nativitas tas-Soċjeta' Filarmonika Victory (imwaqqaf fis-sena 1999) u l-Kor Maranatha tal-Knisja ta' Ġesu' Nazzarenu.

L-Assoċjazzjoni ta' l-Atletika Għawdxija - din l-assoċjazzjoni tieħu ħsieb torganizza l-Maratona Annwali ta' Għawdex fix-Xagħra. Il-maratona saret għall-ewwel darba nhar is-6 ta' Frar, 1977.

Il-Partit Laburista (PL) għandu l-fergħa tiegħu fix-Xagħra b'każin fi Triq Knisja filwaqt li l-każin tal-Partit Nazzjonalista (PN) jinsab fi Triq it-Tiġrija.