Ix-Xagħra

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Ix-Xagħra huwa l-aktar post f'Għawdex li huwa mogħni b'attrazzjonijiet turistiċi li jgħinu sabiex il-viżitaturi jmorru lura fiż-żmien u jgħixu l-epoki passati:

(a) It-Tempji tal-Ġgantija (imorru lura għas-sena 3600 QK)

Fil-Ġgantija nsibu żewġ tempji. Iż-żewġ tempji pero' għandhom ħajt ta’ barra u faċċata waħda. Għandhom ukoll passaġġ ċentrali li minnu wieħed jista’ jgħaddi għall-kmamar l-oħra. It-Tempji tal-Ġgantija kienu l-ewwel li nkixfku minn taħt it-terrapien li kien jgħattihom madwar 170 sena ilu. Fl-1820, wara li l-Kurunell John Otto Bayer inħatar Kmandant għal Għawdex mill-Gvern Ingliż, huwa neħħa t-terrapien li kien jgħatti l-art fejn illum hemm il-fdalijiet tat-tempji. Ix-xogħol għamlu l-aktar billi uża lill-ħabsin bħala ħaddiema. Bayer ħallas għall-ispejjeż kollha minn butu. Fis-sena 1980, il-Ġgantija sar l-ewwel tempju preistoriku Malti miktub fil-lista tal-UNESCO magħrufa bħala l-WORLD HERITAGE SITES. In-numru ta' viżitaturi li jżuru dawn it-tempji matul is-sena huwa wieħed impressjonanti.

(b) Mitħna ta' Kola

Bħall-imtieħen kollha tar-riħ li nsibu fil-gżira tagħna, din il-Mitħna serviet sabiex titħan il-qamħ halli minnu jsir id-dqiq għall-ħobż Malti. Il-mitħna ġiet mibnija fis-sena 1725 u għadha fi stat tajjeb. L-aħħar taħħan li uża dan il-makkinarju kien ċertu Ġużepp Grech (magħruf bħala Kola) li miet fl-1987 fl-eta' ta' 87 sena. Wara l-mewt tiegħu, il-post fejn tinsab il-mitħna ġie restawrat u mibdul f'mużew tal-folklor. Il-proġett kien inawgurat nhar is-6 ta' Settembru, 1992.

(c) Iċ-Ċimiterju u l-Isptar tal-Pesta

Nhar is-7 ta' April 1813, Malta sfat milquta mill-epidemija tal-pesta li ġiet trasmessa mill-belt ta' Kostantinopli. Minħabba kwarantina stretta, Għawdex kien meħlus minn din il-marda qerrieda. Madankollu, bħal sajjetta fil-bnazzi, meta l-pesta kienet kważi spiċċat minn Malta, hija daħlet fir-raħal tax-Xagħra fi Frar 1814. Kawża ta' hekk, ir-raħal tax-Xagħra kien iżolat mill-bqija ta' l-irħula Għawdxin biex hekk il-pesta ma tkomplix tinfirex u toħloq aktar danni. Wieħed ta' min isemmi l-kuraġġ u d-dedikazzjoni kbira tat-tabib Ingliż George Mc Adam li għazel volontarjament li jiġi fix-Xagħra biex jikkura lill-morda li kienu rikoverati f'bini fl-inħawi ta' Għajn Lukin, bir-riskju li jittieħed mill-marda tal-pesta huwa stess. B'kollox mietu 104 persuni. Dawn kienu jinkludu lit-tabib Mc Adam innifsu u lill-Kappillan tax-Xagħra, Dun Vincenz Cauchi. Sas-26 ta' Lulju 1814, il-pesta kienet meqruda mix-Xagħra. Il-vittmi huma kollha midfuna ftit metri 'l bogħod mill-isptar (tal-pesta). Nhar it-8 ta' Settembru 1814, il-gżejjer Maltin ġew dikjarati uffiċjalment meħlusa mill-epidemija tal-pesta.

(d) L-Għar Leġġendarju ta' Kalipso

Dan l-għar huwa leġġendarju għall-fatt li jirrakkonta storja meħuda mill-poeżija twila Odyssey tal-Grieg Homer. Minn dan l-għar, wieħed jista' jgawdi veduti mill-isbaħ tal-bajja tar-Ramla l-Ħamra.

(e) Iċ-Ċirku ta' Brockdorff

Dan il-post storiku jinsab fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Qaċċa u huwa msemmi għal Charles de Brocthtorff li, fis-sena 1820, kompla l-iskavi u t-tindif ta' l-area imsemmija wara il-Kurunella u Kap Kmandant John Otto Bayer. Dan iċ-ċirku reġa' ġie skopert għal darb'oġra u mogħti l-importanza mistħoqqa mingħand Joseph Attard Tabone bejn l-1987 l-1994.


(f) L-Għar ta' Ninu u l-Għar ta' Xerri

L-Għar ta' Ninu nstab fis-sena 1888 minn ċertu Joseph Rapa. Dan jinsab fi Triq Jannar u fih formazzjonijiet artisitiċi ta' stalaktiti u stalagmiti magħmula minn sekli ta' kalċifikazzjoni. L-għar huwa mgħammar sew bid-dawl elettriku u jinsab miftuħ għall-pubbliku. L-Għar ta' Xerri nstab fis-sena 1924 min-nannu tas-sid preżenti u jinsab fit-triq li ġġib l-isem tiegħu stess. Bħal ta' qablu, l-għar huwa mgħammar bl-elettriku u jinsab miftuħ għall-pubbliku.


(g) Il-Mużew tal-Ġugarelli

Il-Mużew tal-Ġuguarelli bl-isem Pomskizillious jinsab fi Triq Ġnien Xibla u fih insibu kollezzjoni privata ta' ġugarelli mis-sekli dsatax u għoxrin, propjeta' ta' Edwin u Susan Lowe. Il-mużew kien miftuħ nhar id-19 t' Awissu, 1992.

(h) It-Tempji ta' Santa Verna

Dawn it-tempji jinsabu fl-inħawi ta' Sant' Anton u ħadu isimhom minn kappella ddedikata lill-martri Santa Venera li kien hemm imwaqqfa fiil-post.

(i) L-Għar ta’ Għejżu

Dan l-għar jinsab fil-bidu ta' Vjal it-8 ta' Settembru.

(j) Il-Ġebla ta’ Sansuna

Il-Ġebla li tissemma tinstab fin-naħa t'isfel ta' Ġnien Imrik.