Ix-Xagħra

Knejjes

Print this page

Fir-raħal tax-Xagħra, insibu tliet knejjes prinċipali li lkoll għadhom jaqdu l-funzjoni tagħhom b'mod mill-aktar regolari:

(a) Il-Kolleġġjata-Bażilika Santwarju tat-Twelid ta' Marija Bambina.

Ir-raħal tax-Xagħra ġie maqtugħ mill-Katidral, Omm il-Knejjes kollha t'Għawdex, u dikjarat bħala parroċċa awtonoma bil-Kappillan u l-konfini tagħha mill-Isqof Davide Cocco Palmeri nhar it-28 t'April 1688 permezz tad-Digriet Cum in Prima.  Il-knisja antika ta' Sant' Anton Abbati serviet bħala l-ewwel sede tal-parroċċa. Madankollu, il-poplu Xagħri, fuq talba u bil-barka ta' l-Isqof, bdew jibnu Knisja ġdida fiċ-ċentru tar-raħal fuq art pubblika mogħtija minn Fra Gregorio Carafa, Gran Mastru ta' l-Ordni Gerosolimitan tal-Kavallieri ta' San Ġwann. F'Mejju 1692, din il-knisja bdiet taqdi l-funzjonijiet tagħha. Il-knisja ġiet iddedikata lill-Imqaddsa Verġni Marija tal-Grazzja imma ftit tax-xhur wara, it-titular tbiddel għal dak preżent jiġifieri t-Twelid tal-Verġni Marija. Il-festa ta' Marija Bambina hija magħrufa b'mod popolari fostna bħala Il-Vitorja għax tfakkar ir-rebħiet ta' pajjiżna fuq l-għadu fl-1565 u fl-1943 bl-interċessjoni ta' l-Omm tas-sema. Sadanittant, il-popolazzjoni tax-Xagħra bdiet tikber ġmielha u l-knisja saret żgħira wisq biex taqdi sewwa l-ħtiġijiet tal-poplu ta' dan ir-raħal. Fil-bidu tas-seklu dsatax, is-saċerdot-arkitett Għawdxi Dun Salv Bondi ħejja pjan għall-estensjoni tagħha. L-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida tqiegħdet nhar it-2 t'Ottubru 1815 iżda, minħabba nuqqas ta' flus, ix-xogħol tal-bini kellu jieqaf ħesrem. Il-faċċata u l-intern tal-Knisja jirriflettu l-element barokk komuni f'ħafna knejjes tal-gżira tagħna. Ix-xogħol tal-bini kien konkluż fl-1850 minħabba donazzjoni ġeneruza tal-kappillan Dun Mikiel Buttiġieġ, li aktar tard ġie maħtur bħala l-ewwel Isqof  t'Għawdex. (Għawdex sar Djoċesi għalih nhar is-16 ta' Settembru, 1864). Il-knisja ġiet imbierka nhar l-14 ta' Frar 1855 u eventwalment, sollennament ikkonsagrata mill-Isqof Mons. Pietru Pace nhar is-26 ta' Mejju, 1878. Il-koppla maestuża ġiet imtellgħa fis-sena 1892 fuq disinn tas-saċerdot u kappillan Dun Ġuzepp Diacono.

Fis-sena 1893, il-knisja parrokkjali tax-Xagħra ġiet imżejna bit-titlu ta' Arċipretali. Il-kappillan li jmexxi lill-parroċċa minn dakinhar 'il quddiem beda jissejjaħ Arċipriet. Nhar id-9 ta' Marzu 1899, il-Papa Ljun XIII waqqaf ir-raba' Kolleġġjata ta' Għawdex f'din il-Knisja. L-istatut tal-Kapitlu l-ġdid kien jgħid ċar u tond li l-Arċipriet kellu jkun l-ewwel dinjita' tal-Kapitlu, ikun iġorr it-titli onorifiċi ta' Monsinjur u Protonotarju Apostoliku u kellu l-privileġġ li jilbes il-mitra f'okkażjonijiet speċjali, fosthom il-festi l-kbar tal-Knisja. Nhar is-26 ta' Awissu 1967, il-Papa Pawlu VI, wara li għaraf is-sbuħija interjuri ta' din il-knisja, għolla lill-Kolleġġjata tax-Xagħra għall-ġieħ ta' Bażilika Minuri. L-aħbar ingħatat lill-poplu Xagħri nhar id-29 t'Awissu 1967 - l-ewwel jum tan-novena bi thejjija għall-festa titulari. Fit-8 ta' Settembru 2003, il-Bażilika tax-Xagħra ġiet aggregata spiritwalment mal-Bażilika ta' Santa Maria Maggiore f'Ruma permezz tad-digriet li jġib il-firma ta' l-Arċipriet l-Eminenza tiegħu l-Kardinal Carlo Furno. Permezz ta' din l-aggregazzjoni, il-Bażilika tax-Xagħra bdiet tissejjaħ Bażilika Liberjana u tgawdi l-istess privileġġi li għandha din il-Bażilika Maġġuri f'Ruma fosthom diversi Indulgenzi Plenarji fil-festi Marjani l-kbar. Il-Knisja tax-Xaghra hija wkoll obbligata li ticcelebra bi grad ta' Solennita' t-tifkira tal-Konsagrazzjoni tal-Bazilika ta' Santa Maria Maggiore fil-5 ta' Awwissu ta' kull sena. Il-Bażilika tax-Xagħra għandha żewġ kampnari maestużi b'sitt qniepen (l-unika knisja f'Għawdex li għandha sitt qniepen), bl-iktar waħda qadima ġġib is-sena 1770 u l-qanpiena l-kbira tiżen 2778 kilogramm. Il-qanpiena l-ġdida hija xogħol ta' Giulio Cauchi. L-arloġġ tal-faċċata tal-Knisja huwa xogħol li sar fl-1885 mill-arluġġar Malti, Mikelanġ Sapiano.

L-intern tal-Knisja huwa fenomenali. Il-knisja hija mibnija f'forma ta' salib Latin. L-irħam li bih hija imżejna din il-knisja huwa l-uniku tax-xorta tiegħu fil-gżira Għawdxija minħabba l-fatt li huwa rħam interzjat. Il-paviment huwa rħamat kollu b'disinni ta' Ignatius Bonavia għand il-fabbrika Montecatini (1949). Il-pilastri ta' l-irħam kienu ddisinjati mix-Xagħri Ruman Buttiġieġ u Illio Pellocca (1960-65). Ta' interess partikolari fil-Knisja Bażilika tax-Xagħra huma l-erbatax-il stazzjoni tal-Via Crucis. Dawn kienu ddisinjati minn Ruman Buttiġieġ fil-fabbrika Garibaldi e Lazzerini, filwaqt li x-xogħol delikat tal-możajk sar minn Luciano Favret (Pietrasanta, 1963). Il-pitturi kollha li nsibu fis-saqaf, fin-navi, fl-altari eċċ, minbarra waħda, huma xogħol tal-Professur Virginio Monti, pittur Taljan ta' fama internazzjonali (1922 - 1928). Mal-Knisja, hemm anness Oratorju msejjaħ L-Oratorju tal-Passjoni. Dan l-Oratorju jilqa' fih sett ta' statwi tal-Ġimgħa l-kbira, xogħol ta' Luigi Guacci (Lecce, 1914). Fil-Knisja, insibu statwi oħrajn li jintużaw fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fosthom il-Vara tal-Kruċifissjoni, ir-Redentur u Marija Addolorata. Dawn ukoll huma xogħol ta' l-istess artist Taljan. Is-sett tal-Ġimgħa l-Kbira tax-Xagħra huwa magħmul minn għaxar vari li huma kollha xogħol ta' Luigi Guacci minbarra tnejn - it-Tradiment ta' Ġuda (xogħol tal-Professur Salvatore Bruno ta' Bari l-Italja) u Kristu Jiltaqa' ma' Ommu (xogħol ta' l-artist Għawdxi Michael Camilleri Cauchi). Dawn l-istatwi joħorġu f'purċissjoni-pageant mill-Knisja Bażilika nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Il-purċissjoni-pageant tax-Xagħra hija l-aktar waħda segwita fil-gżira tat-Tliet Għoljiet.

Fil-Bażilika tax-Xagħra, insibu għaxar kappelluni. Dawn huma ddedikata lill-ArciDjaknu San Lawrenz (levita u martri), Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Dawl (b'sotto-kwadru ta' Ġesu' Nazzarenu), in-Nawfraġju ta' San Pawl f'Malta, Il-Patroċinju ta' San Ġużepp, Il-Qalb Imqaddsa ta' Ġesu', is-Salib Imqaddes ta' Kristu, Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju, Marija Bambina, il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmnu Patruna ta' l-Erwieħ u San Mawrizju martri. L-attrazzjoni prinċipali fil-Knisja hija l-istatwa titulari ta' Marija Bambina. Din l-istatwa waslet fix-Xagħra fl-1873 u ġiet maħduma mid-ditta rinomata Gallard et Fils ta' Marsilja fi Franza. Hija ġiet imbierka fil-jum tal-konsagrazzjoni tal-Knisja, jiġifieri nhar is-26 ta' Mejju 1878. Il-vara hija mqiegħda fuq pedestall tal-fidda, xogħol ta' l-artist taljan Pio Cellini (1913). Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-wasla tagħha fostna, nhar il-Ħadd 2 ta' Settembru 1973, l-Isqof t'Għawdex Mons. Nikol G. Cauchi poġġa kuruna ta' deheb u ħaġar prezzjuż fuq ras il-Bambina. Din il-kuruna hija disinn ta' l-Għawdxi Joseph Sagona u xogħol ta' Tarcisio Zammit taż-Żejtun, Malta. Fis-sena 1985, fl-okkażjoni ta' l-elfejn anniversarju mit-twelid tal-Madonna, il-Kardinal Luigi Dadaglio poġġa warda tad-deheb f'riġlejn l-istatwa titulari. Fis-sena 1999, fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni ta' l-istatwa, l-Isqof Nikol G. Cauchi żejjen l-istatwa bi stellarju ġdid fost il-ferħ tal-poplu Xagħri. (Dawn il-festi kellhom isiru f'Settembru 1998 imma ġew posposti minħabba elezzjoni ġenerali bikrija li saret fil-pajjiż).

Il-kwadru titulari li jirrapreżenta t-Twelid ta' Marija Bambina huwa xogħol ta' Carlo Gimach. Oriġinarjament, dan kien impitter għall-knisja parrokkjali ta' l-Isla imma tqiegħed fil-knisja parrokkjali tax-Xagħra fejn għadu jitgawda sal-lum. Il-festa titulari hija ċċelebrata kull sena nhar it-8 ta' Settembru.

Arċipriet attwali: Mons. Carmelo Refalo STL, Protonotario Apostolico (17 t'April 2005 - preżent)

Quddies fil-Knisja Bażilika ta' Marija Bambina:

Matul il-ġimgħa: 5.00am, 5.30am, 6.00am, 6.30am, 7.45am, 8.30am, 4.30pm u 6.00pm (xitwa), 5.00pm u  7.30pm (sajf).

Fil-Ħdud u Festi Kmandati: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am (Konventwali), 9.45am, 11.00am, 5.00pm u 7.30pm.

(b) Knisja ta' Sant'Anton Abbati

Il-knisja ddedikata lil San Anton Abbati ilha teżisti sa mis-sena 1524 fl-area li hija b'mod popolari magħrufa bħala "Tal-Qacca". Fis-sena 1575, il-kappella kellha ċimiterju anness magħha u dan juri biċ-ċar li fl-inħawi kien hemm komunita' żgħira ta' nies jgħixu hemmhekk. Nhar it-28 t'April 1688, din il-kappella bdiet isservi ta' knisja parrokkjali u saret is-sede tal-kappillan Dun Bernard Formosa (l-ewwel kappillan tax-Xagħra). Hija baqgħet taqdi l-funzjonijiet ta' Knisja Parrokkjali sa Mejju 1692. Fis-sena 1814, faqqgħet il-pesta fix-Xagħra BISS - il-materjal kollu tal-kappella kellu jiġi maħruq biex jiddiżinfetta ruħu. Nhar l-10 ta' Frar 1942, fl-aqwa perijodu tat-Tieni Gwerra Dinjija, saret splużjoni fil-viċinanzi u l-balla qerdet totalment is-saqaf u partijiet oħra tal-knisja. Partijiet mill-knisja reġgħu ġew mibnija għal darb'oħra u l-knisja reġgħet infetħet għall-pubbliku nhar it-30 ta' Settembru, 1947. Tmien snin wara din il-ġrajja, il-knisja ġiet imkabbra u reġgħet infetħet pubblikament nhar it-3 ta' Novembru 1955. Fis-sena 1984, il-familja Bajada li toqgħod viċin il-knisja rregalat lill-knisja l-istatwa titulari preżenti ta' Sant' Anton Abbati, xogħol ta' l-artist Michael Camilleri Cauchi, bħala ringrazzjament lil Alla għat-twelid ta' tewmin ġodda.

Bħala parti mill-festi tri-ċentinarji li saru fix-Xagħra fl-okkażjoni tat-300 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa, nhar it-28 t'April 1988, l-Isqof Nikol G. Cauchi ikkonsagra l-knisja ta' Sant' Anton. Fl-1993, sar vestwarju ġdid għall-knisja u l-faċċata ġiet mibdula. Nhar il-Ħadd 21 ta' Jannar 2001, fi Pjazza Sant' Anton, ġie inawgurat monument fil-ġebla Maltija adunur Sant' Anton Abbati, il-fundatur tal-Monastiċiżmu. Il-kwadru titulari huwa xogħol tal-pittur Salvatore Bondi (1790-1859) fis-sena 1818. Huwa juri lil San Anton waqt mumenti ta' talb f'ħajja ta' eremitaġġ - fl-isfond tal-kwadru, wieħed jista' jilmaħ it-tined li fihom kienu jgħixu l-infettati Xagħrin waqt iż-żmien tal-pesta (fl-inħawi ta' Għajn Lukin).

Il-festa ta' Sant' Anton tiġi ċċelebrata kull sena fit-Tielet Ħadd ta' Jannar li jkun l-eqreb Ħadd lejn is-17 ta' Jannar, festa liturġika tal-Qaddis. Ma' din il-festa, hemm marbuta l-uzanza tat-tberik ta' l-annimali peress li San Anton huwa l-protettur tagħhom.

Rettur: Kan. Dun Ġwann Sultana (Lulju 1998 - preżent)

Quddies fil-Knisja ta' Sant' Anton Abbati:

Matul il-ġimgħa: 6.30pm (xitwa) 7.30pm (sajf) Ħdud u Festi Kmandati: 6.30am, 10.00am

(c) Knisja ta' Ġesu' Nazzarenu

Din il-knisja tinsab fl-inħawi li fl-antik kienu magħrufa bħala Ta' Gajdoru. Il-knisja ġiet mibnija fis-sena 1904 fuq disinn ta' l-Arċipriet Dun Ġużepp Diacono biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies li joqogħdu f'dawk l-akwati. Il-Knisja hija ddedikata lil Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu - il-kwadru titulari huwa xogħol tal-pittur Malti Lazzaro Pisani. Fil-knisja nsibu wkoll pitturi ta' San Ġużepp (xogħol Lazzaro Pisani) u Sant' Anna (xogħol Ganni Vella). Nhar il-21 ta' Novembru 1930, komunita' ta' Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu', imwaqqfa minn Dun Ġużepp Diacono u Madre Margerita Debrincat, ġew joqogħdu fid-dar li tmiss mal-Knisja tan-Nazzarenu. Huma bdew jieħdu ħsieb il-knisja u jgħallmu l-katekiżmu. Fetħu wkoll skola tal-kindergarten. Il-knisja ta' Ġesu' Nazzarenu ġiet ikkonsagrata sollennament mill-Isqof Mons. Mikiel Gonzi nhar il-15 ta' Novembru 1931 f'funzjoni li ħadet madwar erba' sigħat. Fis-sena 2001, fi żmien ir-Rettorat ta' Dun Injazju Borg, il-knisja ġiet rinovata skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Konċilju Vatikan II. Il-proġett ġie inawgurat mill-Isqof Mons. Nikol G. Cauchi u l-Knisja reggħet infetħet għall-pubbliku wara r-restawr nhar il-Hadd, 3 ta' Novembru 2001.

Il-festa ta' Ġesu' Nazzarenu, li tinkludi purċissjoni ewkaristika mat-toroq tan-Nazzarenu, tiġi ċċelebrata kull sena fit-Tielet Ħadd t'Ottubru.

Rettur preżenti: Rev. Kan. Anton Refalo Rapa (Frar 2006 - preżent)

Quddies fil-Knisja tan-Nazzarenu:

Matul il-ġimgħa: 7.30am, 6.30pm (xitwa) 7.30pm (sajf) Ħdud u Festi Kmandati: 6.00am, 7.30am u 10.30am.