San Pawl il-Baħar

Dħul

Print this page

Minn żmien il-qedem, San Pawl il-Baħar dejjem kellu sehem importanti fl-istorja ta’ Malta. F’din il-lokalità nsibu diversi siti ta’ importanza arkeoloġika u storika li jeħduna lura sa 6000 sena ilu. L-eqdem fosthom insibu 7 oqbra preistoriċi. Żewġ tempji neolitiċi, raddi antiki tal-karettun, oqbra Puniċi u fdalijiet oħra ta’ żmien il-bronż juru li dawn l-inħawi kienu ċentru ta’ attività fi żmien il-qedem. Bil-miġja tar-Rumani fis-sena 218 QK, din l-importanza kompliet żdiedet la darba San Pawl il-Baħar kien l-eqreb port għall-flotta Rumana. Għadd ta’ ankri Rumani nstabu f’qiegħ il-baħar. Fix-Xemxija, triq Rumana li twassal għall-imġiebaħ u banjijiet Rumani għadhom ippreservati tajjeb.

Iżda l-ġrajja li bidlet l-istorja ta’ Malta kien in-nawfraġju ta’ San Pawl li seħħ f’San Pawl il-Baħar fis-sena 60 AD, li bis-saħħu l-Maltin saru Nsara.

Għal diversi snin San Pawl il-Baħar kien prattikament mitluq minħabba li kien espost għall-attakki mill-furbani. Minkejja dan kien jipprovdi għixien għal dawk il-bdiewa u sajjieda li kienu joqodgħu hemm. Mal-wasla tal-Kavalieri nħass il-bżonn li l-bajja jkollha protezzjoni u hekk iffortifikawha permezz ta’ fortijiet, trunċieri, batteriji, ridotti u torrijiet.

Il-Gran Mastru Wignacourt bena torri msemmi għalih fl-1610; inbena torri ieħor fil-Qawra fl-1637, Batterija fil-Mistra fl-1653, u nbnew 2 ridotti fix-Xemxija fl-1740.

Fi tlugħ ix-xemx tal- Ħadd, l-10 ta’ Ġunju 1798, il-Franċiżi żbarkaw fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. Fit-13 tal-istess xahar ħafna iġfna Franċiżi daħlu San Pawl il-Baħar biex jieħdu l-ilma u l-provviżjon għalihom u wara jibqgħu sejrin lejn l-Eġittu. Minħabba li ma għarfux jimxu mal-Maltin, il-Franċiżi spiċċaw imkeċċija mill-Maltin, bl-għajnuna tal-Ingliżi ma’ sentejn wara.

Matul id-19-il seklu fi żmien l-Ingliżi, numru ta’ vilel inbnew minn sinjuri Maltin f’San Pawl il-Baħar. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija ħafna minn dawn il-vilel kienu rekwiżizzjonati mis-servizzi. San Pawl il-Baħar sar “kamp enormi għall-mistrieħ“. Fit-8 ta’ Settembru 1943, dakinhar li l-Italja ċediet, 76 bastiment tal-flotta Taljana ankraw taħt il-kanuni li kienu jiddominaw San Pawl il-Baħar.

Illum il-Qawra, Bugibba, San Pawl, ix-Xemxija u Burmarrad saru medda waħda ta’ bini – appartamenti, lukandi, ristoranti, vilel, djar u ħwienet li ħolqu ċentru ta’ attività . Fix-xhur tas-sajf, il-popolazzjoni taqbeż is-60,000 ruħ.

Dal-post sar wieħed mill-aktar postijiet frekwentati għall-mistrieħ u divertiment.

             
View Larger Map