Ħal Tarxien

Residenzi Importanti

Print this page

(Tagħrif miġbur mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino, b'żieda ta' tagħrif minn Jos. A. Farrugia)

Id-Dar tal-Logutenent Ġuzeppi Montebello jew "Tal-Kmand"

Fi Triq Sqajjaq, li tinsab hekk kif inħallu l-pjazza ta' wara l-Knisja Parrokkjali, wieħed jiltaqa' ma' dar kbira, Nru 35, terran mibnija b'arkitettura tajba li fiha kien jgħammar il-Logutenent Ġuzeppi Montebello li twieled f'Ħal Tarxien. Dan kien benestant u maħbub ħafna min-nies tar-raħal, tant li fir-rewwixta tal-Maltin kontra l-FranċIżi, fl-1798, kienu għazluh bħala l-kmandant tagħhom.
F'din id-dar wieħed jista' jinnota t-twieqi li qegħdin fl-ewwel tliet filati minn ma' l-art. Dawn it-twieqi huma maħdumin minn ħadid u bl-istil qadim tal-ħolqa li tgħaqqad il-vireg. Din id-dar inbniet bil-flus mogħtija lil Ġuzeppi Montebello mill-Gvern bħala rigal tat-tmexxija tiegħu fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi. Id-dar fiha ġnien imdaqqas magħha.

Id-Dar ta' Dun Frangisk Caruana DD. (1814-1895)
Din id-dar jew aħjar villa, li llum hija Kunvent tas-Sorijiet tal-Karita', kien bnieha u ġie joqgħod fiha Dun Franġisk imwieled Ħal Tarxien, wara li spiċċa minn Kappillan ta' Ħal Balzan. L-arkitettura ta' din id-dar hija waħda mhux tas-soltu minħabba li l-faċċata proprju tinsab wara setaħ li huwa maqtugħ mill-għajn tan-nies billi hu xi filata jew tnejn ogħla mit-Triq.

Wara mewtu Dun Franġisk ħalla din il-villa lill-Patrijiet il-Bojod għall-użu tagħhom, Iżda aktar tard fl-1901 din il-villa flimkien mal-knisja li hemm magħha, għaddew għand is-sorijiet tal-Karita' ta' San Vincenz de Paule.

Id-Dar ta' (Dun Ġużepp Calleja) Gana' (1748-1798)
Id-"Dar ta' Gana'", tinsab fuq in-naħa tax-xellug tal-faċċata tal-Knisja Parokkjali f'Misraħ ir-Repubblika. Din inbniet fis-seklu 17, b'xi żidiet fis-seklu 18, u għandha bieb qisu ta' xi kunvent u tikkonsisiti fi kmamar kbar u ġnien kbir. Għal ħafna żmien din id-dar kienet tal-Barunijiet tal-Marsa, il-familja Azzopardi Castelletti.

Din id-dar ħadet l-isem mill-istess familja Gana' li hu magħruf li kienet familja għanja u benefattriċi tal-knisja parrokkjali. Waħda mill-qniepen il-kbar tal-kampnari hija waħda mid-donazzjonijiet li taw din il-familja.

Dun Guzepp Calleja hawn min jgħid li kien wieħed mill-membri tal-familja Gana' u kien professur fl-iskola ta' l-Għarbi. Kien magħruf ukoll għall-istudju li għamel fix-xjenzi naturali, fl- arkeoloġija u fin-numismatika. Hu kien għalliem ta' Miekel Anton Vassalli.

Dun Ġużepp miet fid-19 ta' Mejju 1898, ftit gimgħat qabel ma' Napuljun niżel Malta u f'dak it-taħwid ta' dak iż-żmien, xi nies daħlu f'daru, nru. 49 Sqaq nru. 1 Misraħ ir-Repubblika, u ħarbtu kull ma sabu, fost ħwejjeġ oħra l-kotba u l-manuskritti li kellu. L-uniku ktieb li għad fadal hu d-Dizzjunarju Għarbi/Tork li għadu merfugħ fil-Biblijoteka.

Id-Dar ta' Frangesco Faure' (Skultur)(1849-1915)
Id-Dar ta' Franku, jew kif inhi magħrufa ukoll f'dawn l-aħħar snin "tan-Naxxari", hija dar kbira bi ġnien kbir magħha u li tinsab f'Misraħ ir-Repubblika wara l-Knisja Parrokkjali. Il-faċċata ta' din id-dar hija bi stil barokk tas-seklu 18 b'bieb fin-nofs u magħmula b'sengħa artistika.

Għal xi żmien kienet tintuża bħala skola elementari għal dawn l-inħawi. Wara l-1890, f'din id-dar kien jgħix u jaħdem ta' skultur Mastru Frangesco Faure', magħruf aħjar bħala Mastru Franku, li ħalla warajh ħafna xogħlijiet fil-Knisja Parrokkjali bħal sett ta' ventaltari u l-gandlieri tal-festa tal-Lunzjata għall-altari kollha, kif ukoll il-bradella tal-vara titulari, gwarniċi tal-Via Sagra u xogħol ieħor.

Il-Villa ta' l-Isqof Leonardo Abela (1541-1605)
Faċċata tal-Knisja żgħira ta' San Bert fi Triq il-Kbira hemm villa (sa ftit żmien ilu kienet magħrufa bħala l-Health Farm li mill-kobor tagħha turik li kienet bini importanti ħafna fl-imgħoddi. Fl-intrata fuq il-bieb tax-xelluq hemm kitba bl-Ingliż fuq irħama li tgħid li din il-villa nbniet minn Leonardu Abela Isqof ta' Sidon fis-sena 1562-64.

L-Isqof Abela għazel li jibni l-palazz tal-villeġġjatura tiegħu f'Ħal Tarxien fit-triq ta' quddiem il-Knisja, xi tliet snin qabel l-Assedju l-Kbir ta' 1565. Għalhekk jingħad li hawn għex il-Kmandant Tork li għażel Ħal Tarxien bħala post tal-ħażna ta' l-ikel għat-Torok. F'din il-villa, il-familja Abela kellha kappella privata.

Fi żminijiet ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija din il-Villa serviet ta' skola governattiva primarja u sekondarja ta' dan ir-Raħal wara li matul il-gwerra kienet użata mionn Reġiment Ingliż u jgħidu li fiha ġiet ippjanata l-invazjoni ta' l-Afrika. Jinghad li f'xi zmien li Churchill kien hawn Malta, inżammu xi laqgħat sigriet hawnhekk.

Id-Dar ta' Giacomo Aspinall (....-1874)
L-isem ta' din id-dar hu meħud mill-kunjom tal-familja Ingliża Aspinall li fosthom kien hemm wieħed bl-isem ta' James li kien pittur kif ukoll negozjant. Din id-dar kbira tinsab fil-bidu tat-triq li twassal għal Rahal Ġdid fi Triq Ħal Tarxien. Din kienet l-ewwel dar bil-bieb imżejjen bil-kolonni, waħda fuq kull naħa, b'linja klassika u komposizzjoni simmetrika, bieb fin-nofs u twieqi fil-kmamar fuq kull naħa.
Sal-bidu tas-snin sittin, din id-dar kienet isservi ta' għassa tal-Pulizija u għal bosta snin qabel serviet bħala għassa Distrettwali ukoll. Sa ftit żmien ilu din id-dar kienet tintuża bħala Uffiċċju Distrettwali tas-Sanita'. Issa tinsab battala.

Il-Villa tal-Markiż Barbaro di San Giorgio
Dik li darba kienet id-dar residenzjali tan-nobbli Markiż Barbaro di San Giorgio, hija waħda mill-eqdem vilel li jinsabu f'Ħal Tarxien. Hħall-ewwel din il-villa, li tinsab fil-bidu ta' Triq Żejtun kantuniera ma' Triq il-Kbira, kienet razzett kbir b'għalqa mieghu.

Fis-seklu 19 Ġiet miżjuda b'gallerija bil-ħġieġ magħluqa fuq disinn ta' arkitett Ingliż li għamlilha bieb sabiħ ħafna. Din id-dar kienet inbniet bħala villeġġjatura tal-Markiż Barbaro di San Giorgio għall-ħabta ta' l-1860.

Il-familja tal-Markiż kienet maħbuba ħafna fir-Raħal għaliex kienet tgħin lill-familji fil-bżonn. Il-Markiż għamel żmien jaħdem bħala supretendent tal-ħabs lejn tmiem is-Seklu 19. Fi żmien l-aħħar gwerra kienet użata bħal post għat-taħriġ tas-suldati Maltin.

Villa Lanzon
Din il-villa nbniet fl-aħħar snin tas-seklu 19 u tinsab fi Triq Paola. Hija msemmija għall-Familja Lanzon, li bnietha fl-1877 u poġġiet fuqha l-arma skolpita bis-simboli tagħha: Lanzetta (Lanzon) u Palma (Palma) jiġifieri l-kunjomijiet tal-missier u ta' l-omm. Villa Lanzon kienet l-ewwel bini li kellu l-qatran fil-pedamenti tiegħu fuq esperiment tal-periti Ingliżi f'Malta li rnexxa ħafna biex jeqirdu l-umdita' li soltu kienet tħassar il-bini antik bil-ġebla ta' Malta. Mill-1925 sa żmien it-Tieni Gwerra Dinjija (1939) serviet ta' skola tal-Gvern. Fil-Gwerra kienet okkupata mir-Reġimenti Ingliżi. Mill-1945 sa l-1961 kienet użata bħala skola primarja tal-Gvern. Issa qed intuża bħala dar residenzjali.

Id-Dar tal-Kejka
Jingħad li din id-dar kienet ġiet mibnija minn Ġużeppi Abela, bniedem għani, wara li kien iddeċieda li jibni kunvent għall-Patrijiet tal-Kappuċċini Franġiskani fi Triq Xintill, triq li minn Ħal Tarxien tagħti għal Ħal Luqa. F'dan il-bini kienu jinsabu żewġ niċeċ sbieħ bl-iskultura, waħda imberfla bil-ġilju, stilel u ħamiema (Spirtu s-Santu) fil-quċċata li fiha kellha xbiha tal-Lunzjata. Fil-faċċata li tħares lejn ir-Raħal hemm niċċa oħra imberfla kollha b'tinqix tal-fjuri u ġo fiha xbiha ta' Kristu Msallab u taħtu ras ta' mewt. Riċentement dan is-salib ġie misruq ukoll.

Ghalkemm l-arkitettura hija waħda sempliċi, in-niċeċ jispikkaw fir-reqqa ta' l-iskultura tagħhom. Minn ġewwa, t-travi jserrħu fuq saljaturi żgħar skolpiti bi fjuri. In-naħa ta' wara ta' din id-dar x'aktarx kienet tintuża bħala stalel għall-annimali.

Fis-snin sebgħin, meta din id-Dar kienet ġiet mitluqa, Il-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien, irsista sabiex din id-dar tkun restawrata mid-Dipartiment tal- Mużewijiet u wara tkun mgħoddija lill-istess Kunsill sabiex tintuża bħala Mużew Kulturali ta' Ħal Tarxien. Effettivament hekk ġara, u minbarra dan qed tintuża ukoll għal attivitajiet organizzati mill-Kunsill Lokali, korsijiet, u wirjiet minn diversi esibituri. Din id-Dar qed tkun indukrata mill-iScouts ta' Ħal Tarxien u qed isservi bħala l-post fejn jiltaqgħu.

Villa Le Fevre
Din il-Villa, li hija mibnija f'wieħed mill-isbaħ postijiet ta' Ħal Tarxien, tinsab tħares lejn Raħal Ġdid bi pjazza triangolari quddiemha. Għandha faċċata milħuqa b'taraġ ta' linja barokka tas-Seklu 18, b'żewġ twieqi kbar fuq kull naħa, u gallerija tal-ġebel mifruxa fuq mensola kbira. Is-sular ta' fuq jidher li kien miżjud wara. Fil-bidu ta' dan is-seklu din il-villa serviet bħala skola primarja tal-Gvern, għas-subien taż-żewġt irħula Tarxien u Pawla. Hija l-isbaħ dar barokka li hawn f'Ħal Tarxien.
Jingħad li l-isem ta' din il-Villa ġej minn Familja FranċIża li kellha l-art qrib l-istess villa sekli ilu. Meta E.B.Vella kien surmast, kien joqgħod fil-parti ta' din id-dar fin-naħa ta' Triq Paola.

Id-Dar ta' Manduka
F'tarf Triq Santa Marija, qabel ma tiġi għall-Bank ta' l-HSBC, tinsab dar kbira ta' żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann. Din id-dar għandha arkitettura tar-rinaxximent Malti tas-seklu 16. Għandha isfel u fuq bi twieqi sbieħ u fis-sular ta' fuq imżejjen bi gwarniċi li fihom bħal wardiet u fjurdaliżi skolpiti fil-ġebel, li juru li l-ewwel sid ta' din id-dar kien xi kavallier Franċiż, iIżda llum tinsab abbandunata u xi ftit żdingata. UFtit żmienilu kienet tintuża bħala razzett.

Id-Dar Normanna
Fil-kantuniera ta' 33,34 Triq Pawla ma' Triq Lanzon għadhom riċentement (1995) kemm twaqqgħu l-aħħar fdalijiet ta' dak li darba kien bini importanti ħafna li fl-1955 biex titwal u tinfetaħ Triq Lanzon. Il-ħanut tax-xorb li hemm in-naħa l-oħra tat-Triq huwa parti minn din id-dar . Xhieda ta' dan huwa r-rużun li hemm mal-ħajt. Din kienet waħda fost id-djar l-aktar qodma li jinsabu f'Ħal Tarxien. Ta' min isemmi hawnhekk li l-Kunsill Lokali tar-Raħal irsista ma' l-awtoritajiet sabiex il-ftit fdalijiet li kien baqa' minn din id-dar ikunu preservati u ma jitwaqqgħux. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet iddeċieda li s-samrotti ta' l-arkata li kienet għadha wieqfa ikunu nnumerati u mħottija, kif fil-fatt sar, u wara jerġgħu ikunu mibnija fil-Mużew Kulturali Nazzjonali. Fil-bini ġdid li telgħa, minflok, ġiet inkorporata repplika ta' l-istess Arkata Normanna oriġinali.

Villa Dunalistair
(Jew it-Torri ta' Wara l-Bjut) Żmien ilu kien hemm Torri antik ħafna (illum meqrud) jissejjaħ ‘Għassiewi' minn fejn is-suldati tad-Dejma kienu jagħmlu l-għassa, aktarx fil-ġnien Dunalistair; xhieda ta' dan hi l-iskrizzjoni li hemm imwaħħla fuq il-bieb tal-Villa, fuq in-naħa ta' ġewwa l-ġnien turi li tqiegħdet hemm fl-1691, meta dan il-bini kien ġie mkabbar biex iservi ta' Palazzo Hunting Lodge mill-Kavallieri. Il-Plakka turi ukoll li dan il-bini kien iservi ta' kwartieri għall-membri tad-Dejma li kienu stazzjonati hawn biex jipproteġu l-iktar dawn in-naħat minn xi invazjoni Torka, min-naħa ta' Nofs in-Nhar ta' Malta.

Dan it-Torri ta' Wara l-Bjut inbena fi żmien il-Gran Mastru Adrijano Wignacourt (1690-97).

Minn dan it-Torri, (l-antik), aktarx li ġej l-isem ta' 'Strada Rocca' li tfisser fortizza, torri jew post iffortifikat. Il-lum dan l-isem tbiddel u sar 'Triq il-Blata', s'intendi bi żball. Dawn in-naħat jissejħu "Tal-Qalgħa" li tfisser post għoli jew fortizza.

Il-General Baynes Arthur, li kien Public Secretary u aktar tard Lieutenant Governor, kien ta l-isem lil din il-Villa bhala Villa Dunalistair F'nofs is-seklu għoxrin, it-tabib tal-Biċċerija, Macfarlene, ġie joqgħod fiha. Illum din il-Villa sar jisimha Villa Tarxien.
Il-kitba mnaqqxa fl-irħam tgħid hekk:

Dejjem ngħasses, nissamma',
U nħares kullimkien
B'inhar u bil-lejl 1691

Is-Salib tad-Dejma
Dan is-Salib jissejjaħ "Tad-Dejma" għax is-suldati tad-Dejma ta' l-irħula ta' madwar Ħal Tarxien kienu jiltaqgħu ħdejh. Id- DEJMA inħolqot fil-Medju Evu biex tqabbad ħafna nies f'Malta biex Iħarsu x-xtut u l-plajjiet tal-Gzejjer kontra l-ħallelin tal-baħar, imsejħa pirati, jew sibi. Dawn il-kursari mhux biss kienu jaqbdu xi xwieni jew dgħajsa, imma kienu ukoll jinżlu f'xi xatt, joqtlu lill kull min jiqfilhom, u jisirqu dak kollu li jgħodd għalihom u saħansitra jaħtfu ħafna nies u jkaxxkruhom magħhom bħala lsira.

In-nisel tad-DEJMA jfisser għassiesa u difensuri dejjiema tal-poplu jew kif kienet tissejjaħ, Il-Milizia Nazzjonali li kienet magħmula minn irġiel kollha mis-16 sal-65 sena. Din l-għassa kienet issir kuljum bejn Marzu u Ottubru kull sena.

Fis-snin 1419 u 1420 in-numru ta' nies fil-Militia minn Malta kollha (barra l-Birgu_ kien ilaħħaq għal madwar 1667. Dawn kienu mxerrda mal-villaġġi ta' Malta kollha. Il-villaġġ ta' Mitraxen (Ħal Tarxien) kellu 18, li minnhom erba' kienu jipprovdu żiemel. Ma' dawn trid tgħodd 12 oħra li kienu ġejjin minn Ħal Gellud u Ħalsiflani.

Is-Salib tad-DEJMA f'Ħal Tarxien, jinsab fin-naħa tal-Lvant, fejn jiltaqgħu l-erba' toroq li minn dan ir-Raħal jiġbdu waħda għaż-Żejtun u l-oħra għal Ħaż-Żabbar, m'hux l-istess wieħed li kien ġie mqiegħed l-ewwel darba. Dak li jidher fir-ritratt huwa replika tas-salib oriġinali. Hu jinsab fi Triq Dejma fil-pjazza ta' Kurunell Mas. Sar fl-1994 minn flus il-Mid-Med Bank, b'inizjattiva tal-Kunsill Ċiviku.

Jingħad li s-Salib oriġinali kien ġie mneħħi minn fejn kien u tqiegħed fl-1905 fiċ-ċimiterju ta' l-Imgħallqin fl-istess Raħal (kif kien jissejjaħ dak iż-żmien Iċ-Ċimiterju ta' l-Erwieħ), minhabba xi insulti li kienu sarulu minn Ingliżi li spiss kienu jgħaddu minn hemm.

Is-salib li kien hemm sa l-1976, issa tqiegħed fi Triq it-Tempji NeolitiċI kantuniera ma' Triq Santa Marija.