Ħal Tarxien

Knejjes

Print this page

Il-Knisja Parrokkjali bit-titular l-Annunzjata
il-Kappella ta' Santa Marija tar-Rokna li tinsab fi Triq Santa Marija
il-Knisja ta' San Bert  li tinsab fi Triq il-Kbira faccata ta' Villa Abela
il-Knisja ta' San Guzepp fi Triq Tarxien
il-Kappella ta' l-Erwieh
il-Knisja ta' Santu Wistin fi Triq Santu Wistin

(Tagħrif miġbur mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino, b'żieda ta' tagħrif minn Jos. A. Farrugia)

Il-Knisja ta' Santa Marija

Fin-naħa ta' fuq ta' Ħal Tarxien, fi Triq Santa Marija, tinsab knisja żgħira imma ferm ħelwa li hija msejħa ta' Santa Marija Tar-Rokna. Hija waħda mill-knejjes qodma u għandha faċċata mill-isbaħ, b'żewġ kampnari pariġġ u bejniethom statwa tal-Madonna tiela' s-sema u warajha koppla żgħira. Jingħad li meta nbniet il-faċċata ta' din il- Knisja, fl-1909, swiet 86 liri Maltin. Wieħed mill-kampnari jsemma leħnu bi tliet qniepen żgħar. Il-forma tal-knisja kif nafuha llum bi speċi ta' koppla saret bejn l-1729 u l-1737.

Il-knisja hija antika ħafna u kienet hemm ħafna qabel ma' Ħal Tarxien sar parroċċa. Infatti naqraw fir-rapport ta' l-Isqof Cagliares li nbniet għall-ħabta tal-1415 minn Duminka, armla ta' Gentile Azzopardi, li għanietha b'xi renti, fi żmien l-Isqof Antonio di Platamone.

Ġewwa hemm żewġ altari. Il-maġġur għandu kwadru ta' l-Assunta magħmul fl-1771 minn Rokku Buhagiar u mdawwar bl-iskultura. Fuq l-uniku altar, barra dak tat-titular, f'din il-knisja hemm kwadru ieħor antik tal-Madonna tar-Rużarju bil-Bambin u x-xbihat ta' San Duminku u Santa Katerina, li kien fil-Knisja Parrokkjali qabel is-sena 1770.

Dari f'din il-knisja kien hemm bosta kwadri żgħar pittura għall-wegħdi, xogħlijiet bla valur artistiku iżda ta' siwi storiku. Fost dawn fadal biss tnejn ex voto li huma xhieda tad-devozzjoni antika li kellhom missirijietna speċjalment min-nies tal-baħar lejn il-Verġni Mbierka Mtella' s-Sema.

Dun Frangisk Penza, li għal xi żmien kien il-prokuratur ta' din il-knisja, fl-1909 żejjinha b'faċċata ġdida, żewġ kampnari u statwa ta' Marija Santissima magħmula minn Francesco Faure'. Barra minn hekk, Dun Frangisk kien ħalla f'din il-knisja Kurċifiss artistiku ferm sabiħ ta' l-avorju mqiegħed ġewwa kaxxa li fuq nett iġġib l-arma ta' Penza.

F'nofs din il-Knisja hemm midfun wieħed mill-aqwa benefatturi tagħha, Lorenzo Bugeja li miet fid-19 ta' Marzu 1800.

Din il-knisja kienet minn dejjem miżmuma tajjeb kif għadha sal-lum u kull sena tiġi mżejna għall-funzjoni li ssir fil-festa ta' Santa Marija, 15 t'Awissu.

Il-Knisja ta' San Bartilmew u tal-Madonna tal-Bon Kunsill


It-tqegħid ta' l-ewwel ġebla tal-knisja ta' San Bartilmew u tal-Madonna tal-Bon Kunsill sar fl-1764. Dun Bert Mangion, li miet fit-2 ta' Awissu 1759 fl-eta' ta' 54 sena, kien saċerdot ħabrieki minn Ħal Tarxien u ftit ġranet biss qabel ma' miet (29 ta' Lulju) għamel testment għand in-Nutar Pietru Antonju Madiona fejn ħalla biex tinbena knisja ġdida filjali (żgħira) f'Ħal Tarxien. Din il-knisja kellha tkun ad unur San Bartolomew, il-qaddis li tiegħu Dun Bert kien iġib ismu u tal-Madonna taħt it-titlu tal-Parir it-Tajjeb.

Għalkemm ċkejkna fid-daqs din il-knisja hija ġawhra ta' l-arkitettura, xogħol il-perit Malti Giuseppe Bonnici (1707-1779). Fil-bini ta' din il-knisja ġiet maħsuba ukoll dar kbira fejn kellu joqgħod il-kappillan, li għadha tintuża sal-lum bħala dar parrokkjali.

Din il-knisja damet tinbena 12-il sena għax kien hemm xi malintiż ma' l-Inkwiżitur u fl-10 ta' Marzu 1776 il-Kappillan Dun Ġwann Psaila (1768-1799) bħala delegat tal-Logutenent Mons. Grech bierek din il-knisja. Aktar tard qaddes l-ewwel quddiesa kantata. Fuq talb magħmul mill-istess kappillan Psaila lill-Isqof Fra Vincenzo Labini (1780-1807), Naplitan, il-Knisja ġiet ikkonsagrata mill-imsemmi Isqof fit-30 ta' April 1797.

L-ewwel festa kienet ġiet iċċelebrata f'din il-knisja fl-1776 nhar it-23 ta' Awissu mill-Kappillan ta' Ħal Tarxien stess, Dun Ġwann Psaila.

Il-kwadru titulari, li juri lil San Bartilmew Appostlu u lill-Madonna msejjħa taħt it-titlu tal-Parir it-Tajjeb, nħadem fuq stil Barokk minn wieħed mill-akbar pitturi Maltin ta' l-aħħar tas-Seklu 18, Rokku Buhagiar (1725-1805). Barra minn hekk, din il-Knisja, kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa, hija mżejjna b'ħafna skultura. L-aktar ħaġa li tiġbdek hu d-disinn ħelu, bil-pilastri u gwarniċun kbir fuqhom minn fejn imbagħad titla' l-koppla li tagħlaq b'anterna.

Dun Bert Mangion jinsab midfun f'nofs il-knisja ta' San Bert fejn inġieb mill-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Tarxien fl-14 ta' Marzu 1776, akkompanjat mill-kleru u l-poplu ta' Ħal Tarxien, kif hu stess kien ħalla fit-testment.

Fil-preżent din il-knisja hija miżmuma tajjeb ħafna u kull sena, fix-xahar ta' Awissu jsiru l-festi ad unur San Bartolomew.

Il-Knisja ta' San Ġużepp

Dun Franġisk Caruana, aktar tard Monsinjur, kien wieħed li ħabrek mhux ftit fl-għajnuna li kellhom bżonn il-Patrijiet il-Bojod jew il-Missjunarji Afrikani meta dawn ġew Malta u kien hu li tahom id-dar tiegħu biex jiġu joqgħodu Ħal Tarxien, iżda dawn damu biss sa l-1896 meta marru lura fl-Alġerija.

Dun Franġisk, billi kellu xi sold mhux ħażin, bena dar ġdida fi Triq Tarxien u ma' ġenb din id-dar tella' Knisja żgħira f'ġieħ San Ġużepp. Din il-knisja għandha kampnar f'ġenb wieħed u sagristija magħha. Fil-faċċata ta' barra tal-knisja hemm statwa tassew sabiħa ta' San Ġużepp maħduma bil-ġebla Maltija mill-iskultur Vincenza Bonnici mill-Isla. Fuq l-altar ta' din il-Knisja kien hemm pittura tas-Sagra Familja, xogħol il-pittur Ġuze' Bonnici (1834-1900). Illum dan il-kwadru jinsab fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karita' f'Birżebbuġa; minfloku hemm pittura tal-Madonna ta' Lourdes, meta ddikjarat li kienet l-Immakulata.

Wara l-mewt ta' Dun Franġisk Caruana nhar il-5 ta' Novembru 1895 fl-eta' ta' 72 sena, il-Patrijiet il-Bojod tal-Kardinal Lavigerie ħadu pussess tal-kappella ta' San Ġużepp flimkien mal-proprjeta' ta' madwarha. Aktar tard, fl-1902, din il-kappella flimkien ma' bini ieħor għaddiet f'idejn is-Sorijiet tal-Karita' ta' Santa Antida Thouret taħt il-patroċinju ta' San Vincenz de Paule u ġiet iddedikata lill-Kunċizzjoni.

Il-Knisja jew il-Kappella fiċ-Ċimiterju ta' l-Erwieħ

F'dan iċ-ċimiterju kien hemm kappella, mibnija fl-1754, li minħabba l-iżvilupp li kien qed isir f'dawn l-inħawi (fis-sittinijiet), id-daqs tagħha nħass li kien żgħir. Kwadru li kien jinsab f'din il-kappella, li kien jirrapreżenta l-Madonna bl-Erwieħ kien ix-xogħol ta' Mastru Francesco Faure' (1849-1915) miż-Żejtun, iżda li għamel żmien twil joqgħod f'Ħal Tarxien.

Il-kolonni li kellha din il-kappella, xogħol ta' skultura mill-isbaħ, inġabru mill-Knisja Parrokkjali u kienu ttieħdu hemm meta l-Kappillan Dun Franġisk Attard u l-perit Michele Busuttil iddeċidew li jneħħu l-iskultura tal-Knisja biex jagħtuha ndafa u saħħa ġdida. Dan sar wara l-1890 meta sajjetta ħabtet mal-Knisja u tajret lanterna. Fl-1954, wara l-mewt tal-Kan. Dun Ġużepp Gonzi, li kien kuratur ta' dan iċ-Ċimiterju, ġie nkarigat biex jieħu ħsiebha ir-Rettur Dun Ġużepp Theuma. Waqt iż-żjara Pastorali li Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi għamel fil-Parroċċa ta' Ħal Tarxien fl-1962, ra li din iż-żona ġdida kienet ekwidistanti mit-tliet parroċċi tal-viċin u għalhekk kien jinħtiġilha tiġi kkurata aktar pastoralment.

Fl-1963 Dun Ġużepp kiseb l-art meħtieġa u wara nkariga lill-Perit Mons Valerio Vigorelli biex jagħti l-għajnuna tiegħu għall-proġett u fil-fatt ħejja l-pjanti kollha (għall-esebizzjoni) ta' din il-knisja kif ukoll pjanti għal ċimiterju ġdid bejn il-knisja l-ġdida u t-Tempji Neolitiċi.

Fit-13 ta' Diċembru 1964, quddiem il-parrinijiet l-Onor. Ministru l-Avukat Carmelo Caruana u t-tabib James Farrugia, l-E.T. Mons. Arċisqof Michael Gonzi qiegħed l-ewwel ġebla tal-Knisja fiċ-Ċimiterju ta' l-Erwieħ.

Il-bennej tal-knisja kien is-Sur Ġużeppi Vella minn Għawdex u s-sorveljanza tax-xogħol strutturali tal-knisja u l-estensjoni taċ-Ċimiterju ġew fdati f'idejn il-Perit Italo Raniolo. L-istil tal-knisja hu wieħed modern f'forma elittika. It-tul tagħha hu 100 pied waqt li l-wisa' hu 60 pied.

Id-disinn ta' l-altar il-ġdid sar u tħejja minn Mons. Valerio Vigorelli waqt li x-xogħol tal-mensa (mejda) sar mid-Ditta Alberghina ta' Caltagirone. Il-mensa hi ta' l-irħam. Ix-xogħol artistiku tas-simboli ta' l-Evanġelisti, li hu maħdum fil-ġebla Maltija, sar mill-iskultur Marco Montebello u ġie mqiegħed minn ibnu John.

Nhar il-Ġimgha 27 ta' Novembru 1987 Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca mexxa funzjoni li fiha sar it-tberik tal-Knisja l-Ġdida ta' l-Erwieħ u ta' l-altar uniku tagħha. Din il-knisja ġiet ikkonsagrata fit-13 ta' Diċembru 2002

Il-Knisja ta' San Nikola minn Tolentino

Waħda mill-Knejjes filjali li għandna fil-parroċċa hija dik ta' l-Agostinjani ddedikata lil San Nikola minn Tolentino, li l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata kull sena fl-10 ta' Settembru.

Fit-18 ta' Frar 1936, il-Provinċjal P. Lawrenz Agius, Agostinjan, għamel rikors lill-Arċisqof biex jiftaħ kappella għall-ġid spiritwali tan-nies fil-qrib, flimkien ma' dar reliġjuża. Din it-talba ġiet milqugħa mill-Arċisqof ta' Malta fis-6 ta' Mejju ta' l-istess sena.

Matul il-gwerra, l-Oratorju San Alwiġi, kif inhu magħruf il-bini tal-Patrijiet Agostinjani, serva bħal Ċentru ta' l-Air Raid Precaution u wara li spiċċat, inbidel fi skola sekondarja tal-Gvern għall-bniet.

Il-ħidma Agostinjana f'Ħal Tarxien bdiet fl-1 ta' Frar 1948 wara li d-Direttur ta' l-Edukazzjoni ta l-permess biex is-sala tkun tista' tiġi mibdula f'kappella pubblika u xi kmamar għall-patrijiet. Il-Ħadd 1 ta' Frar 1948, kienet saret l-Inawgurazzjoni Solenni bit-tberik tal-Kappella ġdida ddedikata lill-Qaddis Tawmaturgu San Nikola minn Tolentino.

Il-konkorrenza tal-fidili kompliet tikber, tant li wara snin ta' ħidma u sagrifiċċji, b'sodisfazzjon ta' kulħadd, fit-23 ta' April 1967, tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida. Il-konsagrazzjoni tal-Knisja saret mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi nhar l-10 ta' Mejju 1975.