Santa Venera

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Fit-triq li minn Ħ’Attard tibqa’ nieżla għall-Ħamrun hemm l-akwidott mibni mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt biex iwassal l-ilma għall-Belt Valletta. Post li jmiss ma’ dal-akwidott huwa Santa Venera. Dan l-akwidott kien beda x-xogħol fuq fl-1611 u kien tlesta mal-erba’ snin wara.

Quddiem dawn l-arkati tal-akwidott hemm ukoll il-palazz magħruf bħala Casa Leoni. Dan il-palazz inbena fi żmien il-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena. Jaħsbu li l-bini tal-palazz intemm fis-sena 1730. Dan il-palazz illum sar uffiċċju ministerjali, u għandu ġnien miegħu li kien wieħed mill-isbaħ ġonna f'Malta meta wieħed jikkomparah ma' dawk li kienu tal-istess daqs.

Ħdejn dal-palazz hemm ġnien li huwa miftuħ għall-pubbliku u huwa msemmi għal Romeo Romano. F'rokna ta’ dal-ġnien hemm sienja storika miżmuma tajjeb, u f’parti oħra tal-ġnien hemm wirja żgħira li tesponi l-għodda antika użati fl-agrikola. F’parti oħra tal-ġnien hemm razzett ukoll miftuħ għall-pubbliku.

Il-Kunsilli Lokali ta’ Santa Venera qed jagħmel ħiltu biex dan il-wirt komuni tal-ħajja antika f’Santa Venera u f’Malta jibqa’ jgawdih kulħadd.

Storja

Santa Venera


L-oriġini ta' Santa Venera hu marbut mal-kappella ċkejkna dedikata lil din il-qaddisa.

Hemm dubji jekk l-isem tal-lokalita` setax kien mogħti lill-kappella mibnija għall-ewwel darba fl-1550. Studjużi bassru li qrib il-kappella ta' Santa Venera seta' eżista xi tempju Grieg dedikat lil Venus jew Venere. Fil-kalendarju Ruman, insibu Verġni u Martri bl-isem ta' Veneranda (Venera). L-isem proprju Grieg ta' din il-qaddisa hu Parasceva jew Parasceve. Fit-rit Grieg Ortodoss, il-kult ta' din il-qaddisa hu popolari ħafna.

Din il-knisja żgħira għaddiet minn ħafna taqlib. Imiss mal-kappella hemm kunvent imdaqqas li nbena mill-eremiti ta' San Calogero. Meta l-eremiti naqsu fin-nurmu u sfaxxaw, l-Isqof ta' dak iż-żmien għadda ċ-ċwievet lill-Kapitlu Elenjan ta' Birkirkara.

Kienu bosta l-komunitajiet reliġjużi li tħajru jiġu jgħammru f'dan il-kunvent, iżda għal xi raġuni jew oħra telqu jew oħrajn reġa' bdielhom. Għal żmien twil kemm il-kunvent kif ukoll il-kappella kienu magħluqa. Mat-tmiem tas-seklu dsatax, Dun Xand Cortis kien joqgħod fil-kunvent u beda jieħu ħsieb il-kura ta' l-erwieħ ta' din il-lokalita`. Dun Xand jitqies bħala benefattur ewlieni ta' Santa Venera. In-nies kotrot tant li nħasset il-ħtieġa li l-knisja ta' Santa Venera tinħall għaliha bħala parroċċa. Dan seħħ fi żmien l-Isqof Mauro Caruana fl-1918. Il-knisja ż-żgħira ma kenitx kbira biżżejjed biex tlaħħaq mal-ħtiġiet tal-poplu li dejjem kien qiegħed joktor.

Għalhekk inħasset il-ħtieġa ta' knisja akbar li bdiet tinbena fis-snin sittin. Issaqqaf il-bażi tal-knisja l-ġdida u bdiet tintuża għall-kult divin. Fl-1989 reġa' nbeda x-xogħol fuq il-knisja l-ġdida li għandha tkun ta' servizz għall-komunita` Vendriża. Kien proprju fis-6 ta' Ottubru 1989 li sar it-tberik ta' l-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali l-ġdida.

Storikament l-isem ta' Triq il-Kbira San Ġużepp oriġina meta l-Kavallier Don Eugen Ramirez Maldonato bena wkoll palazz għaliħ fil-bidu tat-triq imsemmija. Dan il-kavallier bena wkoll kappella ċkejkna u ddedikaha lil San Ġużepp. L-isem ta' dan il-qaddis wirtu wkoll il-Ħamrun.

Fl-imsemmija Triq il-Kbira San Ġużepp insibu bosta istituti filantropiċi li għadhom sal-lum jaqdu l-missjoni nobbli li għaliha nbnew, bħall-Istitut Adelaide Ċini, l-Istitut Apap, il-Konservatorju Vincenzo Buġeja u l-Istitut San Ġużepp.

Insibu wkoll Casa Leoni mibnija mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena fl-1730. Il-ġnien ta' dan il-palazz illum hu ġnien pubbliku, Ġnien Romeo Romano.

Minn dan is-subborg jgħaddi b'mod majestuż l-akwidott li bena l-Gran Mastru Alof de Wignacourt fl-1614, li kien iforni bl-ilma lill-Belt Valletta. Dan is-subborg jista' għalhekk jiftaħar li għandu patrimonju rikk ta' inizjattivi soċjo-edukattivi mibnija minn nies għonja, iżda ta' qalb nobbli, għall-ġid tal-poplu kollu.

L-istemma ta' Santa Venera saret ġdida u hi tarka fuq sfond aħmar b'faxxa lewn il-fidda fin-nofs bi tliet fleur-de-lys ħomor fil-faxxa. Din il-belt hi assoċjata ma' l-akwidott li għandu l-istemma tal-familja bi tliet fleur-de-lys bl-aħmar fuq tarka tal-fidda. Minnha tnebbħet l-istemma ta' Santa Venera.