Santa Venera

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Wieħed minn xi daqqiet jasal f'post fejn u, mingħajr ma jrid, jinnota li għalkemm il-post illum hu marbut wisq mal-modern, xorta waħda jsib li jkun hemm rokna fejn ikunu konċentrati ċerti dettalji li juru li l-istorja hemmhekk ħalliet xi ħaġa żgħira wkoll. Wasla sa Santa Venera wieħed ikun jista' japprezza dan.

L-Akwidott
Kull min ikun għaddej minn dawn l-inħawi bilfors jinnota d-diversi arkati li hemm matul it-triq prinċipali. Dawn l-arkati huma parti mill-Akwidott - dak li kien inbena fiż-żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt ħalli b'hekk Il-Belt Valletta (Citta' Umilissima) tingħata l-ħajja. Għax kif kien hemm miktub fuq l-istess Akwidott, belt mingħajr ilma m'għandhiex ħajja.

U l-proġett kien ingħata bidu għalih bis-serjeta' minn dan il-Gran Mastru. Għax għalkemm kien hemm tentattivi qabel, minħabba n-nuqqas kroniku ta' flus, il-proġett qatt ma seta' jibda. U kien minħabba li dan il-Gran Mastru kien ħareġ il-flus hu stess li dan il-proġett fejjiedi seta' jinbena u jkun mitmum ukoll.

Kien fis-sena 1611 li x-xogħol ingħata bidu għalih mill-inħawi ta' wara L-Imdina (Citta' Notabile) u Ir-Rabat. Minn hemmhekk huma bdew jaqtgħu passaġġi taħt l-art u l-ilma dejjem beda jittieħed lejn id-direzzjoni tal-Belt. Malli wasal lejn Ħ'Attard iltaqgħu ma' problema minħabba d-dislivell tat-triq. Iżda din il-problema ġiet solvuta u għalhekk naraw l-arkati ta' l-akwidott f'dawn l-inħawi. Hekk kif wieħed jasal ħdejn it-torri, l-Akwidott jitkompla dejjem taħt l-art. L-ilma kien twassal sal-Forti Sant'Iermu u ħaġa raġunata li anke numru ta' funtani kienu twaqqfu.

Iċ-ċerimonja ewlenija saret f'April tas-sena 1615 fil-pjazza ta' quddiem il-Palazz tal-Belt. Kif diġa' għedna parti minn dan l-Akwidott tgħaddi mit-triq prinċipali ta' Santa Venera u għalhekk għadna nistgħu niftakru f'dawk iż-żminijiet meta l-ilma kien ikkunsidrat aktar prezzjuż mil-lum.

Il-Palazz
F'post partikulari, quddiem dawn l-istess arkati hemm ukoll il-palazz magħruf bħala Casa Leoni. Dan il-palazz inbena fi żmien il-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena u minħabba li dan kien proprjeta' tiegħu allura kien poġġa wkoll dawk l-istatwi ta' l-iljuni, li kienu parti mill-arma tal-familja tiegħu, biex iżżejjen il-faċċata.

Dawn l-iljuni qegħdin iżommu l-arma ġentilizja tal-familja tal-Gran Mastru. Fl-istess ħin il-Palazz ingħata l-isem ta' Casa Leoni, bħalma għadhu magħruf sal-lum. Hu maħsub li l-bini tal-palazz intemm fis-sena 1730. Skond storiċi ta' l-arkitettura, dan il-palazz hu eżempju ċar ta' kif palazz taż-żmien il-barokk kellu jkun.

Għandu wkoll il-ġnien tiegħu li hu wieħed mill-isbaħ ġonna li kien hawn f'Malta meta wieħed jikkomparah ma' dawk li kienu ta' l-istess daqs.

Għalkemm il-ġnien m'għadux jista' jkun gawdut, bħalma kien oriġinarjament, minħabba li l-istess Palazz sar uffiċċju ministerjali, xorta waħda għandu ċ-ċans li japprezza dan il-ġnien.

Ġnien Romeo Romano
Dan il-ġnien illum sar attrazzjoni għal dawk kollha li jkunu fl-inħawi. Il-ġnien hu indukrat sew u l-indafa li wieħed jara fih hi eżempju ta' kif ġnien pubbliku għandu jkun miżmum. Barra minn hekk, wieħed jista' jgħid ukoll li fih hemm irkejjen li huma verament sbieħ.

F'rokna minnhom hemm sienja li bl-inizjattiva ta' diversi nies hi miżmuma tajjeb ħafna. Fl-istess rokna hemm ukoll wirja żgħira. Din il-wirja hi konnessa mal-għodda agrikola. U għalkemm forsi naraw biċċiet ta' għodda li llum għadna narawhom, jew inkella nafu li għad hemm minn jużhom, fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn illum spiċċaw fix-xejn. U kienet verament għaqlija d-deċiżjoni li dawn l-għodod jinżammu u jitpoġġew fi speċi ta' mużew żgħir.

It-tielet rokna li hemm hi r-razzett stess. Min jaf kemm hawn nies li għaddew diversi drabi minn ħdejn irziezet, iżda qatt ma kellhom ċans li jidħlu f'wieħed minnhom. U hawnekk il-viżitatur għandhu ċ-ċans li jara dan kollu.

Għalkemm dawn huma rkejjen żgħar, iżda minn dawn id-dettalji nistgħu nibdew inħajru liż-żgħar tagħna biex jibdew japprezzaw aktar dak kollu li hemm madwarna. Għax fuq kollox uħud minn dawn l-affarijiet hemm ħafna minnha li għadhom jiftakruhom sew, iżda t-tfal tagħna żgur li le. U hi minħabba din li aħna għanda l-obbligu li nippreservaw dawn l-irkejjen storiċi, kif ukoll dawn il-fdalijiet, li jkomplu jagħmlu l-istorja tagħna lkoll daqshekk interessanti.

Bl-għajnuna ta' kulħadd, speċjalment issa li għandna f'kull raħal u belt tagħna l-Kunsilli Lokali, dan ir-rikonnoxximent lejn il-kultura lokali għandu jkompli jikber u mhux jispiċċa fix-xejn.