Santa Venera

Dħul

Print this page

Fit-triq li minn Ħ’Attard tibqa’ nieżla għall-Il-Ħamrun hemm l-Akwidott mibni mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt biex iwassal l-ilma għall-Il-Belt Valletta (Citta' Umilissima). Post li jmiss ma’ dan l-Akwidott huwa Santa Venera. Dan l-Akwidott kien beda jinbena fl-1611 u kien tlesta erba’ snin wara.

Quddiem dawn l-arkati tal-Akwidott hemm ukoll il-palazz magħruf bħala Casa Leoni. Dan il-palazz inbena fi żmien il-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena. Jaħsbu li l-bini tal-palazz intemm fis-sena 1730. Dan il-palazz illum sar uffiċċju ministerjali, u għandu ġnien miegħu li hu wieħed mill-isbaħ ġonna f'Malta meta wieħed jikkomparah ma' dawk li kienu tal-istess daqs.

Ħdejn dal-palazz hemm ġnien li huwa miftuħ għall-pubbliku u huwa msemmi għal Romeo Romano. F'rokna ta’ dan il-ġnien hemm sienja storika miżmuma tajjeb, u f’parti oħra tal-ġnien hemm wirja żgħira tal-għodda antika użati fl-agrikoltura. F’parti oħra tal-ġnien hemm razzett ukoll miftuħ għall-pubbliku.

Il-Kunsilli Lokali ta’ Santa Venera qed jagħmel ħiltu biex dan il-wirt komuni tal-ħajja antika f’Santa Venera u f’Malta jibqa’ jgawdih kulħadd.

           
View Larger Map